Left arrow Mur Lura

FAĊILITAJIET SPORTIVI ĠODDA FIL-GOZO STADIUM

pr0040
Date Icon 11/01/2011

Il-faċilitajiet sportivi mogħtija mill-Gozo Stadium komplew jiġu msaħħa permezz ta’ 5-a-side pitch b’ħaxix sintetiku għal-logħob tal-futbol, flimkien ma’ spazju għal parkeġġ. Il-5-a-side-pitch ser ikun qed joffri alternattiva għal grawnd tat-turf naturali filwaqt li jżid l-ispazji għat-taħriġ u l-logħob f’dan l-istadium ewlieni fil-gżira ta’ Għawdex. Dan ser ikun qed jiffaċilita wkoll l-użu li jagħmlu minn dan l-istadium it-timijiet u n-nurseries li ġejjin minn erbatax-il klabb tal-futbol reġistrati f’Għawdex.  Il-parkeġġ, li ser ikun jakkomoda madwar 75 vettura, ser jirriżulta f’aktar konvenjenza kemm għall-isportivi kif ukoll għad-dilettanti li jsegwu l-logħob u attivitajiet oħra li jiġu organizzati b’mod regolari f’dan l-istadium. 

Dawn ix-xogħlijiet saru permezz ta’ ko-finanzjament bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Football Association (GFA) bl-għajnuna tal-Fond tal-Lotteriji Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti.

Il-pitch il-ġdid u l-parkeġġ ġew inawgurati uffiċjalment mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Hija spjegat kif dawn ser ikunu qed isaħħu l-faċilitajiet sportivi fil-gżira ta’ Għawdex filwaqt li ser iservu wkoll bħala mezz ieħor li permezz tiegħu l-gżira ta’ Għawdex tibqa’ ssaħħaħ il-potenzjal li tiġbed interess u parteċipazzjoni mill-qasam sportiv internazzjonali. L-Onor Giovanna Debono fakkret xogħlijiet oħra li ġew inawgurati matul l-2010 li kienu jinkludu dressing-rooms ġodda, faċilitajiet għall-persuni tal-media u stands għall-ispettaturi. ‘Dan kollu qed jippermetti li tiġi mtejba l-kwalità tal-logħob f’Għawdex għall-benefiċċju kemm tal-isportivi kif ukoll tad-dilettanti sportivi Għawdxin’ qalet il-Ministru Debono.

Il-President tal-MFA, is-Sur Norman Darmanin Demajo flimkien mas-Sur Alvin Grech, President tal-GFA kienu wkoll preżenti għaċ-ċerimonja ta’ l-inawgurazzjoni.

Minbarra li tikkoordina l-logħob tal-futbol f’diversi kompetizzjonijiet f’Għawdex, il-GFA tippromwovi wkoll attivitajiet ma’ timijiet u assoċjazzjonijiet barranin. F’din l-aħħar sena l-faċilitajiet fil-Gozo Stadium intużaw minn tim Ungeriż li ġie għal sessjonijiet ta’ taħriġ bi preparazzjoni għat-turnament internazzjonali magħruf bħala l-VIVA World Cup. Ir-raba’ edizzjoni ta’ dan it-turnament ġiet organizzata f’Għawdex f’Mejju li għadda u għaliha attendew mhux anqas minn sitt timijiet barranin minn diversi pajjiżi Ewropej. Fix-xhur li ġejjin ser jinżammu training camps minn timijiet li ġejjin minn pajjiżi nordiċi. Huwa maħsub li l-5-a-side pitch iżid il-potenzjal ta’ dawn it-tip ta’ servizzi. Huma ppjanati wkoll proġetti li jsaħħu s-sostenibiltà tal-faċilitajiet f’dan l-istadium speċjalment fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ilma u l-użu ta’ riżorsi ta’ enerġija rinovabbli, li huma wkoll marbuta mal-viżjoni eko-Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow