Messagg tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena mill-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi
| F’dan | iż-żmien tas-sena, ilkoll kemm aħna nħossu li għandna nirriflettu fuq dak li għamilna kif ukoll fuq dak li xtaqna nagħmlu iżjed matul l-aħħar tnax-il xahar. Huwa eżerċizzju li jgħinna biex nibnu fuq dak li rnexxielna nwettqu però fl-istess ħin inħarsu ’l quddiem biex nilħqu miri u ambizzjonijiet ġodda. |
| Dak li | għamilna u ksibna tul din is-sena, ksibnieh flimkien. Bil-ħila u x-xogħol ta’ kulħadd. Ma kinitx sena faċli. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet lid-dinja offritilna lkoll sfidi kbar, biex l-għawġ li kienu għaddejjin minnu popli ġirien tagħna ma jolqotx lilna bħalma laqgħat lil ħaddieħor. Kienet kriżi li ħarbtet is-swieq u ġabet lil għadd ta’ pajjiżi ħafna akbar minna f’xifer il-falliment. |
| Żgur li | ma kinitx ix-xorti li ħelsitna mill-effetti ta’ din il-kriżi daqshekk kbira. Dak li sar, ma sarx b’kumbinazzjoni, imma sar bl-għaqal u l-ħsieb. Insemmi żewġ eżempji. L-esperti kollha jsostnu li kieku ma dħalniex fiż-żona tal-Ewro, Malta kien ikollha tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet kbar. Kien ikollha taqdef għal rasha. L-eżempju l-ieħor jagħtuhulna l-banek tagħna. Is-sistemi bankarji tagħna baqgħu b’saħħithom għax min imexxihom kellu l-għaqal li ma jiħux riskji li setgħu jipperikolaw l-investiment u t-tfaddil tal-poplu tagħna u tas-sidien tan-negozji. Il-banek imxew bil-prudenza u l-qies, u kien għalhekk li ma ġarax fil-banek tagħna dak li rajna jiġri f’pajjiżi oħra u li sewa lil dawk il-pajjiżi flejjes kbar u telf ta’ eluf kbar ta’ impjiegi. |
| F’oqsma | oħra tal-ekonomija kellna noqogħdu l-ħin kollu attenti li mmiddu riġlejna fid-direzzjoni t-tajba u ma nagħmlux imqar pass wieħed ħażin. Fl-istess waqt komplejna ninvestu fi proġetti ta’ fejda fl-ambjent, fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, fl-edukazzjoni u fl-iskejjel tagħna, fis-saħħa, u fit-turiżmu biex din is-sena kienet l-aħjar sena fl-ammont ta’ turisti li ġew Malta u anke fin-nefqa li t-turisti għamlu ġewwa pajjizna. |
| Fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom ilkoll kemm aħna, | irridu nibqgħu l-ħin kollu b’għajnejna miftuħin beraħ biex naraw x’qed jiġri madwarna u nieħdu l-inizjattivi kollha li hemm bżonn biex dak li bnejna matul is-snin insaħħuh. |
| Meta, | bħala riżultat tal-kriżi li laqtet lid-dinja, xi industriji tagħna sabu ruħhom f’diffikultà iktar kmieni din is-sena, konna pronti nagħtu l-għajnuna biex insalvaw l-eluf ta’ postijiet tax-xogħol u l-ħaddiema tagħna ma jitilfux l-impjieg. Kien minħabba l-intervent f’waqtu tal-Gvern li għadd ta’ fabbriki kbar f’pajjiżna setgħu jibqgħu joperaw, meta kien hemm periklu serju li dawn jagħlqu. |
| Kull | deċiżjoni li nieħdu, irridu noħduha bid-dehen u bil-għaqal li jitolbu mingħandna dawn iż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom. |
| Bħalissa | huma żminijiet tal-festi tal-Milied, u dawn il-festi jfakkruna aktar minn żminijiet oħrajn fl-importanza tal-valur tas-solidarjetà, fi kliem ieħor li nagħtu każ xulxin, li dak li nagħmlu kull wieħed u waħda minna għandu impatt fuq ħaddieħor. Jekk irridu li jkollna soċjetà ġusta u fl-istess ħin ħanina, kull wieħed u waħda minna, aħna min aħna u aħna fejn aħna, irridu nagħtu sehemna biex lil pajjiżna nġibuh ’il quddiem. Irridu nifhmu li fid-dinja kompetittiva li qed ngħixu fiha, fl-oqsma kollha tal-ekonomija tagħna u fil-manifattura, fit-turiżmu, fit-trasport, fl-industrija fit-teknoloġija elettronika – il-prodott li rridu noffru aħna jrid ikun ta’ kwalità eċċellenti. Aħjar minn ta’ ħaddieħor. Għax b’hekk biss nistgħu nkomplu niġbdu lejn pajjiżna l-investiment li għandna bżonn biex noħolqu x-xogħol u nkattru l-impjiegi, kif irnexxielna nagħmlu bl-għajnuna ta’ kulħadd f’din is-sena li issa waslet biex tintemm. |
| Il-membri tal-Unjoni Ewropea ddeċidejna li s-sena | 2010 tkun is-sena fejn naħdmu aktar għal dik li tissejjaħ l-inklużjoni soċjali. It-tkattir tal-investiment u l-ħolqien tax-xogħol huma mezz importanti ħafna biex tissaħħaħ din l-inklużjoni soċjali. Għall-grazzja ta’ Alla, f’pajjiżna f’din is-sena l-qgħad naqas u mhux żdied kif ġara f’pajjiżi oħra. Madanakollu rridu nibqgħu nirsistu biex kull min irid jaħdem isib impjieg u rridu nkomplu nibqgħu ninkwetaw meta nkunu nafu li anki jekk hemm persuna li ġenwinament tixtieq taħdem iżda għadha ma sabitx impjieg adattat għaliha. |
| L-inklużjoni soċjali f’pajjiżna naħdmu għaliha | kuljum u hu għalhekk li għandna riżultati pożittivi u m’għandhiex id-diffikultajiet li għandhom pajjiżi oħra bin-nies jipprotestaw fit-toroq, nies li m’għandhomx kenn. L-inklużjoni soċjali f’pajjiżna hi msaħħa b’sistema edukattiva tajba u kwalità għolja, miftuħa għal kulħadd mit-tfal iż-żgħar tagħna sal-kbar. Jien irrid bħala Prim Ministru nirringrazzja minn qalbi lill-għalliema, lill-kindergarten assistants li aħna għandna, lill-LSAs - Learning Support Assistants, lil-lecturers, lill-kapijiet, il-prinċipali, l-amministraturi tal-iskejjel tagħna li ta’ kuljum jgħinu fl-iżvilupp sħiħ ta’ wliedna. |
| Minbarra | x-xogħol u l-edukazzjoni, hemm aspett ieħor importanti marbut ma’ dak li sejjaħt ftit qabel, l-inklużjoni soċjali u din hi saħħitna. Iż-żieda fis-servizzi tas-saħħa b’xejn u l-kwalità tal-kura li tingħata huma l-għira ta’ pajjiżi oħra. Mertu tas-servizzi li jingħataw hu u jmur lejn dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam tant sensittiv u importanti għal pajjiżna, għal poplu tagħna, nies li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet partikolari marbuta mas-sitwazzjoni ta’ ħajjithom. In-nies l-aktar viċini ta’ din is-sitwazzjoni huma l-infermiera, il-paramediċi, it-tobba, l-ispeċjalisti u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor, direttament jew indirettament jaħdmu f’dan is-settur tas-saħħa. Irrid ngħidilkom grazzi minn qalbi lilkom ilkoll. |
| Hu xi | ftit paradoss li fis-sena dedikata lill-inklużjoni soċjali, pajjiżi ġirien tagħna, biex ipattu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja kellhom jieħdu miżuri li bihom żiedu t-taxxi, żiedu l-miżati tal-edukazzjoni u naqqsu l-investiment fl-oqsma inkluż tas-saħħa u tal-pensjonijiet. F’pajjiżna, għaliex konna bil-għaqal, konna iffukati, bl-għaqal ta’ kulħadd, għamilna bil-kontra ta’ dak li għamlu dawn il-pajjiżi: ġibna l-investiment, żidna x-xogħol u qed ninvestu aktar fl-edukazzjoni u fis-saħħa. Bix-xogħol, qed ninvestu f’soċjetà b’saħħitha. |
| Waħda | mill-ġrajjiet ewlenin li seħħew din is-sena kienet iż-żjara fostna tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI. Intom tafu li kien privileġġ kbir għal pajjiżna li l-Papa għażel li jagħmel bħal dak ta’ qablu u jiġi jżur lill-poplu tagħna. Bħas-soltu, il-Maltin u l-Għawdxin tawh il-merħba li tistħoqqlu. Ilqajnieh bl-imħabba u bl-entużjażmu ta’ bniedem għaref u fl-istess ħin umli li jrid il-ġid lil kulħadd, li jaf x’inhuma l-problemi tas-soċjetà moderna u x’inhuma l-perikli li jħabbat wiċċu magħhom il-bniedem ta’ żmienna. Il-Papa reġa’ fakkarna fl-importanza li aħna, bħala Maltin, nibqgħu ngħożżu l-valuri li jiffurmaw parti mill-identità u l-wirt storiku u kulturali tagħna, u fid-dmir li għandna lkoll flimkien li dak il-wirt li jinkludi l-familja ta’ pajjiżna, ngħadduh lil uliedna u lil ulied uliedna. Dak kien il-messaġġ ewlieni li għaddielna l-Papa matul dawk il-ftit ġranet li dam fostna. Dik kienet ix-xewqa u t-tama tiegħu. U dik ukoll għandha tkun ix-xewqa u t-tama tagħna lkoll. |
