IFFIRMAT FTEHIM DWAR SERVIZZI FIL-KOMUNITÀ F’SAN PAWL IL-BAĦAR
Il-Kunsilli Lokali qed ikunu mħeġġa jidħlu għall-ħidma fost il-persuni bi bżonnijiet speċjali, familji bi problemi, tfal u żgħażagħ bil-problema tal-illitteriżmu, mal-anzjani u fil-qasam tal-prevenzjoni. Il-ħidma għandha ssir b’ kollaborazzjoni mal-aġenziji nazzjonali u għaqdiet mhux governattivi.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar daħal fi ftehim mal-Aġenzija Appoġġ li permezz tiegħu l-Aġenzija se tkun qed tipprovdi impjegat biex iwettaq xogħol komunitarju fil-lokalità. Il-ftehim għadu kif daħal fis-seħħ u jinvolvi 20 siegħa fil-ġimgħa ta’ xogħol fil-komunità.
Il-ftehim kien iffirmat mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar il-Perit Graziella Galea u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Appoġġ Sina Bugeja fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said.
Is-Segretarju Parlarmentari Chris Said qal li bħala parti mit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali, dawn ingħataw ir-responsabbiltà li jifirxu l-ħidma fil-qasam soċjali fil-lokalità tagħhom stess. Chris Said sostna li dan il-ftehim li għadu kif kien iffirmat bejn il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar u l-Aġenzija Appoġġ, għandu jitqiegħed f’dan il-kuntest. Il-ftehim sar fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar.
Chris Said ħeġġeġ biex aktar Kunsilli Lokali jieħdu inizjattivi fl-oqsma edukattivi u soċjali. Hu sostna li l-Gvern qed jagħti l-għodda neċessarja lill-Kunsilli Lokali biex iwettqu proġetti f’dawn l-oqsma u fost l-oħrajn semma kif fil-ġimgħat li għaddew l-Awtorità tad-Djar ħabbret żewġ skemi li se tħaddem mal-Kunsilli Lokali bl-iskop li jkun hemm titjib f’żoni fejn hemm blokki ta’ appartamenti tal-Gvern.
L-ewwel skema tinvolvi sitt miljun ewro fuq sitt snin li permezz tagħhom se ssir il-manutenzjoni u se jkunu rranġati 1,800 binja tal-Gvern li fihom jgħixu mat-13,000 familja. It-tieni skema tinvolvi l-finanzjament annwali ta’ attivitajiet edukattivi għall-benefiċċju tal-komunità kollha u li tinvolvi tfal, żgħażagħ, adulti u anki anzjani.
Chris Said qal li dan kollu juri l-impenn tal-Gvern fil-qasam tal-politika soċjali, billi jindirizza l-bżonnijiet ta’ sezzjonijiet tal-poplu b’mod ħolistiku filwaqt li joffri servizzi ġodda u aħjar fil-komunità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003