ROĦS SA 28 FIL-MIJA FUQ 38 MEDIĊINA OĦRA
Għaddejjin diskussjonijiet biex ikun aġġornat il-mekkaniżmu ta’ tqabbil tal-prezzijiet tal-mediċini.
B’effett immedjat, il-konsumatur Malti se jgawdi minn roħs fil-prezzijiet ta’ 38 mediċina oħra. Dawn qed jiżdiedu mal-91 mediċina li raħsu tul is-sitt xhur li għaddew biex minn Lulju 2010 sa issa, it-total ta’ mediċini li raħsu wara l-intervent tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta Chris Said, telgħu għal 129.
Ir-roħs li qed jitħabbar illum ivarja minn 3 fil-mija sa 28 fil-mija u l-prezzijiet il-ġodda tal-mediċini indikati jirriflettu l-prezzijiet medji tal-istess mediċini fil-pajjiżi Ewropej. Hekk per eżempju l-mediċina Androcur (56X50mg) raħset bi €15.49 jew 22 fil-mija; il-mediċina Adalat Retard (56X20mg) raħset b’€5.77 jew 28 fil-mija; filwaqt li l-mediċina Cymbalta raħset bi €8 jew 24 fil-mija. Mediċina partikolari, id-Diprosalic Scalp Lotion (X 100ml) qed torħos għat-tieni darba fi ftit xhur u l-prezz il-ġdid tagħha qed ikun ippubblikat ma’ din il-lista wkoll.
Il-mediċini li raħsu fil-prezz immedjatament huma intiżi biex jikkuraw jew ifejqu mard jew kundizzjonijiet varji. Uħud minn dawn il-kundizzjonijiet jew mard huma fost l-aktar komuni fost il-Maltin. Dawn jinkludu l-pressjoni tad-demm għolja, livelli għolja ta’ kolesterol fid-demm, il-mard tal-qalb, id-dijabete u l-osteoporożi. Mediċini oħra jittieħdu min-nisa bi problemi fiċ-ċiklu menstrwali jew minn individwi li jbatu bid-depressjoni.
Diġà ntlaħaq qbil mal-importaturi fuq prezzijiet orħos għal numru ta’ mediċini oħra li se jorħsu awtomatikament fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif l-importaturi jispiċċalhom u jibdew ibiegħu lill-ispiżeriji mill-konsenji ġodda li jkun waslulhom bil-prezz irħis.. Il-lista ta’ dawn il-mediċini se tkun pubblikata meta l-prezz il-ġdid jidħol fis-seħħ.
Il-prezzijiet imraħħsa ta’ dawn il-mediċini kienu stabbiliti permezz tal-mekkaniżmu li ilu jitħaddem għal dawn l-aħħar erba’ snin mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni. Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu jkun stabbilit x’inhu l-prezz medju Ewropew tal-mediċini. Dan ikun ikkalkulat fuq firxa ta’ 12-il pajjiż imqiegħda fi tliet kategoriji differenti skont jekk il-prezzijiet tal-mediċini f’dawk l-istess pajjiżi humiex ikkunsidrati għolja, medji jew baxxi. Il-prezz medju Ewropew jitqabbel mal-prezz attwali f’Malta u mbagħad l-importaturi jintalbu jniżżlu l-prezz tal-istess mediċina f’Malta għal dak il-livell.
Bħala parti minn strateġija usa’ addottata mill-Gvern sabiex il-prezzijiet tal-mediċini f’Malta jkomplu jorħsu, il-Kumitat ta’ Ħidma dwar il-Prezzijiet tal-Prodotti Mediċinali, presjedut mis-Segretarju Parlamentari Chris Said u magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern, tal-importaturi tal-mediċini u stakeholders oħra, ingħata l-inkarigu li jirrevedi l-mekkaniżmu li jistabbilixxi l-prezzijiet medji tal-mediċini fl-Ewropa. Ir-reviżjoni ta’ dan il-mekkaniżmu hi meħtieġa għaliex kif jiġri f’affarijiet oħra, tul dawn l-aħħar erba’ snin mindu kien oriġinarjament stabbilit il-mekkaniżmu, is-suq tal-mediċini inbidel.
Fost l-oħrajn:
1. xi pajjiżi li kienu qed jittieħdu bħala referenza ma baqgħux jgħoddu mal-kategorija li kienu qed jagħmlu parti minnha.
2. minħabba numru ta’ kriterji wżati, il-mekkaniżmu ma kienx qed jirnexxielu jwassal biex jinħadem il-prezz medju Ewropew ta’ numru kbir ta’ mediċini.
Ir-reviżjoni li qed issir bħalissa qed tindirizza dawn iż-żewġ problemi. Qed issir analiżi mill-ġdid tal-pajjiżi Ewropej kollha li jistgħu jittieħdu bħala referenza u magħhom jistgħu jitqabblu l-prezzijiet tal-mediċini. B’hekk il-kategoriji tal-pajjiżi li magħhom jiġu mqabbla l-prezzijiet tal-mediċina jkunu jirriflettu aħjar il-prezzijiet attwali. Barra minn hekk se tintuża metodoloġija aktar flessibbli li għandha twassal biex ikun jista’ jinħadem il-prezz medju Ewropew ta’ firxa usa’ ta’ mediċini.