Waqt iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta rajna l-ġid li joħroġ mill-volontarjat. Għaqdiet taż-żgħażagħ, għaqdiet reliġjużi, soċjali, dawn kollha taw is-sehem tagħhom biex il-viżita tal-Papa tkun suċċess. F’pajjiżna għandna teżor bil-volontarjat u għandna napprezzawh dan it-teżor. L-2011, is-sena d-dieħla se tkun is-sena Ewropea dedikata propju lill-voluntiera. Il-volontarjat f’pajjiżna għandu għeruq b’saħħithom. Eluf ta’ Maltin u Għawdxin isaħħu huma stess is-sens ta’ komunità, billi jipparteċipaw fil-volontarjat, ikabbru l-ispirtu ta’ responsabbiltà permezz tal-impenn tagħhom f’għaqdiet differenti, dawk sportivi, l-iscouts, il-girl guides, il-MUSEUM, l-għaqdiet ambjentali u kulturali u tant oħrajn. Permezz tal-volontarjat ilkoll kemm aħna ngħinu lil min ikun għaddej minn xi diffikultà partikolari. Hemm għaqdiet li jaħdmu fost dawk li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa fiżika jew anke mentali. Il-faraġ li dawn l-għaqdiet jagħtu jiswa mitqlu deheb u jiswa aktar minn kull rigal materjali li jista’ jingħata. Għaqdiet oħra, mibnija fuq il-volontarjat, jikkontribwixxu f’pajjiżna permezz tal-ħsieb u l-ideat – l-għaqdiet tal-istudenti, taż-żgħażagħ, tal-persuni b’diżabilità, tan-nisa, tal-anzjani, anke l-partiti politiċi, għaqdiet ta’ min iħaddem u għaqdiet li jirrappreżentaw lis-sidien, lil dawk li jirrappreżentaw in-negozji ż-żgħar, il-ħwienet iż-żgħar, il-unions tal-ħaddiema. Dawn kollha rrid ngħidilhom li jiena u sħabi, aħna bħala Gvern, u rrid ngħid aħna bħala poplu, napprezzaw ix-xogħol kollu li intom tagħmlu fil-volontarjat tagħkom, f’dawn l-oqsma tant differenti u tant prezzjużi għal pajjiżna. Il-voluntiera u min jipparteċipa fil-volontarjat jafu li dan hu mod kif wieħed jagħżel li jinvesti l-ħin tiegħu għall-ġid ta’ ħaddieħor, li jkun ta’ servizz għall-bqija tas-soċjetà tagħna. Huwa, fil-verità, permezz tal-volonarjat li qed insaħħu l-parteċipazzjoni ċivika tal-poplu tagħna u permezz ta’ hekk tkun qed tgawdi s-soċjetà kollha tagħna. Dan teżor li għandu l-apprezzament tagħna lkoll.
| Għalhekk, waqt li jeħtieġ li naraw vera li | l-ekonomija tagħna tibqa’ tikber u tiżviluppa b’mod li jkun b’saħħtu u konsistenti u mingħajr skossi, waqt li dan kollu għandna nagħmluh imma ma rridu qatt ninsew li l-kwalità ta’ ħajjitna ma tiddependix biss mir-rata tat-tkabbir ekonomiku li jirnexxielna nilħqu u minn kif inqassmu l-ġid li noħolqu bil-ħidma tagħna lkoll. Il-kwalità ta’ ħajjitna tiddependi wkoll, u b’mod speċjali, minn dak li nagħmlu, minn kemm jirnexxielna nsaħħu r-relazzjonijiet u r-rabtiet ta’ bejnietna, minn kemm nirrispettaw lil xulxin f’dak li ngħidu u f’dak li nagħmlu, mill-mod kif nikkomunikaw l-ideat tagħna, kif ngħaddu dawn l-ideat lil xulxin anki meta ma naqblux. Tiddependi wkoll minn dak li niktbu u kif jinkiteb u minn dak li nxandru u kif inxandruh, minn kif nittrattaw lil dawk li l-baħar tefagħhom fuq ix-xtut tagħna, tiddependi minn kemm nieħdu ħsieb dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna fiċ-ċirkostanzi diffiċli li kultant jiffaċċjaw. |
| Jekk | inkomplu naħdmu flimkien, niġbdu lkoll ħabel wieħed - kull wieħed minna u kull waħda minna lkoll kemm aħna nagħtu sehemna billi nużaw bl-aħjar mod id-dehen u l-ħiliet kreattivi tagħna, allura pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, u l-familji tagħna, it-tfal tagħna, il-ħaddiema tagħna, is-sidien ta’ negozji u l-investituri f’pajjiżna lkoll ikunu jistgħu jkomplu jħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu. |
| Dan hu | li nawgura lilkom u lill-għeżież tagħkom f’dawn il-jiem, waqt li nixtiqilkom ilkoll Milied hieni u sena ta’ fejda għalikom u għal pajjiżna. Nirringrazzjakom. |
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003