SEMINAR INTERNAZZJONALI F’GHAWDEX JITTRATTA L-EDUKAZZJONI FID-DIMENZJONI EWROPEA
pr2347
15/12/2010
| Madwar | għoxrin kap tal-iskola u uffiċjali oħra mpenjati fil-qasam edukattiv ġewwa Sqallija jinsabu Għawdex biex jipparteċipaw f’seminar li fih qed jieħdu sehem ukoll kapijiet ta’ skejjel u uffiċjali oħra mill-qasam edukattiv f’Għawdex. Dan is-seminar, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, qed jinżamm bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea Comenius-Regio. Il-parteċipazzjoni ta’ Għawdex f’dan il-proġett hi rappreżentata mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, l-Iskola Primarja tar-Rabat, il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-klabb S K Victoria Wanderers. |
| Is-seminar organizzat f’Għawdex ittratta t-tema | ‘Id-dimensjoni Ewropea fil-qasam Edukattiv’ u dawk li pparteċipaw tkellmu fost l-oħrajn dwar it-teatru bħala strument fil-pedagoġija kif ukoll fuq sistemi edukattivi speċifiċi. Waqt li kienet qed tinawgura s-seminar, l-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, spjegat kif minkejja ċ-ċokon tal-gżira ta’ Għawdex, l-istudenti Għawdxin qed jibbenefikaw minn sistema edukattiva li qed ikollha riżultati pożittivi f’kull livell. Il-Ministru spjegat kif dan huwa wkoll riżultat tal-investiment kontinwu li sar f’dawn l-aħħar snin fil-qasam edukattiv kemm mil-lat infrastrutturali kif ukoll minn dak tar-riżors uman. ‘Huwa wkoll riżultat tal-introduzzjoni ta’ sistema edukattiva inklużiva li tħares lejn l-abiltajiet ta’ kull student biex ħadd ma jibqa’ lura’ żiedet tgħid il-Ministru Debono. Hija rreferiet ukoll għall-inawgurazzjoni tal-iskola sekondarja ġdida ftit jiem ilu, li kienet ukoll il-post fejn inżamm dan is-seminar f’Għawdex. |
| Permezz | ta’ dan il-proġett għalliema u studenti tas-sitt sena mill-iskola primarja tar-Rabat Għawdex għamlu żjara ġewwa Pollina fi Sqallija fejn attendew għall-festival tad-drama li jsir ta’ kull sena. Hu maħsub li grupp ieħor jerġa’ jagħmel żjara simili matul is-sajf li ġej. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jżid il-mobilità bejn studenti u kapijiet ta’ skejjel fejn jiġu faċilitati esperjenzi ta’ skambji u ħbiberiji ġodda filwaqt li jiġu promossi metodi ta’ tagħlim kreattiv. |
| Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet Għawdxin f’dan | il-proġett ġiet deskritta bħala inizjattiva li twessa’ l-opportunitajiet kemm għall-istudenti kif ukoll għal dawk involuti fil-qasam edukattiv f’Għawdex. Dan huwa wkoll ta’ benefiċċju mill-aspett komunikattiv bejn studenti u għalliema li jgħixu f’reġjuni żgħar, li ħafna drabi jiltaqgħu ma’ sfidi partikolari bħal ma huma dawk ikkawżati mill-insularità. |
| Waqt | iż-żjara tagħhom f’Għawdex il-parteċipanti barranin ingħataw l-opportunita li jżuru siti storiċi u ta’ attrazzjoni turistika f’Għawdex. |
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003