Hu stmat li bil-mekkaniżmu rivedut, il-mediċini li se jkun jista’ jinħadmilhom il-prezz medju Ewropew se jiżdiedu bi 53 fil-mija. Dan ifisser li l-Kumitat ta’ Ħidma għall-Prezzijiet tal-Mediċini se jkun f’sitwazzjoni li jara li l-prezzijiet ta’ aktar mediċini jkunu mal-medja Ewropeja.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said isostni li dan l-eżerċizzju li qed isir bħalissa hu essenzjali għaliex se jtejjeb il-mekkaniżmu ta’ tqabbil tal-prezzijiet tal-mediċini fl-interess tal-konsumatur. Minn Lulju li għadda sa issa raħsu 129 mediċina iżda dan mhux biżżejjed u l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli bil-ħidma biex flimkien mal-importaturi u mal-partijiet kollha kkonċernati jasal biex iraħħas firxa usa’ ta’ mediċini. B’hekk igawdu l-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Għal aktar informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-mediċini wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 21446446, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u l-5.00pm jew inkella permezz tal-email fuq medicines@gov.mt
Il-lista tal-mediċini bi prezz imraħħas li qed tkun pubblikata llum, it-Tlieta 4 ta’ Jannar, hi din:
Mediċina | Pakkett | Il-prezz l-antik (€) | Il-prezz il-ġdid (€) | Roħs (€) |
Adalat® Retard | 56 film-coated tablets X20mg | 20.59 | 14.82 | -5.77 |
Androcur® | 56 tablets X50mg | 71.49 | 56.00 | -15.49 |
Co Diovan® | 28 film-coated tablets X(160/12.5mg) | 38.86 | 33.29 | -5.57 |
Co Diovan® | 28 film-coated tablets X(160/25mg) | 38.86 | 33.29 | -5.57 |
Co-Diovan® | 28 film-coated tablets X(80/12.5mg) | 32.83 | 27.74 | -5.09 |
Cymbalta | 28 tablets X30mg | 32.90 | 24.90 | -8.00 |
Cymbalta | 28 tablets X60mg | 44.90 | 38.88 | -6.02 |
Diovan® | 28 film-coated tablets X160mg | 38.86 | 33.29 | -5.57 |
Diovan® | 28 film-coated tablets X320mg | 46.15 | 42.30 | -3.85 |
Diovan® | 28 film-coated tablets X80mg | 32.83 | 27.74 | -5.09 |
DiproSalic Scalp Lotion | Cutaneous solution X100 ml | 21.46 | 20.10 | -1.36 |
Elidel® | cream X30g | 40.96 | 36.75 | -4.21 |
Eucardic® 6.25 | 28 tablets X6.25 mg | 18.45 | 16.85 | -1.60 |
Eucreas | 60 film-coated tablets X(50/1000mg) | 58.78 | 57.13 | -1.65 |
Eucreas | 60 film-coated tablets X(50/850mg) | 58.78 | 57.13 | -1.65 |
Evorel 50 | 8 transdermal patches X3.2mg | 13.84 | 12.88 | -0.96 |
Exelon | 28 capsules X1.5 mg | 63.96 | 57.56 | -6.40 |
Exelon | 28 capsules X3mg | 63.96 | 57.56 | -6.40 |
Exelon | 28 capsules X4.5mg | 63.96 | 57.56 | -6.40 |
Exelon | 28 capsules X6mg | 63.96 | 57.56 | -6.40 |
Exforge | 28 tablets X(160/10mg) | 46.66 | 41.61 | -5.05 |
Exforge | 28 tablets X(160/5mg) | 44.92 | 40.22 | -4.70 |
Fosavance® | 4 Tablets X(70mg/2800iu) | 45.42 | 38.18 | -7.24 |
Fosavance® | 4 Tablets X(70mg/5600iu) | 45.42 | 38.18 | -7.24 |
Innovace | 28 tablets X20mg | 16.28 | 14.33 | -1.95 |
Lescol® | 28 capsules X20mg | 26.68 | 22.19 | -4.49 |
Livial | 28 tablets X2.5mg | 29.39 | 24.00 | -5.39 |
Mercilon | 63 (21X3) tablets X(150/20mcg) | 22.67 | 20.50 | -2.17 |
Mirena | Intra Uterine System X1 | 184.00 | 177.51 | -6.49 |
Nitroderm TTS® 5 | 10 transdermal patches X25mg | 14.06 | 12.48 | -1.58 |
Prandin | 90 tablets X2mg | 32.80 | 26.95 | -5.85 |
Propecia | 28 film-coated tablets X1mg | 55.90 | 52.08 | -3.82 |
Pro-viron® | 30 tablet X25mg | 9.56 | 7.96 | -1.60 |
Rasilez | 28 film coated tablets X150mg | 38.42 | 33.29 | -5.13 |
Rasilez | 28 film coated tablets X300mg | 47.29 | 41.61 | -5.68 |
Rasilez HCT | 28 film coated tablets X(300/12.5mg) | 47.29 | 41.61 | -5.68 |
Rasilez HCT | 28 film coated tablets X(300/25 mg) | 47.29 | 41.61 | -5.68 |
Voltaren® | 20 gastro-resistant tablets X50mg | 9.91 | 9.01 | -0.90 |
Voltaren® SR 75 | 20 modified release tablets X75mg | 12.85 | 11.10 | -1.75 |
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003