ŻIEDA FIN-NUMRU TA’ OPERAZZJONIJIET U TA’ PAZJENTI FL-EMERGENŻA
Fl-ewwel 5 ijiem ta’ din is-sena: il-pazjenti fl-Emerġenza u dawk li ddaħħlu l-isptar għal kura jiżdiedu b’10%. Żieda wkoll ta’ 17% fl-operazzjonijiet u interventi taħt il-loppju.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, Joe Cassar u s-Segretarju Parlamentari Mario Galea jirringrazzjaw lill-istaff mediku kollu tal-ħidma tagħhom f’dawn il-ġranet meta l-influwenza hi fl-aqwa tagħha u qed twassal biex aktar nies jirrikorru għal kura fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fl-Isptar Mater Dei.
Għalkemm kien hemm żieda fl-ammont ta’ nies li ddaħħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza u żieda fl-għadd ta’ pazjenti li ddaħħlu l-isptar għall-kura mill-Emerġenza, komplew jiżdiedu l-operazzjonijiet li saru fl-Isptar Mater Dei. Bejn l-1 ta’ Jannar u l-5 ta’ Jannar ta’ din is-sena saru 581 operazzjoni u intervent mediku taħt il-loppju. Dan ifisser żieda ta’ 17% fuq is-sena li għaddiet meta fl-istess perjodu kienu saru 497. Mhux biss kien hemm żieda ta’ 17% fl-operazzjonijiet li saru iżda ma tħassru l-ebda operazzjonijiet minħabba ż-żieda fl-ammont ta’ pazjenti fl-Emerġenza u fl-Isptar.
Fl-ewwel ġranet ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 10% fl-ammont ta’ nies li ddaħħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Filwaqt li fl-ewwel ħamest ijiem tas-sena li għaddiet kienu daħlu 1,483 fl-Emeġenza, din is-sena ddaħħlu 1,628. Wara li dawn ġew eżaminati, 497 ddaħħlu għal aktar kura fl-Isptar Mater Dei, li wkoll ifisser żieda ta’ 10% fuq is-sena li għaddiet.
Bejn l-1 ta’ Jannar u l-5 ta’ Jannar 2011 żdiedu wkoll is-sejħiet għall-Ambulanzi: l-Ambulanza ssejħet 78 darba kuljum, filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm 70 sejħa kuljum. Dan ifisser żieda ta’ 11.5%.
Il-Ministru Joe Cassar u s-Segretarju Parlamentari Mario Galea qalu li ż-żieda fl-operazzjonijiet waqt li qed jiddaħħlu aktar nies fl-Isptar minħabba l-influwenza turi d-dedikazzjoni qawwija tal-istaff mediku u amministrattiv tal-Isptar Mater Dei.
Huma rringrazzjaw ukoll lit-tobba tal-familja u lit-tobba u l-impjegati fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-ħidma medika tagħhom fil-komunitajiet tagħna fejn joffru l-ewwel kura lil pazjenti u lil min ikun għaddej minn diffikultajiet ta’ saħħa. Huma jirringrazzjaw ukoll lix-xufiera tal-ambulanzi tal-ħidma tagħhom, li matul dawn il-jiem qed jaraw żieda fix-xogħol tagħhom.
Il-Ministru Joe Cassar u s-Segretarju Parlamentari Mario Galea jirringrazzjaw lill-pubbliku tal-kooperazzjoni tagħhom f’dawn iż-żminijiet meta l-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei qed tiżdied minħabba l-passa tal-influwenza.
Dal-għodu l-Ministru Joe Cassar żar id-Dipartiment tal-Emerġenza biex jirringrazzja personalment lill-ħaddiema.
B’kollaborazzjoni mal-MUMN, mil-lum żdiedu 20 sodda fir-Residenza San Vincenz de Paul biex fihom jidħlu persuni li bħalissa jinsabu fl-Isptarijiet Mater Dei jew Karin Grech u ma jistgħux jirritornaw lura d-dar tagħhom jew f’dar tal-qraba tagħhom.
Il-Ministeru jerġa’ jappella għall-prekawzjoni u prudenza biex jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003