MESSAĠĠ MILL-MINISTRU DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA FIL-FTUĦ TAS-SENA EWROPEA TAL-VOLONTARJAT
Fl-Ewropa kollha, din is-sena hi dedikata għall-Volontarjat. Hu kkalkulat li hemm aktar minn 100 miljun Ewropew ta' kull età, twemmin u nazzjonalità li jagħmlu l-volontarjat. Stħarrig tal-Ewrobarometru wera' li 3 minn kull 10 persuni Ewropej jgħidu li huma attivi f'xogħol ta' volontarjat u li qrib it-80 % tan-nies iħossu li l-attivitajiet volontarji huma parti importanti fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.
Barra minn dan, is-settur tal-volontarjat jikkontribwixxi madwar 5% tal-prodott gross domestiku tal-ekonomiji tal- Istati Membri, u jiżviluppa azzjonijiet innovattivi biex jidentifika u jirreaġixxi għall-bżonnijiet li jitfaċċaw fis-soċjetà Ewropea.
F’Malta, aktar minn 27,000 persuna huma impenjati fil-qasam tal-Volontarjat u jiddedikaw medja ta’ 23 siegħa fix-xahar għal dan ix-xogħol. Dan isir fil-qasam politiku, soċjali, reliġjuż, filantropiku, artistiku, kulturali, ambjentali u diversi oqsma oħra u ħafna drabi dan ix-xogħol ma jiġix apprezzat biżżejjed.
Il-volontarjat huwa teżor għall-pajjiż li mingħajru s-soċjeta’ tagħna tiftaqar. Jattira nies li, mill-ġenerożita` tagħhom, jagħtu ħinhom, il-kapaċitajiet tagħhom u ħafna drabi flushom għal kawżi li jħossu li huma għal qalbhom. Dan mhux biss fil-qasam soċjali, imma anki f’diversi oqsma oħra.
Mhux kollox jitkejjel bil-flus fid-dinja. Il-flus mhumiex il-kriterju ta’ kollox. Il-volontarju jibqa’ impenjat f’dinja materjali, konsumista u ħafna drabi insensittiva għall-valuri “soċjali u spiritwali” fis-sens wiesgħa tal-kelma.
Għalkemm il-volontarjat ma jitkejjilx bil-flus, dan ma jfissirx – jew m’għandux ifisser – li hu nieqes mill-professjonalita`. Spiss tingħata l-impressjoni li l-volontarjat hu għad-dilettanti biss; u d-dilettantiżmu jiġi assoċjat man-nuqqas ta’ serjeta` professjonali. Dawn hu żbaljat. Il-volontarjat għandu dejjem ikun professjonali; u ħafna drabi hekk hu. Il-fatt li ma jsirx għall-flus jew bi ħlas ma jnaqqaslu xejn mill-professjonalita` tiegħu.
Hi responsabbilta` tal-Gvern li jara li dan hu dejjem il-każ, jiġifieri li l-għaqdiet voluntarji, speċjalment dawk soċjali, iżommu l-livelli professjonali li wieħed għandu jistenna. Il-Liġi tal-Volontarjat għandha, fost ħwejjeġ oħra, dan l-iskop ... skop nobbli u importanti għall-għaqdiet voluntarji nfushom, imma fuq kollox għall-“klijenti” jew benefiċjarji ta din il-ħidma.
Il-Gvern jgħin kemm jista’ lill-għaqdiet voluntarji u jħeġġiġhom, mhux biss li jkunu professjonali fil-ħidma tagħhom, imma li jkunu responsabbli għat-tħaddim tar-riżorsi li jista’ jkollhom, inkluż dawk finanzjarji. Il-ħarsien tal-kontabilita` hu fost l-aqwa dmirijiet fil-ħidma volontarja għax in-nuqqas tiegħu mhux biss jista’ jiżvantaġġja l-benefiċjarji rispettivi tas-servizz, imma ukoll jagħmel disrispett lill-għaqdiet voluntarji oħra li jżommu l-kontabbilta – umana u finanzjarja – fost il-kwalitajiet essenjali tagħhom.
Aħna nagħrfu l-kontribut multidimensjonali li l-volontarjat jagħti lis-soċjetà għax hu fattur ewlieni ta’ ċittadinanza attiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Għal bosta individwi, l-attività tal-volontarjat hija espressjoni personali tal-kunċetti tal-koeżjoni soċjali u tal-kapital soċjali u hi, fl-aktar forma ġenwina tagħha, ċittadinanza “attiva”.
Għalhekk din is-sena, il-Gvern mhux biss qed jimpenja ruħu li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam imma biex ikun jista’ jgħin aktar u juri l-apprezzament tiegħu għall-ħidma volontarja, ivvota aktar minn €5 miljuni biex jgħin fi proġetti f’dan il-qasam u lill-għaqdiet volontarji.
Il-volontarjat hu importanti ħafna b’relazzjoni mal-kapaċità tal-individwi li jimpjegaw ruħhom u mat-tagħlim tul il-ħajja. Dan hu mezz sbiex tkun imħeġġa wkoll il-koeżjoni soċjali.
Ħafna drabi il-Volontarjat jagħti kontribut lill-ekonomija lokali, reġjonali u nazzjonali bħala fattur influwenti fl-investiment u fil-ħolqien tal-impjiegi.
Il-volontarjat, speċjalment dak soċjali, mhuwiex kapriċċ jew xi ħaġa żejda. Fih innifsu juri s-sugu tal-ġenerożita` skont il-prinċipji tas-solidarjeta. Dan il-prinċipju jitħaddem mhux ta’ bilfors, jiġifieri minn xi dmir li timponi l-liġi, imma biss mir-responsabbilta morali li tħoss il-qalb umana għal ħaddieħor. Dan hu s-siwi kbir u indispensabbli tal-volontarjat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003