Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U L-INVESTIMENT

pr0033
Date Icon 09/01/2011

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ jinjora dak li qed jiġri fis-suq internazzjonali taż-żejt – skemi u inizjattivi biex il-familji jinvesti f’enerġija altnerattiva u energy vouchers għal min għandu bżonn l-aktar għajnuna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ jinjora li l-fuels użati f’Malta huma kollha impurtati minn barra u għalhekk il-prezzijiet li tixtri bihom Malta huma dettati minn ċirkostanzi internazzjonali.  Għalhekk l-allegazzjoni ta’ Joseph Muscat li l-Gvern qiegħed jgħolli t-tariffi artifiċjalment hi infondata.  M'hu l-ebda gost tal-Gvern li jara l-prezzijiet internazzjonali tal-fuels jiżdiedu għaliex jaf li dan ikollu impatt fuq pajjiżna.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħżel li jitkellem b’mod superfiċjali u għalhekk ma jipproponi l-ebda soluzzjonijiet konkreti li jirriflettu dak li għaddej fid-dinja u li jkollu impatt fuq Malta. 

Fid-dawl taż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt il-Gvern qiegħed jieħu inizjattivi biex iħeġġeġ aktar familji juzaw l-enerġija bil-għaqal u jużaw aktar l-enerġija alternattiva.  Dan itejjeb ukoll l-ambjent ta’ pajjiżna u jnaqqas mill-emissjonijiet:

• Min juża l-enerġija b’għaqal qed jingħata skont li jlaħħaq sa 25% fuq il-konsum tal-elettriku;

• Biex il-Gvern jgħin lill-familji jużaw aktar l-enerġija alternattiva, din is-sena l-Gvern qed jagħti għotja ta’ €560 lill-familji li jistallaw solar water heater fid-djar.  Barra minn hekk, min jistalla solar water heater f’dar ġdida ma jħallas xejn fuq l-istallazzjoni tal-meter tal-elettriku

• 2,084 familja applikaw u bħalissa qed jistallaw panelli fotovoljatici fid-djar tagħhom.  Kull familja ngħatat għotja li tlaħħaq sa €3,000 biex tibda tiġġenera l-elettriku fid-dar tagħha mix-xemx.  

• Inizjattiva oħra biex il-familji jinvestu aktar f’PV’s hi l-feed in tariff ta’ €0.25c għal kull kWh, jiġifieri għal kull unit ta’ elettriku li jkun iġġenerat u mibjugħ lill-Enemalta għal perjodu garantit ta’ tmien snin. Fil-każ tal-familji Għawdxin il-Gvern bħala parti mill-viżjoni ta’ eko Għawdex qed jagħti feed-in tarrif ta’ €0.28c.  B’dawn ir-rati l-familji jifdu l-investiment li jkunu għamlu f’aqsar żmien

• 41,000 applikant ingħataw għajnuna finanzjarja biex jinxtraw appliances ġodda għad-dar li jikkonsmaw anqas elettriku

• 130,000 familja ingħataw bozoz energy saving b’xejn.  Taħt din l-iskema tqassmu miljun bozza energy saving b’xejn lill-familji

• Familji gawdew minn skemi ta’ roof insulation u double glazing għaliex anki dan jgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku mill-familji

Dawn l-inizjattivi huma fost l-inizjattivi li ħa u qed jieħu l-Gvern biex jgħin lill-familji biex inaqqsu l-konsum tal-elettriku u b’hekk pajjiżna jiddependi anqas mill-fuels impurtati u l-effett taż-żieda fil-prezz internazzjonali tkun anqas.

Lill-familji l-aktar fil-bżonn il-Gvern qed jagħtihom energy voucher.  26,000 qed jieħdu dan l-energy voucher, li minn Lulju tas-sena li għaddiet żdied minħabba ż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-gass.  Minn Jannar inbidel u żdied it-test tal-mezzi biex aktar anzjani u familji li l-aktar għandhom bżonn għajnuna jgawdu mill-għajnuna massima tal-benefiċċji soċjali. Sar ukoll aġġustament tal-istess test biex il-COLA ma tneħħix l-għajnuniet fuq benefiċċji soċjali oħra. Dan filwaqt li l-pensjonanti reġgħu ingħataw żieda sħiħa fil-pensjoni daqs kemm jieħu l-ħaddiema.

Is-sidien ta’ negozji zgħar u medji, industrijalisti, lukandiera, bdiew u raħħala bbenefikaw minn skemi differenti fejn il-Gvern għenhom jinvestu aktar fl-enerġija alternattiva u jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx. 

Il-Gvern qiegħed jieħu aktar inizjattivi biex pajjiżna jiddependi anqas mill-fuel.  Mill-Impjant ta’ Sant’Antnin li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien tant kontra l-proġett tal-immodernizzar se jibda jiġi ġenerat l-elettriku ekwivalementi għal kemm ikollhom bżonn 1,400 familja.  67,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binjiet pubbliċi se jinksew b’aktar panelli fotovoltajiċi biex jiġi ġenerat l-elettriku mix-xemx.  Se jsir l-interconecctor.  Fethet l-ewwel skola f’Pembroke li fejn l-elettriku jiġi ġenerat mix-xemx u r-riħ.  Fuq aktar minn 30 binja tal-Gvern ġew stallati panellii fotovoltajiċi.

Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jagħżel li jkun superfiċjali f’dak li jgħid, il-Gvern qiegħed jagħżel li quddiem iż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt jieħu inizjattivi li jgħinu lill-familji biex inaqqsu mill-konsum tal-elettriku, jinvestu aktar fl-enerġija alternattiva u jgħin b’energy voucher, li żdied is-sena li għaddiet, għal dawk li l-aktar għandhom bżonn.

Il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass – li Joseph Muscat ukoll kien kontra tagħha – qed tgħin biex jitrazzan l-effett tal-prezz internazzjonali fuq Malta.  Is-suppliers qed jikkompetu bejniethom billi joffru lill-konsumaturi Maltin prezzijiet anqas minn dawk stabbiliti.  Ghalkemm il-prezz barra qed jiżdied u dan għandu impatt fuq Malta, il-kompetizzjoni f’Malta qed taħdem favur il-konsumatur.

Il-Gvern qiegħed jindirizza l-effett ta’ dak li jiġri barra minn Malta u jkollu impatt fuq pajjiżna, b’inizjattivi konkretti. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow