Left arrow Mur Lura

KONSULTAZZJONI MILL-MEUSAC DWAR IL-POLITIKA U L-FONDI TA’ KOEŻJONI

pr0055
Date Icon 13/01/2011

“Tajjeb li nagħmlu l-aħjar użu minn din l-opportunità li qed tagħtina l-Kummissjoni Ewropea biex inressqu l-proposti tagħna għat-titjib tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilqa’ għall-isfidi li ġejjin”. Dan qalu l-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb fil-bidu ta’ sessjoni ta’ konsultazzjoni ntiża biex tkompli ssaħħaħ id-djalogu mal-Kunsilli Lokali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili li l-MEUSAC jiffaċilita f’isem il-gvern biex il-politika u l-programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea jibqgħu ta’ benefiċċju għal pajjiżna u ċ-ċittadini.

Għal din il-konsultazzjoni dwar il-Konklużjonijiet tal-Ħames Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Koeżjoni attendew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (NGOs), tal-kunsilli lokali u persuni li għandhom interess f’din il-politika tal-Unjoni Ewropea li l-għan tagħha hu li permezz ta’ finanzjament tqarreb ir-reġjuni l-inqas żviluppati lejn dawk aktar avvanzati.

Marlene Bonnici, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Koordinament tal-Ippjanar u l-Prijoritajiet (PPCD) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tkellmet dwar l-irwol u l-ħidma tal-PPCD, il-konklużjonijiet tar-rapport dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, u l-oqsma differenti li jibbenefikaw minn din il-politika. Hi fissret fid-dettall x’inhuma t-tibdiliet li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq timplimenta mill-2014 ’il quddiem biex din il-politika tħalli l-aħjar riżultati għall-benefiċċju tar-reġjuni Ewropej kif ukoll l-impatt li dawn it-tibdiliet jistgħu jkollhom f’Malta.

Rappreżentanti tal-gvern lokali, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili għamlu interventi dwar kif din il-Politika tolqot is-settur li huma involuti fih. Paul Farrugia, Sindku ta’ Ħal Tarxien u membru sostitut tal-Kumitat tar-Reġjuni, tkellem dwar l-importanza ta’ din il-politika għall-Kunsilli Lokali u saħaq fuq l-importanza ta’ iktar kordinazzjoni sabiex Malta tibbenefika aħjar minnha. Sylvia Gauci, Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), tkellmet dwar il-ħidma tal-MCESD biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta u saħqet fuq il-bżonn li l-Gvern u l-imsieħba soċjali jkomplu jaħdmu flimkien. Vince Attard, President tan-Nature Trust (Malta) tkellem dwar l-esperjenza tal-organizzazzjoni tiegħu fl-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u f’liema oqsma jistgħu jibbenefikaw l-għaqdiet mhux governattivi u li jvarjaw minn proġetti ambjentali – marbuta mal-isfida tat-tibdil fil-klima - sa proġetti ta’ taħriġ u tagħlim.

Il-parteċipanti li ressqu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom dwar is-suġġett tkellmu dwar:

o Il-kordinazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-Gvern u l-Politika ta’ Koeżjoni;

o Il-bżonn li jeħfiefu l-proċeduri amministrattivi meta jingħataw il-fondi u l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ riżorsi li għandhom l-għaqdiet mhux governattivi meta japplikaw għall-fondi;

o Li ssir iktar enfasi fuq il-bżonn ta’ proġetti soċjali u li l-investimenti li jsiru permezz tal-fondi jagħtu riżultati li jinħassu;

o Attenzjoni ikbar għall-veduti tal-kunsilli lokali u s-soċjetà ċivili billi huma l-iktar li jħossu l-polz taċ-ċittadini fil-ħajja ta’ kuljum;

o L-importanza li l-organizzazzjonijiet, fil-proġetti li jippjanaw, jagħtu kas tal-prijoritajiet tal-Gvern u tal-pajjiż.

Fil-konklużjoni tagħha, Marlene Bonnici saħqet dwar il-bżonn li kull min jibbenefika mill-fondi jkun dejjem accountable biex il-flus tal-UE jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Hija ħeġġet lill-organizzazzjonijiet preżenti biex jibdew jaħsbu minn issa dwar xi proġetti jistgħu jippjanaw għal wara s-sena 2014.

Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb għalaq il-laqgħa billi fakkar li wieħed jista’ jikkontribwixxi għall-pożizzjoni li se jieħu l-Gvern dwar ir-Rapport dwar il-Politika ta’ Koeżjoni billi jikteb lill-PPCD sal-21 ta’ Jannar li ġej. Individwi kif ukoll organizzazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi jistgħu jieħdu sehem ukoll direttament fil-konsultazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni Ewropea.

Iktar tagħrif minn fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/regional_policy/consultation.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow