Messagg tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena mill-President ta’ Malta, l-E.T. Dott George Abela
pr2396
24/12/2010
| Għeżież | ħuti Maltin u Għawdxin, |
| Għat-tieni darba minn mindu ġejt elett | mill-Parlament bħala President ta’ Malta, għandi l-unur u l-pjaċir li nidħol ġo djarkom permezz tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni sabiex ngħidu kelmtejn għall-okkażjoni tal-Milied u s-sena l-ġdida. Matul is-sena li waslet fi tmiemha, kull wieħed u waħda minna ġarrab mumenti ta’ hena u mumenti ta’ niket, mumenti li jnisslu t-tama, bħalma hu l-miġja ta’ wild ġdid fil-familja, u mumenti li jġibu d-dieqa bħat-telfa ta’ xi ħadd għażiż. |
| Tul | is-sena li ntemmet, il-poplu Malti wkoll kellu jiffaċċja inevitabilment il-konsegwenzi ta’ dak li ġara madwaru. Aħna parti mid-dinja u bilfors irridu nħabbtu wiċċna mal-kurrenti ekonomiċi globali li jġagħluna nagħmlu għażliet kultant ibsin. Il-mixja ma kinitx faċli imma l-għaqal tal-Maltin kien fattur deċiżiv sabiex skansajna l-agħar u, anzi, saħansitra f’ċerti setturi rrnexxilna bil-mod il-mod u b’saqajna mal-art ngħelbu d-diffikultajiet li għadhom qed joħolqu taqlib u nkwiet f’ħafna pajjiżi barranin. |
| Id-dinja | għadha ma ħarġitx mill-effetti tat-taqlib ekonomiku u s-sena li deħlin fiha mhijiex mingħajr sfidi. Dawn l-isfidi jeħtiġilna nidħlu għalihom b’kuraġġ u b’determinazzjoni. Il-fatt li ma morniex ħażin daqs ħaddieħor għandu jqawwilna qalbna. Jiena ninsab fiduċjuż li l-poplu Malti huwa għaqli biżżejjed biex fix-xhur li ġejjin iħaddan impenn kollettiv, bħala poplu wieħed magħqud, anki fid-diversità tal-opinjoni, ta’ kif għandhom jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali, ta’ kif insawwru l-prioritajiet tagħna skont il-mezzi finanzjarji li għandu l-pajjiż u konformement mal-valur tas-solidarjetà soċjali li nħaddnu sabiex nilħqu l-iskop li nixtiequ u nkomplu għaddejjin b’ritmu sostenut. Wieħed jittama li l-ekonomija dinjija tissaħħaħ matul is-sena li ġejja sabiex kull pajjiż ikun jista’ jerġa’ lura fit-triq li tista’ twassal għall-prosperità, it-tkabbir ekonomiku u prospetti isbaħ għall-futur. |
| Fi | żminijiet inċerti bħal dawk tal-lum, huwa aktar u aktar importanti li aħna lkoll ngħożżu u nsaħħu dawk il-valuri li jgħinu lill-poplu tagħna jitqawwa bħala nazzjon u jegħleb dawk id-diffikultajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien. Dawn huma valuri li jgħoddu għal kulħadd mingħajr distinzjoni ta’ qagħda soċjali, fehma politika jew twemmin religjuż. Qed nirreferi għall-valuri tal-għozza tal-familja, il-bżulija fix-xogħol, ir-responsabbiltà, l-onestà, l-integrità, is-solidarjetà, l-altruwiżmu, il-kuraġġ, l-ekonomija fl-użu tar-riżorsi disponibbli u l-imħabba għal pajjiżna u għall-ġid komuni. |
