Left arrow Mur Lura

AKTAR MINN €934 MILJUN GĦAS-SERVIZZI SOĊJALI

pr0039
Date Icon 11/01/2011

Din is-sena n-nefqa għas-Servizzi Soċjali se tkun ta’ aktar minn €934 miljun li minnhom €733 huma f’benefiċċji soċjali. Dan sostnietu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, meta dalgħodu żaret l-Uffiċċji tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fl-Imsida u ż-Żejtun fejn għadu kif sar xogħol ta’ tisbiħ.

Il-Gvern hu impenjat li jressaq aktar is-servizzi soċjali lejn iċ-ċittadin u dan jagħmlu mhux biss billi skont il-ħtieġa u ċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, itejjeb u jifrex ix-xibka ta’ benefiċċji soċjali imma anke billi permezz ta’ 25 uffiċċju mferrxa ma’ Malta u Għawdex joffri servizzi lill-pubbliku f’ambjent xieraq.

Matul is-sena li għaddiet sar xogħol ta’ tisbiħ f’żewġ uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali  fl-Imsida u fiż-Żejtun.  Dan wara li diġà kienu saru xogħlijiet simili fl-uffiċċji tal-Belt, il-Qawra u Birkirkara u matul din is-sena hemm il-ħsieb li jsiru xogħlijiet simili f’numru ta’ uffiċċji oħra.

Qed tingħata importanza kbira lill-aspett tal-aċċessibilità għal dawn l-uffiċċju biex ikun faċilitat l-użu tagħhom minn persuna li jkollhom problema ta’ mobilità.

Barra minn dan il-Gvern jemmen ukoll li anke l-ambjent li jaħdmu fih l-impjegati tad-Dipartiment għandu jkun ambjent sabiħ u nadif li jixraq id-dinjità kemm ta’ min jaħdem f’dawn l-uffiċċju kif ukoll tal-klijenti li jkollhom bżonn is-servizzi offruti minnhom.

In-nefqa għas-servizzi soċjali hi waħda mill-akbar nefqiet li jagħmel il-Gvern.  Għal din is-sena li qegħdin fiha f’benefiċċji soċjali biss hemm nefqa ta’ €733 miljun.  Ma’ dawn wieħed irid iżid €195 miljun li hi l-konribuzzjoni tal-Gvern għas-Sigurtà Nazzjonali u aktar minn €5 miljun ieħor għat-tmexxija tad-Dipartiment, fosthom salarji tal-ħaddiema. 

Il-Ministru Cristina fakkret li mill-bidu ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ bidliet fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali li kien ġew approvati mill-Parlament fl-2007.

Dan qed isir biex ikun salvagwardat il-valur tal-pensjonijiet fil-futur.  Minn din il-miżura se jintlaqtu madwar 26,000 ħaddiem li għandhom 45 sena jew anqas u jaqilgħu aktar minn €17,000 fis-sena.

Li kieku ma ttieħdux dawn il-mizuri, meta dawn il-persuni jiġu biex jirtiraw mix-xogħol il-valur tal-pensjoni li kienu jieħdu, paragunat mas-salarju tagħhom kien jinżel għal 16%.  Permezz tal-miżuri li ttieħdu li jinkludu żieda fil-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Nazzjonali ta’ €2.33 fil-ġimgħa qed jiġi ggarantit li dawn in-nies ikollhom pensjoni adegwata li biha jkunu jistgħu jgħixu tajjeb, għaliex sakemm jiġu biex jirtiraw mix-xogħol ikun ogħla wkoll il-massimu tad-dħul pensjonabbli u allura l-valur tal-pensjoni li jieħdu jitla’ għal madwar 60 fil-mija tal-paga tagħhom.

Il-Ministru fakkret li fil-Baġit ta’ din is-sena il-Gvern impenja ruħu li ikompli jindirizza l-anomalija li teżisti fil-pensjonijiet tas-servizzi. Dan il-proċess kien beda fl-2008.  B’din il-miżura se jgawdu aktar minn 6,200 pensjonant.

In-nisa li jaħdmu part time għal rashom, se jingħataw il-possibbiltà li jħallsu kontribuzzjoni ta’ 15% pro-rata tad-dħul tagħhom flok il-minimu u jkollhom dritt għal benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali pro-rata skont il-kontribuzzjoni li jħallsu.

Minn dan ix-xahar parti mid-dħul mix-xogħol ta’ persuni li qegħdin fuq xi għajnuna soċjali mhux se jkun kalkulat fit-test tal-mezzi biex familja tikkwalifika għall-għajnuna soċjali.  L-ammont eżentat mit-test tal-mezzi se jkun ekwivalenti għad-differenza bejn il-paga minima nazzjonali u r-rata sħiħa ta’ għajnuna soċjali applikabbli fil-każ ta’ żewġ persuni.

Fl-aħħarnett il-Ministru rringrazzjat lill-ħaddiema fl-uffiċċji tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali għas-servizz li jagħtu liċ-ċittadini li jiġu bżonn is-servizzi ta’ dawn l-uffiċċji.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow