77 ĠUVNI U TFAJLA QED JITĦEJJEW GĦAL STUDJI AVVANZATI JEW GĦAD-DINJA TAX-XOGĦOL
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina żaret iċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni ta’ Adulti Żgħażagħ Dun Manwel Attard fil-Wardija fejn bħalissa jattendu 77 student li qed iħejju ruħhom għad-dinja tax-xogħol jew għall-ħajja fil-komunità.
Bħala parti mir-Riforma fl-Iskejjel Speċjali li tnediet fi Frar tas-sena li għaddiet, l-Iskola Speċjali Dun Manwel Attard inbidlet f’Ċentru ta’ Riżorsi għal adulti żgħażagħ li għalqu s-16-il sena li temmew l-iskola sekondarja u għandhom ħtiġijiet edukattivi individwali.
L-iskop taċ-Ċentru hu li jiżviluppa sessjonijiet ta’ tagħlim li joffru taħriġ vokazzjonali u jiffaċilita l-mixja ta’ dawn iż-żgħażagħ biex ikomplu bl-edukazzjoni ogħla, impjieg, jew biex imorru f’Ċentri ta’ Matul il-Jum, skont l-aħjar interess ta’ kull wieħed jew waħda minnhom.
Fiċ-Ċentru sar xogħol strutturali kbir biex isir aktar aċċessibbli filwaqt li kienu introdotti programmi edukattivi ġodda. Il-bidliet strutturali li saru fil-binja mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada swew madwar €120,000.
Il-programmi l-ġodda huma bbażati fuq ġimgħa ta’ ħamest ijiem mifruxa fuq sitt snin u jiffukaw fuq żewġ aspetti: (a) l-Iżvilupp Personali tal-istudent fejn l-istudent jiġi mgħallem biex jikseb il-ħiliet bażiċi fin-numri, il-qari, il-kompjuter, l-iżvilupp personali u soċjali, u x-xjenza; (b) Preparazzjoni Vokazzjonali fejn l-istudenti jkunu megħjuna biex jiksbu ħiliet li jagħmluhom impjegabbli u jkunu ggwidati biex jesploraw il-possibiltajiet vokazzjonali.
Il-programmi huma maħsuba biex jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ, li ħafna drabi jkollhom diżabilità intellettwali, jidħlu għall-edukazzjoni post sekondarja u jippreparahom għal ħajja adulta. Isir kull sforz biex il-programm jitfassal skont il-ħtiġijiet individwali tal-istudent.
Bħala parti mill-programm tagħhom l-istudenti jieħdu sehem f’attivitajiet fil-komunità fejn ikunu jistgħu jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu fiċ-Ċentru u attivitajiet li jgħinuhom jagħmlu użu minn apparat u għodda li jgħinuhom tul ħajjithom
F’dan il-każ hemm il-ħsieb li l-istudenti jibdew jipproduċu huma stess oġġetti artiġġjanali li mbagħad ikunu jistgħu jbiegħu huma stess.
Eventwalment dawn l-istudenti jibdew ikunu esposti wkoll għal esperjenzi ta’ xogħol u bl-appoġġ meħtieġ ikunu jistgħu anke jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Cristina ltaqgħet mal-amministraturi taċ-Ċentru li taw spjegazzjoni tal-ħidma li saret kemm dik strutturali kif ukoll it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ studju. Hi ltaqgħet ukoll ma’ numru ta’ studenti li kienu se joħorġu jagħmlu sessjoni ta’ ħidma fil-komunità u tkellmet ukoll ma’ studenti oħra li kienu qed jattendu għal lezzjonijiet differenti fiċ-Ċentru.
Is-77 student li hemm fiċ-Ċentru bħalissa huma maqsuma f’10 gruppi u kull grupp hu maqsum fi tliet fażijiet skont l-età tal-istudenti: dawk bejn 16 u 18-il sena; dawk bejn 19 u 20 sena u dawk ta’ 21 jew 22 sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003