| Mingħajr | dawn il-valuri, wieħed jirriskja li joħroġ mit-triq id-dritta u jintilef f’bosk mudlam u mingħajr direzzjoni. Huma dawn il-valuri li jixraq nittrasmettu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li f’idejha jinsab il-preżent u l-ġejjieni ta’ pajjiżna. Hu tajjeb li wieħed jimmira ħalli jkompli jtejjeb il-livell tal-għixien tiegħu, li jakkwista l-kumditajiet li toffri t-teknoloġija moderna u li jaspira għal dak li missirijietna qatt ma setgħu jgawdu. Imma ma rridux nagħmlu l-konsumiżmu skop fih innifsu u l-unika ġustifikazzjoni ta’ ħajjitna billi nabbandunaw il-valuri etiċi u morali li jagħtu sens lill-ħajja tagħna għax huma l-veru pedament tal-eżistenza umana. |
| Il-kwalità tal-ħajja tiddependi wkoll fuq l-ambjent | ta’ madwarna. Pajjiżna huwa żgħir u d-densità tal-popolazzjoni hija waħda mill-ogħla fid-dinja, bil-konsegwenza li l-pressjoni fuq l-ambjent hija qawwija ħafna. Fil-fehma tiegħi, jeħtieġ dejjem nisħqu li l-iżvilupp isir b’mod sostenibbli, irid jinstab bilanċ aktar effettiv bejn il-profitt u l-ħarsien tal-ambjent tagħna, il-kampanja, il-postijiet ta’ ġmiel naturali, il-baħar, ix-xtajta, l-arja u anki r-riżorsi tal-ilma. L-investiment hu meħtieġ u dan jikkomporta l-iżvilupp tal-art u l-użu ta’ ambjenti naturali imma rridu niftakru li dak li nitilfu mill-ġmiel ta’ postijiet naturali jintilef għal dejjem u ma nistgħux inġibuh lura. |
| Jeħtieġ | ukoll inkomplu nħarsu l-wirt storiku u artistiku tagħna għax dan m’għandux biss valur kulturali imma wkoll valur ekonomiku kruċjali għall-industrija turistika tagħna. Sar u għadu qed isir ħafna xogħol utili u li jirrikjedi fondi kbar f’dan il-qasam, bħalma hu r-restawr ta’ bini fil-Belt u l-Imdina, restawr tas-swar, restawr tat-tempji megalitiċi u r-restawr u konservazzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi. Aħna għandna x-xorti li nippossjedu patrimonju estensiv għaċ-ċokon ta’ pajjiżna. Dan mhux patrimonju tagħna biss imma wkoll tal-umanità kollha u aħna, bħala l-kustodji tiegħu, irridu nkunu tal-ewwel biex nipproteguh għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. |
| F’dan | iż-żmien tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, hija t-tradizzjoni li wieħed jaħseb f’għajru aktar mis-soltu. Huwa żmien li jitfakkar il-messaġġ sabiħ tal-Milied li huwa wieħed ta’ paċi u rikonċiljazzjoni bejn il-bnedmin. Hija ħasra li għad hawn partijiet tad-dinja, bħalma hu l-Lvant Nofsani fejn tħabbar għall-ewwel darba dan il-messaġġ, fejn il-paċi għadha ma ġietx stabbilita – wieħed jittama li s-sena li ġejja ġġib magħha aktar ftehim u soluzzjonijiet li jwasslu għal paċi dejjiema fost il-ġnus u l-popli kollha. |
| Is-solidarjetà bejn il-membri tal-komunità hija | meħtieġa tul is-sena kollha. Din tiġi mill-kompassjoni li wieħed iħoss mal-oħrajn li jkunu f’xi diffikultà bħal, ngħidu aħna, problemi ta’ saħħa. Dan hu valur importanti fil-kultura tagħna. Għalhekk jiena nħeġġiġkom tkunu ġenerużi billi toffru dak li tistgħu għall-benefiċenza fil-ġranet li ġejjin. Huwa wisq aktar ta’ soddisfazzjon li tagħti milli li tirċievi. Min jgħin lill-fqar ma jiftaqarx. |
| B’dan | il-ħsieb, jiena nawgura lilkom ħuti Maltin u Għawdxin, kemm jekk tgħixu Malta u kemm jekk tgħixu barra, Milied seren fl-għożża tal-familja u sena ġdida mimlija risq, ġid u saħħa. |
Nirringrazzjakom.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003