Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI

pr0048
Date Icon 12/01/2011

Passi konkreti favur il-bdiewa

Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jiċħad kategorikament il-ħafna insinwazzjonijiet li saru fl-artikli ppublikati fl-Orizzont tal-bieraħ u llum.

Il-fatti huma li l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali ilu snin twal jipprova jikkonvinċi lill-Pitkali Crates Limited biex ittejjeb is-servizz li kienet fid-dmir li tagħti lill-bdiewa u lill-konsumaturi.  Hija kemmxejn stramba kif il-ġurnal l-Orizzont, li kien ilmenta fuq il-ħmieġ li kien jitħalla fil-kaxxi, issa qiegħed jipprova jpinġi lill-Gvern f’dawl ikrah wara li l-Gvern aġixxa biex iwaqqaf dak in-nuqqas.

Minflok ma tejbet is-servizz offrut, il-kumpanija Pitkali Crates għażlet li ssib l-iskużi kollha possibli biex taħbi n-nuqqasijiet tagħha.  Il-fatti huma kif ġej:-

• Il-Ministeru għandu rapporti indipendenti li jmorru lura sal-2002 fejn jingħad li s-servizz li kienet tagħti l-kumpanija ma kienx aċċettabbli u kemm-il darba ġibed l-attenzjoni tal-kumpanija biex ittejjeb is-servizz li kienet titħallas għalih;

• Fi Frar tas-sena l-oħra, l-Ministeru kiteb lill-kumpanija u infurmaha li jekk ma jitjiebx is-servizz mhux ser titħallas aktar għal dak li mhix qed tagħmel.  Minkejja dan, is-servizz baqa’ jmur mill-ħażin għall-agħar;

• l-inkompetenza tal-management tal-kumpanija ssarfet f’telf ta’ eluf ta’ ewro fis-sena għad-detriment tal-bidwi u l-konsumatur. Il-Gvern iffirma ftehim fejn għadda parti mill-ispazju li kellha l-Pitkali Crates lit-TQPG. Il-ftehim, għan-nom tat-TQPG sar minn ħadd ħlief iċ-Chairman tal-kumpanija Pitkali Crates;

• Il-Gvern kien iddiskuta mal-kumpanija spazju ġdid bil-kundizzjoni li l-ftit kaxxi li kienet qed taħsel, minħabba ‘nuqqas ta’ spazju’ riedu jsiru sew. Jiġifieri, jekk minħabba l-ispazju setgħu jinħasslu 1,000 kaxxa biss, il-kumpanija kellha taħsel dawn il-kaxxi sew u kuljum, u mhux il-ħaddiema jaħdmu biss darbtejn fil-ġimgħa meta jkun hemm il-biegħa;

• Bħala ġest ta’ rieda tajba, il-Ministeru ħallas parti mill-pagi tal-ħaddiema, u dan mingħajr ebda preġudizzju għad-drittijiet legali tal-Ministeru; 

• Wieħed irid japprezza li l-Gvern ħejja pjan ta’ kontinġenza f’każ li l-kumpanija ma tirregolarizzax ruħha u taqdi dmira. Il-pjan kien jikkonsisti li jinxtraw crates identiċi għal dak li jeżisti llum;

• Parti kruċjali minn dan il-pjan ta’ kontinġenza kienet li ġew ordnati madwar 10% biss tal-kaxxi lis-settur għandu bżonn u dan wara li nġiebet l-approvazzjoni neċessarja mid-Direttur tal-Kuntratti għal dan ix-xiri.  Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet fl-artiklu tal-Orizzont, din l-approvazzjoni tkopri kemm il-prezz li tħallas kif ukoll il-pagament ta’ depożitu minħabba l-ammont ta’ kaxxi li ġew ordnati biex is-settur finalment ikollu l-kwantita’ ta’ kaxxi meħtieġa biex jaħdem. 

• L-artiklu jiżbalja ukoll meta jgħid li hemm entita’ misterjuża li fiha hemm involuti ħaddiema fil-Ministeru. L-isem pitkali markets miktub fuq il-kaxxi l-ġodda huwa traduzzjoni tal-kelma pitkalija bl-ingliż u mhux isem ta’ xi kumpanija. Dan sar biex ikun hemm distinzjoni mill-kaxxi li kien hemm fiċ-ċirkulazzjoni qabel;

• Il-Ministeru ġab l-approvals kollha neċessarji skont ir-regolamenti finanzjarji fuq il-kumpanija li kellha fil-pussess tagħha l-forma tal-kaxxi. Sussegwentament, ġejna infurmati li l-kumpanija ma setgħetx tonora l-kuntratt u għalhekk il-Ministeru kellu jsib alternattiva ħalli l-kaxxi jinħadmu tal-istess qies u l-istess forma ta’ dawk li kellha l-Pitkali Crates ħalli niffaċilitaw xogħol il-bdiewa. Forma waħda hawn, u allura l-Ministeru nnegozja prezz ma’ kumpanija oħra bil-kundizzjoni li din il-kumpanija jkollha aċċess għall-forma u żżomm mal-istess prezz li kienet tbiegħhom il-kumpanija oriġinali. Għal din id-direct order hemm l-approvazzjonijiet kollha neċċessarji skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern.

• Il-Ministeru jtenni li qed jaġixxi għal perjodu temporanju ta’ sitt xhur ħalli jtejjeb l-operat lill-bdiewa u biex jassigura prodott aktar frisk u nadif lill-konsumatur. F’dan il-perjodu l-Gvern ser ikun qed iħejji tender ħalli l-ħasil tal-kaxxi jibda jsir minn kuntrattur privat b’kundizzjonijiet adegwati għaż-żminijiet tal-lum;

• Il-flus tal-crates mixtrija se jkunu rkuprati minn min jagħmel użu minnhom;

• l-allegat vat number li lanqas biss jeżisti mhu xejn għajr it-telefon number ta’ fejn wieħed jista’ jċempel għall-informazzjoni mid-Dipartiment;

• It-twaqqif tas-Suq tal-Bdiewa huwa biss parti mir-Riforma tal-Pitkalija li ser titkompla aktar tard din is-sena.  Dan is-Suq offra alternattiva minn fejn il-bdiewa ibiegħu l-prodott tagħhom u s-suċċess miksub jixhed is-serjeta’ tal-viżjoni li mexa biha l-Ministeru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow