STQARRIJA MINISTERJALI MILL-MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI GEORGE PULLICINO DWAR IL-KONFERENZA DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA LI SARET F’DIĊEMBRU 2010 F’CANCUN, IL-MESSIKU (COP-17) - KAMRA TAD-DEPUTATI, 11 TA’ JANNAR 2011
Ix-xahar li għadda, attendejt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġewwa Cancun fil-Messiku. Il-Konferenza ġibdet lejha eluf ta’ delegati kif ukoll rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet ambjentali internazzjonali bl-għan li jintlaħaq ftehim li jgħin biex jimmitiga dak li qed iwassal għat-tibdil fil-klima u sabiex jittieħdu miżuri dwar l-adattazzjoni għall-effetti tagħha. Illum hu rikonoxxut li l-ġlieda kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima tikkonċerna lill-umanità kollha u hija fost l-isfidi l-iżjed kumplessi ta’ dawn iż-żminijiet. Il-Konferenza tal-2009 li kienet saret f’Kopenhagen ħalliet dell pjuttost ikrah fuq in-negozjati internazzjonali. F’dik l-okkażjoni l-mira ta’ Malta u tal-iStati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (UE), li jintlaħaq ftehim internazzjonali li jirregola t-tibdil fil-klima u li jorbot lill-pajjiżi kollha, ma ntlaħqitx.
F’ kuntrast qawwi mal-konferenza ta’ Kopenhagen, il-Konferenza ta’ Cancun bdiet b’aspettativi ħafna inqas ambizzjużi imma wasslet għal qbil modest imma pożittiv. Minkejja dan, id-diskussjonijiet u n-negozjati saru fi spirtu miftuħ u b’sens ta’ kompromess bejn il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw. Pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, li f’Kopenhagen kienu fost dawk il-pajjiżi li sabu difficulta jaqblu fuq dak meħtieg, f’Cancun urew li possibbli jintlaħaq kompromess. Din l-atmosfera ppermettiet li jintlaħaq ftehim importanti u bilanċjat fuq numru sostanzjali ta’ suġġetti fin-negozjati.
Għalkemm il-ftehim fuq sett ta’ punti milħuq f’Cancun (Cancun Agreements), mhux ambizzjuż biżżejjed sabiex tiġi evitata l-bidla fil-klima fis-snin li ġejjin, dawn il-punti jitqiesu bħala l-pedamenti essenzjali u jindikaw il-bidu ta’ era ġdida għar-reġim internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima. B’mod partikolari juru li jekk il-pajjiżi jirnexxilhom jegħlbu t-tensjonijiet ta’ bejniethom u l-argumenti emozzjonali li ostakolaw in-negozjati fl-aħħar snin, il-komunità internazzjonali tista’ taġixxi b’mod konkret sabiex tittieħed azzjoni effettiva kontra t-tibdil fil-klima. Kif qalet is-Segretarja Eżekuttiva tal-UNFCCC, Christiana Figueres, b’referenza għall-Cancun Agreements, ‘It is not what is ultimately required but is the essential foundation on which to build greater collective ambition.’ L-ispirtu ta’ kompromess li ddomina l-konferenza, u l-eżitu pożittiv li rriżulta minnha, diġà qed jiġu kkunsidrati bħala vot ta’ fiduċja fis-sistema multilaterali tan-Nazzjonijiet Uniti, u jipprovdu tama ġdida għal aktar ħidma estensiva li jeħtieġ li ssir fix-xhur li ġejjin wara din il-konferenza.
Ħafna mid-dispożizzjonijiet tal-hekk imsejjaħ Copenhagen Accord, maqbul f’Kopenhagen, issa ġew formalizzati fil-Cancun Agreements. B’hekk, għall- ewwel darba ġew ifformalizzati f’dan il-ftehim uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-qbil tal-komunità internazzjonali fuq il-mira li t-temperatura globali tinżamm taħt iż-2ºc ’l fuq mil-livelli pre-industrijali, qbil fuq il-finanzjarjament fast-start ta’ $30bln għall-perijodu bejn l-2010 u l-2012, kif ukoll l-impenn tal-pajjiż żviluppati li jipprovdu finanzjament fit-tul (long-term finance) lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jammonta sa $100bln fis-sena sa l-2020.
Il-ftehim milħuq f’Cancun jinkludi qbil bla preċedent fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima u r-rikonoxximent li kemm il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw għandhom jikkontribwixxu lejn l-isforz internazzjonali tat-tnaqqis mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-ftehim jfassal ukoll b’mod konkret u ċar il-pożizzjonijiet internazzjonali dwar tnaqqis fl-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d- degradazzjoni tal-foresti. Issaħħaħ ukoll is-setup istituzzjonali permezz tat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet ġodda bħal ma huma il-Cancun Adaptation Framework u il-Green Climate Fund, kif ukoll t-Technology Mechanism li jinkludi Climate Technology Centre b’numru ta’ fergħat li ser jgħin sabiex jiżdied l-investiment fit-teknoloġija nadifa u tittejjeb l-abbiltà ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikollhom aċċess u jimplimentaw din it-teknoloġija.
Waqt li huwa ċar li ttieħdu diversi passi mportanti f’Cancun, huwa ukoll minnu li l-ftehim li ntlaħaq mhuwiex wieħed perfett u fih numru ta’ nuqqasijiet. Fost l-aktar nuqqasijiet importanti insemmi l-fatt li għadu ma ntlaħaqx qbil fuq miri obbligatorji għat-tieni perjodu ta’ impenn għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-pajjiżi żviluppati. Pajjiżi bħall-Ġappun kienu kontra li jikkommettu lilhom infushom jekk l-Istati Uniti u ċ-Ċina jibqgħu ma jikkommettux ruħhom għal tnaqqis fl-emissjonijiet huma wkoll. Għalhekk il-Cancun Agreements jagħtu sena oħra sabiex jintlaħaq ftehim dwar jekk għandux ikun estiż il-Protokoll ta’ Kyoto, il-ftehim maqbul fil-1997 li jobbliga l-pajjiżi l-aktar żviluppati li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom waqt li jagħtu assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn jinvestu f’teknoloġija nadifa. Ma ntlaħqux ukoll deċiżjonijiet konkreti dwar il-mira ta’ mitigazzjoni fit-tul għas-sena 2050 jew deċiżjoni dwar meta ħa tkun il-peaking year tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq livell globali. Lanqas ma hemm deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu indirizzati setturi speċifiċi bħal dak agrikolu, l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali tal-avjazzjoni u dak marittimu fost oħrajn. Lanqas m’hemm kjarezza dwar il-prospett li jintlaħaq ftehim b’obbligazzjonijet legali mill-COP-17 li ha jseħħ f’Durban fl-Afrika t' Isfel fl-aħħar ta’ din is-sena. Madanakollu r-riżultat miksub f’Cancun għandu jitqies bħala pass pożittiv importanti fid-direzzjoni t-tajba. Il-ftehim ta’ Cancun iwitti it-triq għal aktar progress fix-xhur u snin li ġejjin.
Il-partijiet kollha qablu li dan ix-xogħol irid ikompli. Huma iddikjaraw l-intenzjoni li jipparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjonijiet u n-negozjati delikati u diffiċli li ħa jsiru fix-xhur li ġejjin. Malta flimkien mal-iStati Membri l-oħra tal-UE ħa tibqa’ taħdem b’mod sħiħ sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali fl-Afrika t’Isfel f’Diċembru li ġej.
Wieħed ma jistax isemmi l-aspetti pożittivi li ħarġu minn Cancun mingħajr ma jirreferi għall-fatt li waqt li l-Konferenza ta’ Kopenhagen kienet waħda diżappuntatanti anke f’dik l-okkażjoni kienu ħarġu ċerti elementi pożittivi. Għaldaqstant waqt dik il-konferenza ta’ Kopenhagen il-pajjiżi żviluppati kienu rabtu lilhom infushom li jipprovdu finanzjament ġdid u addizzjonali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, msejjaħ “fast-start finance”, bl-għan li jgħinu lil dawn il-pajjiżi sabiex jirrispondu aħjar għat-tibdil fil-klima. Malta wkoll intrabtet li tikkontribwixxi €800,000 għall-perjodu bejn l-2010 u l-2012 bħala finanzjament “fast-start”. F’Cancun kelli l-opportunità li niltaqa’ mas-Senatur Amerikan Timothy Wirth, il-President tal-Fondazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex nagħtu bħala pajjiż kontribut ta’ €125,000 lill-Global Alliance for Clean Cookstoves, inizjattiva tal-Fondazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Din l-inizjattiva għandha l-għan prinċipali li tgħin familji foqra f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jibdlu l-istufi (cookstoves) antiki u perikolużi b’oħrajn moderni, nodfa u iżjed effiċjenti. Ta’ min jgħid li stufi tradizzjonali u nirien fil-miftuħ huma l-għodda prinċipali għat-tisjir għal kważi 3,000 miljun persuna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Id-dħaħen minn dawn il-mezzi jwasslu għall-mewt ta’ madwar 1.9 miljun persuna fis-sena, b’nisa u t-tfal fost dawk l-aktar milquta. Barra li jikkawżaw il-firxa ta’ mard kroniku, dawn l-istufi ineffiċjenti jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima billi jemettu livelli għolja ta’ carbon dioxide. L-użu ta’ fran u karburanti nodfa għalhekk inaqqsu b' mod drammatiku ukoll il-konsum ta’ fuel li jikkaġuna danni fuq is-saħħa tal-persuni li jużawhom. Il-Global Alliance for Clean Cookstoves qed taħdem sabiex sas-sena 2020 tipprovdi stufi nodfa u effiċjenti f’100 miljun djar f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Malta, permezz tal-kontribuzzjoni tagħha, issieħbet ma’ pajjiżi oħra, kumpaniji u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jgħinu lil din l-Alliance ssalva l-ħajja tan-nies f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ittejjeb ħajjithom, tgħin lin-nisa jiddedikaw aktar ħin mal-familja u tiġġieled it-tibdil fil-klima. B’din l-inizjattiva se naslu biex nittraduċu d-diskors sabiħ għall-għajnuna lill-pajjiżi foqra b’mod prattiku u effettiv.
Fir-rigward tal-fondi allokati għas-sena 2011, fil-ġranet li għaddew il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin flimkien mal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali ħareġ sejħa għal espressjonijiet ta’ interess minn għaqdiet mhux governattivi lokali li huma diġà impenjati f’ħidma jew li huma interessati li jagħmlu proġetti fil-qasam tat-tibdil fil-klima f’pajjiżi tal-Afrika. Il-proposti għandhom jikkonċentraw fuq proġetti li jistgħu ikunu implimentati f’pajjiżi tal-Afrika li huma eliġibbli għall-assistenza għall-iżvilupp u li huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.
Ta’ min isemmi ukoll li din kienet l-ewwel darba li Malta indirizzat il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima bħala membru ta’ l-Anness I tal-United Nations Framework Convention on Climate Change, deċiżjoni adottata mill-Konferenza meta ltaqgħet f’Kopenhagen fl-2009.
Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja l-membri tad-delegazzjoni Maltija, fosthom l-Ambaxxatur Malti għat-Tibdil fil-Klima, Michael Zammit Cutajar.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003