AKTAR MINN €934 MILJUN GĦAS-SERVIZZI SOĊJALI
Din is-sena n-nefqa għas-Servizzi Soċjali se tkun ta’ aktar minn €934 miljun li minnhom €733 huma f’benefiċċji soċjali. Dan sostnietu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, meta dalgħodu żaret l-Uffiċċji tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fl-Imsida u ż-Żejtun fejn għadu kif sar xogħol ta’ tisbiħ.
Il-Gvern hu impenjat li jressaq aktar is-servizzi soċjali lejn iċ-ċittadin u dan jagħmlu mhux biss billi skont il-ħtieġa u ċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, itejjeb u jifrex ix-xibka ta’ benefiċċji soċjali imma anke billi permezz ta’ 25 uffiċċju mferrxa ma’ Malta u Għawdex joffri servizzi lill-pubbliku f’ambjent xieraq.
Matul is-sena li għaddiet sar xogħol ta’ tisbiħ f’żewġ uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali fl-Imsida u fiż-Żejtun. Dan wara li diġà kienu saru xogħlijiet simili fl-uffiċċji tal-Belt, il-Qawra u Birkirkara u matul din is-sena hemm il-ħsieb li jsiru xogħlijiet simili f’numru ta’ uffiċċji oħra.
Qed tingħata importanza kbira lill-aspett tal-aċċessibilità għal dawn l-uffiċċju biex ikun faċilitat l-użu tagħhom minn persuna li jkollhom problema ta’ mobilità.
Barra minn dan il-Gvern jemmen ukoll li anke l-ambjent li jaħdmu fih l-impjegati tad-Dipartiment għandu jkun ambjent sabiħ u nadif li jixraq id-dinjità kemm ta’ min jaħdem f’dawn l-uffiċċju kif ukoll tal-klijenti li jkollhom bżonn is-servizzi offruti minnhom.
In-nefqa għas-servizzi soċjali hi waħda mill-akbar nefqiet li jagħmel il-Gvern. Għal din is-sena li qegħdin fiha f’benefiċċji soċjali biss hemm nefqa ta’ €733 miljun. Ma’ dawn wieħed irid iżid €195 miljun li hi l-konribuzzjoni tal-Gvern għas-Sigurtà Nazzjonali u aktar minn €5 miljun ieħor għat-tmexxija tad-Dipartiment, fosthom salarji tal-ħaddiema.
Il-Ministru Cristina fakkret li mill-bidu ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ bidliet fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali li kien ġew approvati mill-Parlament fl-2007.
Dan qed isir biex ikun salvagwardat il-valur tal-pensjonijiet fil-futur. Minn din il-miżura se jintlaqtu madwar 26,000 ħaddiem li għandhom 45 sena jew anqas u jaqilgħu aktar minn €17,000 fis-sena.
Li kieku ma ttieħdux dawn il-mizuri, meta dawn il-persuni jiġu biex jirtiraw mix-xogħol il-valur tal-pensjoni li kienu jieħdu, paragunat mas-salarju tagħhom kien jinżel għal 16%. Permezz tal-miżuri li ttieħdu li jinkludu żieda fil-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Nazzjonali ta’ €2.33 fil-ġimgħa qed jiġi ggarantit li dawn in-nies ikollhom pensjoni adegwata li biha jkunu jistgħu jgħixu tajjeb, għaliex sakemm jiġu biex jirtiraw mix-xogħol ikun ogħla wkoll il-massimu tad-dħul pensjonabbli u allura l-valur tal-pensjoni li jieħdu jitla’ għal madwar 60 fil-mija tal-paga tagħhom.
Il-Ministru fakkret li fil-Baġit ta’ din is-sena il-Gvern impenja ruħu li ikompli jindirizza l-anomalija li teżisti fil-pensjonijiet tas-servizzi. Dan il-proċess kien beda fl-2008. B’din il-miżura se jgawdu aktar minn 6,200 pensjonant.
In-nisa li jaħdmu part time għal rashom, se jingħataw il-possibbiltà li jħallsu kontribuzzjoni ta’ 15% pro-rata tad-dħul tagħhom flok il-minimu u jkollhom dritt għal benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali pro-rata skont il-kontribuzzjoni li jħallsu.
Minn dan ix-xahar parti mid-dħul mix-xogħol ta’ persuni li qegħdin fuq xi għajnuna soċjali mhux se jkun kalkulat fit-test tal-mezzi biex familja tikkwalifika għall-għajnuna soċjali. L-ammont eżentat mit-test tal-mezzi se jkun ekwivalenti għad-differenza bejn il-paga minima nazzjonali u r-rata sħiħa ta’ għajnuna soċjali applikabbli fil-każ ta’ żewġ persuni.
Fl-aħħarnett il-Ministru rringrazzjat lill-ħaddiema fl-uffiċċji tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali għas-servizz li jagħtu liċ-ċittadini li jiġu bżonn is-servizzi ta’ dawn l-uffiċċji.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003