Left arrow Mur Lura

MIJIET TA’ TFAL IŻURU BETLEHEM F’GĦAJNSIELEM

pr2309
Date Icon 09/12/2010
Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Ministru għalGħawdex l-Onor. Giovanna Debono ngħaqdet ma’ gruppi ta’ studenti mill-iskejjel minn madwar Malta u Għawdex meta żaret l-attrazzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem. Dan il-presepju ħaj ġie inawgurat nhar is-Sibt li għadda mill-Prim Ministru l-Onor. Lawrence Gonzi.
Waqt likienet qed iddur l-inħawi magħrufa bħala Ta’ Passi flimkien ma’ wħud mis-600 student li żaru Betlehem f’Għajnsielem matul il-ġurnata, l-Onor. Giovanna Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex jappoġġa bis-sħiħ din l-inizjattiva u li din is-sena kkollabora wkoll permezz ta’ ħidma mid-Dipartiment għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali fi ħdan il-Ministeru. Hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex għen u appoġġa lill-Fondazzjoni Betlehem f’Għajnsielem fil-kisba tagħha għaċ-ċertifikazzjoni ISO 14001:2004 u b’hekk saret l-ewwel organizzazzjoni mhux governattiva li kisbet dan iċ-ċertifikat. Żiedet tgħid li l-Ministeru għal Għawdex ta s-sehem tiegħu wkoll bit-tħawwil ta’ siġar fl-inħawi, permezz ta’ attivitajiet imtellgħa mill-Hands on Farming, bil-kotba edukattivi li ġew stampati fuq karta riċiklata u li tqassmu lit-tfal tal-iskola, kif ukoll bit-tqassim ta’ 6,000 pakkett ta’ żerriegħa tas-siġar taċ-ċipress biex it-tfal iħawluha d-dar.
Fil-villaġġ tal-Milied li ġie stabbilit fl-inħawimagħrufa bħala Ta’ Passi f’Għajnsielem, wieħed jista’ jammira xeni partikolari bħal ħwienet tal-mastrudaxxa u tal-ħaddied, il-furnar, is-suq tal-ħaxix u l-frott, it-taverna, u l-għelieqi tar-rgħajja bl-annimali. Ma jistax jonqos li l-attrazzjoni ewlenija f’dan il-villaġġ tal-Milied hija l-grotta fejn twieled Ġesù Bambin. Attrazzjoni b’differenza matul Betlehem f’Għajnsielem ta’ din is-sena hija l-Betlehem Inn, il-lukanda ta’ żewġ sulari u li fiha erba’ kmamar għall-kiri. Dawn il-kmamar huma mżejna b’mod li jkunu simili għal dawk fi żmien it-twelid ta’ Ġesù Kristu.
L-attivitajiet sejibqgħu miftuħin sal-Ħadd 2 ta’ Jannar 2011. Filwaqt li l-villaġġ tal-Milied qed jinfetaħ kuljum, l-attivitajiet animati bil-parteċipazzjoni ta’ 150 attur, qed jinżammu fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi: is-Sibtijiet mill-4.30 p.m. sad-9.00 p.m. filwaqt li l-Ħdud u l-festi pubbliċi mis-2.00 p.m. sas-7.00 p.m. Nhar il-Milied u nhar l-Ewwel tas-Sena l-attivitajiet animati jsiru bejn it-3.30 p.m. u t-8.00 p.m.
Bħas-snin l-imgħoddija,dan il-villaġġ tal-Milied mistenni jiġbed numru ta’ viżitaturi Għawdxin kif ukoll Maltin u turisti li għal dawn iż-żminijiet ta’ festi jagħżlu li jaqsmu l-fliegu u jqattgħu xi jiem fil-gżira ta’ Għawdex. Din is-sena ngħatat ukoll attenzjoni f’sessjoni tal-media stampata fl-Italja anke permezz ta’ promozzjoni minn Taljani residenti f’lokalitajiet li għandhom ftehim ta’ ġemellaġġ mal-lokalità ta’ Għajnsielem.

Aktar informazzjoni dwar Betlehem f’Għajnsielem tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.ghajnsielem.com/bethlehem

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow