Indirizz mill-E.T. Dott. George Abela, President ta’ Malta, fl-okkazjoni ta’ Jum ir-Repubblika - Sala tal-Gran Kunsill, Il-Palazz, Valletta - It-Tnejn, 13 ta’ Dicembru 2010
pr2330
13/12/2010
| Għaddew sitta u tletin | sena mill-Proklamazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta u, kif jixraq, dan il-jum huwa ċċelebrat bħala ġurnata li teżalta l-kisbiet demokratiċi ta’ pajjiżna. Jiena nixtieq nagħti gieħ lill-President Guido de Marco li ħalla din id-dinja fix-xahar ta’ Awissu ta’ din is-sena u lil dawk kollha li, b’mod jew ieħor, taw kontribut siewi u indispensabbli sabiex dan il-pajjiż maħbub tagħna jimxi fit-triq tal-progress u tad-demokrazija. |
| Malta hija demokrazija | parlamentari fejn il-Parlament, kostitwit mill-Kamra tad-Deputati u mill-President, hija l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż bil-poter li jagħmel liġijiet għall-aħjar tmexxija tal-pajjiż fl-interess tal-ġid komuni. Il-Parlament, madankollu, mhux qiegħed hemm biss sabiex jgħaddi l-liġijiet imma għandu wkoll funzjoni li jiddibatti materji ta’ interess nazzjonali. |
| Għalkemm il-President għandu vestit fih il-poter | eżekuttiv, ma jeżerċitaħx hu direttament għaliex huwa jeħtieġ il-parir tal-Prim Ministru fil-ġeneralità tal-każi. Il-President bħala parti integrali mill-Parlament għandu interess speċjali li l-Parlament jimxi għall-aħjar ġid tal-pajjiż. Huwa vitali li d-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar l-operat tal-Parlament u l-kumitati li jaqgħu taħtu, ikunu dejjem diretti sabiex jiżguraw li dawn jibqgħu jiffunzjonaw u jagħmlu dan bl-aħjar mod. Għalhekk hija x-xewqa tiegħi li nara li kull kumitat parlamentari li twaqqaf bi skop utli u preċiż ikompli jaqdi l-funzjoni tiegħu. |
| Ninnota li l-proposta li | varajt sena ilu għat-twaqqif tal-Kunsill tal-Istat iffurmat, fost oħrajn, mill-President attwali, mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-Presidenti Emeriti, li sabet l-approvazzjoni minn politiċi ta’ fehmiet differenti, baqa’ ma twaqqafx. Dan il-Kunsill tal-Istat, li għandu jkun wieħed konsultattiv, jista’ jaqdi funzjoni sinifikanti fid-diskussjoni ta’ materji li jqumu minn żmien għal żmien. Jiena nibqa’ disponibbli sabiex nagħmel il-parti tiegħi biex dan il-Kunsill jitwaqqaf u jibda jaħdem. |
| Is-sena li waslet biex | tagħlaq kienet is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Saru ħafna konferenzi madwar l-Ewropa, inkluża Malta, u dan is-suġġett ġie mgħarbel estensivament. Jiena nosserva mill-qrib is-sitwazzjoni soċjali tal-pajjiż u hija kawża ta’ tħassib għalija l-qagħda soċjali ta’ sezzjoni tas-soċjetà Maltija li donnha ma tistax toħroġ mill-morsa tal-faqar jew ir-riskju reali li taqa’ taħt il-linja tal-faqar. Fl-aħħar Household Budgetary Survey, instab li 14 fil-mija mill-popolazzjoni tinsab f’riskju ta’ faqar. Jidher li n-numru ta’ dawk li qed isibuha diffiċli jgħixu ħajja deċenti permezz tad-dħul tagħhom qiegħed dejjem aktar jiżdied. |
| Jista’ jkun li d-distakk | bejn dawk li jinsabu fil-faxxa ta’ dħul l-aktar għoli u dawk li d-dħul tagħhom ma jilħaqx livell adegwat, qiegħed kull ma jmur jitwessa’ aktar. Inħoss li rridu nidħlu għal impenn kollettiv biex nippruvaw insibu l-metodi prattiċi sabiex jinstabu r-rimedji. Jeħtieġ li naraw għaliex sezzjoni tas-soċjetà tagħna qed tibqa’ lura. Irridu niskopru, pereżempju, ir-raġunijiet li minħabba fihom sezzjoni tal-popolazzjoni żagħżugħa mhix qed tieħu vantaġġ mill-faċilitajiet disponibbli fl-edukazzjoni għaliex l-edukazzjoni hija wieħed mill-fatturi determinanti li jistgħu jagħmlu differenza sabiex dawn in-nies itejbu l-pożizzjoni tagħhom. Inħoss li għadna ma sibniex il-mezz li nikkumbattu effettivament il-fenomenu li s-sezzjoni ta’ nies bi dħul baxx, suġġetti aktar għall-problemi soċjali u nieqsa minn livell suffiċjenti ta’ edukazzjoni, hija aktar konċentrata f’żoni partikolari ta’ pajjiżna, bħalma hija ż-żona ta’ madwar il-Port il-Kbir. |
| Kulħadd jaqbel li l-akbar | interess tagħna hu li jsir dak kollu possibbli, skont ir-riżorsi disponibbli, biex familji u individwi li jeħtieġu xi tip ta’ għajnuna jsibu sostenn kemm mill-Istat u kemm mill-volontarjat. L-għajnuna finanzjarja, għalkemm essenzjali, mhix l-uniku mod kif ngħinu l-familji imma tista’ wkoll tingħata xorta oħra ta’ għajnuna bħal, pereżempju, aktar edukazzjoni u taħriġ kif wieħed jitgħallem juża aħjar id-dħul li jkollu, kif jagħżel il-prijoritajiet l-aktar essenzjali biex juża b’mod iżjed effettiv il-finanzi li jdaħħal u kif jiżviluppa relazzjonijiet interpersonali fil-familja li jsaħħu r-rabta bejn il-membri. Familji b’saħħithom u stabbli huma s-sinsla tas-soċjetà. |
| Il-kriżi ekonomika u | finanzjarja dinjija għadha ma ntemmitx u diversi pajjiżi Ewropej kellhom jieħdu, u għadhom qed jieħdu, miżuri neċessarji li rriżultaw f’telf ta’ impjiegi u tnaqqsis fis-servizzi soċjali u fis-salarji. Malta wkoll ħasset l-effetti ta’ dan kollu, għalkemm irnexxielna bil-għaqal tagħna nsalvaw ħafna postijiet tax-xogħol u l-effetti tal-kriżi f’pajjiżna kienu kontenuti. B’danakollu, il-maltemp ekonomiku ma nistgħux ngħidu li għadda u fis-sena li ġejja rridu nibqgħu aktar viġilanti bit-tama li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-aħjar. |
| Jidher għalhekk li wasal | iż-żmien li niddentifikaw x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tas-Soċjetà Maltija skont il-mezzi finanzjarji li għandna u konformement mal-valur tas-solidarjetà soċjali li nħaddnu. |
| Hu ta’ sodisfazzjon | wieħed jinnota li sar u għadu qed isir xogħol ta’ restawr estensiv fuq bini storiku, swar u f’postijiet oħra kif ukoll fuq xogħlijiet tal-arti u fuq kotba antiki. Dan jgħin biex ngħixu ħajja aħjar, ingawdu l-wirt tagħna u ċertament jgħin lill-industrija tat-turiżmu minkejja s-sitwazzjoni ekonomika mondjali. |
| Jiena nħoss li | l-Presidenza hija wkoll kustodju tal-wirt kulturali, storiku u ambjentali tan-nazzjon. Inħossni fid-dover infisser il-fehma li, għalkemm sar ħafna xogħol, għad fadal xi jsir f’dik li hi protezzjoni tal-ambjent. Għandna obbligazzjoni morali sabiex neżerċitaw kawtela u prudenza meta nużaw għall-profitt ekonomiku r-riżorsi naturali limitati li huma tagħna u tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Jiena jidhirli li nkun qiegħed infisser is-sentimenti tal-maġġoranza kbira tal-poplu Malti u Għawdxi, jekk nappella sabiex jiġu protetti b’assidwità akbar il-wirt ambjentali, ekoloġiku u ġeoloġiku bħalma huma l-baħar; ix-xtajta; ix-xagħri; il-widien; l-ilma tal-pjan akkwiferu u l-ġebla li nużaw għall-kostruzzjoni. Żoni protetti ta’ sinifikat storiku u ta’ importanza ġeoloġika u ekoloġika jixirqilhom protezzjoni mill-aktar rigorużi ħalli dak li għandna ma jintilifx għal dejjem bil-konsegwenza li nċaħħduh lill-ġenerazzjonijiet futuri. |
| Il-wirt artistiku, | storiku u naturali huwa tan-nazzjon Malti u n-nazzjon ma jintemmx mal-ġenerazzjoni tal-lum li għandha t-tutela tiegħu, imma jeħtieġ li nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna. Hija responsabilità ta’ kull wieħed u waħda minna illi nħarsu l-ambjent b’kull mod possibbli u kull miżura li ttieħdet jew għad trid tittieħed għall-ħarsien tal-ambjent għandha tiġi nkoraġġita. |
| L-ambjent | soċjali mhux inqas importanti mill-ambjent naturali. Jeħtieġ li s-sens ta’ sigurezza li tgawdi minnu s-soċjetà Maltija, ma jitħalliex jiġi mhedded minn ftit elementi bla skruplu li ma jimpurtahom minn xejn, lanqas mill-ħajja umana, basta jilħqu l-iskopijiet illeċiti tagħhom. Wieħed jinkoraġġixxi lil kull min jista’ jgħin li jikkopera mal-forzi tal-ordni sabiex tkompli tiġi protetta s-soċjetà tagħna. Il-Qrati tagħna, minn naħa tagħhom, jixraq li jżommu bilanċ ġust bejn dawk li huma drittijiet tal-akkużat u l-interess ġenerali li tiġi mħarsa s-Soċjetà. |
| F’dan il-Jum | tar-Repubblika, jingħataw onorifiċenzi lil persuni li jimmeritahom dan il-ġieħ talli jkunu taw kontribut lis-soċjetà Maltija għall-ġid komuni. F’isem il-Poplu Malti, jiena nirringrazzja lilhom minn qalbi tal-ħidma li wettqu kif ukoll lil persuni oħra li wkoll setgħu għamlu xogħol utli mingħajr ma rċevew xi onorifiċenza. Jiena ċert li huwa ta’ sodisfazzjon għalihom li jkunu taw ġenerożament servizz lil għajrhom u nħeġġeġ lil kull min jista’ sabiex hu wkoll jagħmel il-parti tiegħu għall-ġid tas-soċjetà tagħna. |
| Grazzi u l-festi | t-tajba lil kulħadd. |
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003