IL-PREZZIJIET TAL-FUELS JIRRIFLETTU Ż-ŻIEDA FIL-PREZZ INTERNAZZJONALI - L-OPPOŻIZZJONI BI STRATEĠIJA LI ĠĠIB IL-QGĦAD
Iċ-ċaqlieq fil-prezz tal-fuel li tħabbar din il-ġimgħa hu riżultat taż-żieda fil-prezz internazzjonali. Il-fuel f’pajjiżna hu kollu kemm hu impurtat u għalhekk il-prezz li bih jinbiegħ il-fuel f’Malta hu riżultat taż-żieda li kien hemm fil-prezz minn barra minn Malta.
Il-prezzijiet f’Malta tal-unleaded petrol, tad-diesel kif ukoll tal-heating oil huma anqas mill-medja tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, kif turi t-tabella li hi pubblikata ma’ din l-istqarrija u li hi skont il-prezzijiet kif kienu fil-15 ta’ Diċembru li għadda. L-ogħla prezz tal-unleaded petrol kien ta’ €1.58 fil-Greċja u fl-Olanda, filwaqt li l-ogħla prezz tad-diesel kien l-Ingilterra b’€1.50 kull litru. Minn dakinhar ‘l hawn, diversi pajjiżi oħra bħal Malta kellhom iżidu l-prezz tal-fuel. F’Malta l-prezz tal-unleaded petrol hu ta’ €1.31, filwaqt li l-Italja hu €1.479. Il-prezz tad-diesel f’Malta hu ta’ €1.21 filwaqt li l-Italja hu ta’ €1.357. Fl-Ingilterra wkoll reġa kien hemm żidiet fil-prezz tal-fuels.
Id-deċiżjoni tal-Gvern hi li flok jissussidja l-prezz tal-fuel, jinvesti f’aktar skemi li joħolqu x-xogħol għall-ħaddiema; fi skemi biex iħajjar aktar sidien ta’ kumpaniji jinvestu f’Malta u joħolqu l-impjiegi għall-ħaddiema; fil-benefiċċji soċjali għal dawk li l-aktar għandhom bżonn; fis-servizzi tas-saħħa u fil-kura tal-anzjani; fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ; u fl-ambjent u fl-infrastruttura. Il-Gvern ta’ kuljum irid jagħmel għażliet ta’ fejn se jinvesti biex l-investiment li jsir jirrendi fit-tul għall-poplu. L-għażliet, għal min qed imexxi l-pajjiż mhux dejjem ikunu faċli iżda l-għaqal u r-responsabbilita’ jitolbu li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet u li bihom il-poplu jgawdi fost l-oħrajn b’aktar x-xogħol, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-ambjent.
Pajjiżna fl-aħħar sena baqa’ kompetittiv u żdied l-investiment għaliex ittieħdu deċiżjonijiet b’għaqal li ssarrfu f’aktar xogħol u tnaqqis fil-qgħad, tant li llum Malta hi r-raba’ pajjiż li għandu lanqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-Oppożizzjoni għal darb’oħra qed tagħżel li tkun superfiċjali f’dak li tgħid dwar il-fuel. Qed tipprova taħrab mir-realtajiet ekonomiċi internazzjonali. Il-prezzijiet tal-fuels huma dettatti minn dak li jiġri barra minn pajjiżna. L-istrateġija ħażina li pproponiet sa issa l-Oppożizzjoni hi li l-Gvern ikompli jżid is-sussidji bil-konsegwenza tkun li jkollu jitnaqqas l-investiment f’oqsma oħra. Dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni pruvaw jagħmluh pajjiżi oħra u llum jinsabu taħt il-morsa ta’ qgħad għoli, żbilanċ qawwi, naqqsu s-servizzi soċjali u żiedu l-ħlasijiet għall-edukazzjoni u għas-saħħa. L-Oppożizzjoni laburista meta kienet fil-Gvern, u meta ma kien hemm l-ebda kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali kienet diġa bdiet idaħħal ħlasijiet għas-servizzi tas-saħħa u skemi ta’ djun għall-istudenti. Dawn il-ħlasijiet u l-iskemi ta’ djun kienu tneħħew minn dan il-Gvern. Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed tipprova taħrab ir-realta’ u tipproponi strateġija żbaljata.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0006.pdf