Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATUR, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA.

pr0015
Date Icon 05/01/2011

Id-djalogu soċjali effettiv – 47 laqgħa tal-MCESD.  Aktar minn 40 laqgħa ta’ djalogu pubbliku.

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali u poġġieh fuq l-aġenda nazzjonali. Bejn Marzu 2008 u Jannar 2011 il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iltaqa’ 47 darba.   Dawn il-laqgħat saru fl-isfond ta’ numru ferm akbar ta’ laqgħat tal-kumitati ta’ ħidma tal-istess MCESD li twaqqfu apposta biex jiddiskutu temi speċifiċi. Fl-istess perjodu saru aktar minn 40 laqgħa ta’ djalogu mal-Prim Ministru, Ministri,  Segretarji Parlamentari u Assistenti Parlamentari fejn il-pubbliku pparteċipa u tkellem dwar is-suġġetti li ried hu.  Saru wkoll laqgħat oħra mal-pubbliku u ma’ stakeholders differenti b’temi speċifiċi biex issir konsultazzjoni effettiva dwar riformi pjanati. 

Il-Gvern jikkonsulta lill-membri tal-MCESD regolarment b’laqgħat ta’ darba fix-xahar intiżi sabiex jgħinuh ifassal deċiżjonijiet fl-aħjar interessi tal-ħaddiema u tal-industrija f’pajjiżna biex ikompli jiżdied l-investiment u x-xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Meta jkun jinħtieġ l-MCESD jiltaqa’ aktar spiss biex jiddiskuti temi importanti u ta’ natura urġenti.

Dan juri kemm l-Oppożizzjoni hi mill-aktar superfiċjali meta tikkritika l-livell ta’ djalogu soċjali li jeżisti fl-MCESD u fil-pajjiż b’mod ġenerali, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-MCESD hu wieħed biss mill-fora għad-dispożizzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fejn il-Gvern hu impenjat f’laqgħat ta’ konsultazzjoni u djalogu.

Fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern waqqaf il-MEUSAC li permezz tiegħu l-imsieħba soċjali ikollhom l-opportunità jiddiskutu dwar leġislazzjoni u direttivi li qed ikunu jiġu proposti fl-Unjoni Ewropea.

Mill-bidu ta’ din il-leġislatura sa issa, jiġifieri  il-Prim Ministru, il-Ministri u is-Segretarji Parlamentari ħadu sehem f’40 djalogu pubbliku organizzati mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazjoni Pubbliku.  Dawn saru f’lokalitajiet differenti biex il-pubbliku jkun jista’ jattendi.  Saru wkoll laqgħat ta’ djalogu mal-Prim Ministru, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-Gvern mexxa diversi proċessi ta’ konsultazzjoni differenti dwar riformi importanti li kienu meħtieġa. Dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni saru dwar ir-riforma tal-liġi tal-kera, ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, ir-riforma tal-MEPA, ir-riforma fl-edukazzjoni fil-mixja mill-Primarja għas-Sekondarja,  ir-riforma tat-trasport pubbliku, dwar l-inizjattivi dwar il-bidla fil-klima biex jitnaqqas it-tniġġiż, dwar il-bdil tal-iskart f’riżorsa, l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ u s-saħħa fost l-oħrajn.  Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni saru mas-setturi involuti u r-rapprezentanti tagħhom u mal-pubbliku in ġenerali.   Saru wkoll laqgħat speċifiċi ta’ konsultazzjoni mas-sidien tan-negozji żgħar u medji. Dan minbarra l-laqgħat ta’ qabel jitfassal id-dokument ta’ qabel il-budget.  Il-Gvern qiegħed konwintament jiddiskuti u jidjaloga.

Dan kollu kien rikonoxxut diversi drabi mill-imsieħba soċjali infushom u juri kemm il-Gvern hu impenjat li jikkonsulta u jisma’. B’xorti ħazina, għal raġunijiet li taf hi biss u bi skużi differenti, l-Oppożizzjoni għażlet li tibqa’ superfiċjali u assenti fil-proċessi ta’ konsultazzjoni.

Fl-istqarrija tad-deputat laburista Gino Cauchi, l-Oppożizzjoni tibqa’ tinjora r-realtajiet ekonomiċi u finanzjarji barranin u tinjora li pajjiżna jiddependi għal kollox minn gass u fuel li jinxtara u jkun impurtat minn barra minn Malta. Il-prezz tal-gass u tal-fuel hu ddettat minn ċirkostanzi u prezzijiet internazzjonali.   L-Oppożizzjoni trid iddaħħal lil pajjiżna fi sqaq kif ġralhom pajjiżi oħra li qed iħabbtu wiċċhom ma’ konsegwenzi serji ta’ qgħad għoli, nuqqas ta’ xogħol u tnaqqis ta’ benefiċċji soċjali.

Il-Gvern qed jinvesti aktar fi skemi li joħolqu aktar xogħol għall-ħaddiema, fi skemi ta’ investiment, f’benefiċċji soċjali għal min l-aktar għandu bżonn, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-kura tal-anzjani u fl-ambent. Ir-riżultati li qed jinkisbu minn pajjiżna frott it-tħaddim ta’ din il-politika juru aktar investiment, aktar impjiegi, tnaqqis fil-qgħad, u saru l-akbar ammonti ta’ investiment fil-qasam soċjali u edukattiv.  B’investiment għaqli  saru proġetti infrastrutturali u ambjentali li permezz tagħhom tjiebet id-dehra ta’ pajjiżna.  Frott il-ħidma tal-Gvern u dawk involuti f’din l-industrija s-sena li għaddiet kienet waħda record fl-ammont ta’ turisti li ġew Malta u fl-ammont ta’ flus li dawn nefqu f’pajjiżna.

Dan kollu juri wkoll li l-Gvern qed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet billi jisma u billi jikkonsulta b’mod effettiv.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow