ACTIVE TEAM BUILDING ORGANIZZAT MILL-AWTORITÀ GĦAS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL
L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u Starlites Basketball Club, organizzat attività ta’ Team Building fejn l-enfasi kienet fuq l-eżerċizzju fiżiku. Permezz ta’ din l-attività, l-Awtorità ppruvat tilħaq żewġ għanijiet:
o li jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ fuq ix-xogħol bejn l-impjegati, kif ukoll ta’ bejn in-nies tal-Awtorità u oħrajn li jaħdmu fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ u f`organizzazzjonijiet li taħdem magħhom l-Awtorità; u
o li tippromwovi l-importanza tal-ħtieġa li nħarsu b’mod olistiku lejn is-saħħa tal-ħaddiema.
Għall-OHSA u għal ħafna kumpaniji oħra, inizjattivi bl-iskop ta’ team building m’humiex ġodda - li hemm innovattiv, iżda, huwa l-mod kif iddaħħal il-kunċett ta’ Workplace Health Promotion ma’ dak ta’ Team Building. Biex dan seta jseħħ kien hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-OHSA u d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, li nieda wkoll fuljett ġdid msejjaħ “Lunch Box for the Workplace”. Dan il-fuljett fih sensiela ta’ riċetti għal ikel li jista’ jew jittieħed ix-xogħol mill-ħaddiema jew li jkun servut f’canteens tal-ikel fuq ix-xogħol. Starlites Basketball Club ikkoordina l-aspetti ta’ Team Building u ta’ eżerċizzju fiżiku.
Kull min jaħdem f`organizzazzjoni jaf xi problemi jistgħu jinqalgħu jekk il-ħaddiema ma jiġbdux l-istess ħabel, jew jekk jitħallew jinbtu piki fuq il-post tax-xogħol. Ikun diżastru għall-kumpanija, jekk il-ħaddiema jaħdmu għal rashom, ma jaqsmux ideat, ma jirrispettawx deċiżjonijiet u ma jaġixxux bħala tim. Dan huwa l-għan ewlieni marbut mal-kunċett ta’ Team Building.
Fl-istess ħin, huwa ferm importanti għal min iħaddem li jkollu ħaddiema f`saħħithom. Għalkemm jeżistu diversi liġijiet li jipproteġu lill-ħaddiema minn riskji għal saħħithom fuq il postijiet tax-xogħol, ma jagħmilx sens li jkollok ħaddiema protetti minn perikli fuq ix-xogħol, waqt li fl-istess ħin dawn il-ħaddiema, jgħixu ħajja li qed tipperikolalhom saħħithom, permezz ta’ ħajja sedentarja, u nieqsa minn attività fiżika, dieta ħażina u mhux bilanċjata, u tipjip fost affarijiet oħra. Meta jintlaħqu livelli għoljin ta` saħħa, l-ħaddiema jħossuhom aħjar, jibqgħu produttivi u jieħdu inqas sick leave. B` hekk l-employer jibbenefika kemm finanzjarjament, kif ukoll permezz ta` image pożittiv li l-kumpanija hija waħda li tieħu ħsieb il-ħaddiema tagħha.
Din l-attività għandha l-appoġġ sħiħ tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, taħt il-programm li din l-Aġenzija qed tniedi matul din is-sena fir-rigward ta’ Workplace Health Promotion. L-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurà fuq il-Post tax-Xogħol qed tippromwovi wkoll din l-inizzjattiva biex tiġi ntrodotta kemm f`kumpaniji privati, u f’entitajiet pubbliċi.
L-Onor. Joe Cassar, Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, li għalaq din l-attività faħħar lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għal din l-inizjattiva innovativa, kif ukoll il-mod kif l-Awtorità u d-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, ikkollaboraw flimkien biex tkun tista’ titnieda din l-attività. Huwa awgura li dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u kumpaniji privati, jieħdu dan l-eżempju u huma wkoll jorganiżżaw attivitajiet simili fl-entitajiet tagħhom, u dan fl-istess interess tal-entitajiet nfushom u tal-ħaddiema.
Riċerka reċenti wriet li meta ħaddiema jkunu f’saħħithom, mhux biss għax protetti fuq ix-xogħol, iżda wkoll għax ikunu nkoraġġuti u mgħejjuna mill-kumpanija biex isegwu stili ta’ ħajja li jinkoraġġixxu livelli għoljin ta’ saħħa, tiżdied il-produttività, jonqsu s-sick leave u t-turnovers tal-ħaddiema. L-attività fiżika hija wieħed mill-modi kif dan jista’ jseħħ, flimkien ma’ miżuri oħra li jistgħu jittieħdu biex il-ħaddiema jibqgħu f’saħħithom.
Xi kummenti mill-parteċipanti:
Jesmond Bonello (Asst. Segretarju Ġenerali – UHM) - Prosit tal-attività li organizzajtu għax kienet organizzata tajba ħafna. Din hija attività sportiva li tiżviluppa numru ta’ ħiliet mhux biss fiżiċi iżda ukoll toħloq għaqda u relazzjoni aħjar ma’ persuni li kontinwament tiltaqa’ u taħdem magħhom. Din hi attività li toħloq tbissima waqt li qiegħed tagħmel sforz fiżiku. Meta tgħiduli nerġa’ niġi.
John B Scicluna (Manager-Sectors – Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry) – Il Malta Chamber tirringrazzja lil-OHSA talli ġiet mistiedna biex tkun rappreżentata f`din l-inizjattiva. It-taħlita bejn eżerċizzji fiżiċi u Team Building hija interessanti u innovattiva. Prosit lill-OHSA tal-organizzazzjoni u tal-eżempju li qiegħda tagħti b` dawn l-attivitajiet.
Josep Carabott (Turu Micallef Health and Safety Insitute – GWU) - Prosit lil kull min kellu sehem fl-organizzazjoni ta’ dan l-avveniment "Active Team Building", li kien mod divertenti kif twassal grupp ta nies jaħdmu bħala "team" biex jilħqu l-istess għan, filwaqt li fl-istess ħin il-parteċipanti kienu esposti għal eżerċizzji fiżiċi, li huma tant bżonnjużi. Grazzi talli tajtuni ċans nipparteċipa.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003