DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-ISKOLA SEKONDARJA TAS-SUBIEN FI ĦDAN IL-KULLEĠĠ TA’ GĦAWDEX – IR-RABAT, GĦAWDEX - IL-ĠIMGĦA, 3 TA’ DIĊEMBRU 2010
pr2258
03/12/2010
| Illum qed ninawguraw | it-tielet skola ġdida f’din il-leġislatura u s-sitt skola ġdida li saret mill-Gvern permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Għandna skola oħra ġdida kważi lesta wkoll li se niftħu uffiċjalment is-sena d-dieħla. |
| Fil-programm tagħna | li nibnu skola ġdida kull sena, lil Għawdex tajnih importanza u qed nagħtukom skola ġdida u moderna, attrezzata bl-aktar apparat modern biex nassiguraw li dawk kollha li jattendu fiha jkollhom esperjenza edukattiva mill-aħjar li tgħinhom fil-futur tagħhom. |
| Ma għandix għalfejn | noqgħod nidħol fid-dettal ta’ x’hawn f’din l-iskola. Għada din l-iskola se tkun miftuħa għall-pubbliku u għalhekk nistieden lil kulħadd biex jiġi jara b’għajnejh l-ambjent sabiħ li ħloqna għall-istudenti tagħna. |
| Dan il-proġett hu | parti mir-rivoluzzjoni li qed nagħmlu fil-qasam tal-edukazzjoni. Rivoluzzjoni mhux biss fil-bini u l-ambjent li huma importanti wkoll, imma anke fil-metodi tat-tagħlim, fil-firxa ta’ suġġetti, fil-mod tal-assessjar, fil-mixja mill-primarja għas-sekondarja biex nassiguraw li din tkun bla skossi u waħda inklussiva kemm jista’ jkun. Dan kollu qed isir filwaqt li nżommu lil kull student u studenta, bil-kwalitajiet individwali tagħhom, fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna biex ngħinuhom mhux biss jiksbu l-ħiliet bażiċi imma anke biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom. |
| Biex din | ir-rivoluzzjoni tibqa’ miexja ‘l quddiem b’suċċess hemm bżonn li kulħadd jagħti sehmu – amministraturi, għalliema, professjonisti oħra, ġenituri u studenti. Għalhekk ħsibna biex matul is-sena li għaddiet impjegajna numru ta’ professjonisti, fosthom councillors, psikolgi, ħaddiema soċjali, prefetti tad-dixxiplina, guidance teachers biex ikunu ta’ spalla għall-għalliema fl-iskejjel. Ħejjejna wkoll programmi apposta biex nassiguraw l-iżvilupp kontinwu tal-għalliema tagħna biex ikunu kapaċi jiffaċċjaw l-isfidi ta’ din ir-riforma u t-tibdil ma jaqta’ xejn f’sistemi innovativi ta’ tagħlim. |
| Dan kollu jfisser | spiża kbira. Iżda l-Gvern, minkejja d-diffikultajiet li ġiebet il-kriżi internazzjonali, ma xxaħħaħx mal-qasam edukattiv anzi żied in-nefqa għall-edukazzjoni fuq dik tas-sena li għaddiet. |
| X’differenza minn dak | li qed jiġri fil-pajjiżi ta’ madwarna li huma ferm akbar minnha. Araw ftit x’inhu jiġri fl-Ingilterra fejn saru protesti kbar għax il-Gvern żied il-miżati tal-universitajiet. Araw ftit fl-Italja, fejn f’dawn il-ġranet l-għalliema strajkjaw minħabba miżuri li l-Gvern ħabbar għas-settur tal-edukazzjoni. |
| Għall-kuntrarju, aħna | żidna n-nefqa fl-edukazzjoni, noffru edukazzjoni b’xejn minn eta’ bikrija sal-universita’. Nagħtu wkoll l-istipendji lill-istudenti tagħna u diġa’ taja 1,100 Borza ta’ Studju biex min irid ikompli jistudja u jispeċjalizza u jikseb Masters u Dottorat ikun jista’jagħmel dan bla xkiel. |
| U la qegħdin niftħu | skola ġdida, ippermettuli nieqaf ftit fuq il-programm tagħna li niftħu skola ġdida kull sena. |
| Qegħdin nibnu skejjel | ġodda għax irridu l-aħjar għat-tfal tagħna. Dan il-programm qed isir wara studju u ppjanar bir-reqqa dwar il-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur. Ma tfajniex l-ismijiet tal-irħula f’borża u tellajna isem bix-xorti u għidna “hawn se nibnu skola ġdida”. |
| Rajna l-iskejjel | eżistenti li għandna u l-istat li jinsabu fih, rajna x’faċilitajiet hemm bżonn biex nagħtu l-aħjar servizz lill-istudenti, rajna t-tendenzi demografiċi u fejn hemm konċentrazzjoni ta’ familji żgħażagħ u diversi fatturi oħra u fassalna pjan ta’ fejn irridu nibnu l-iskejjel il-ġodda. |
| Fil-passat kellna | skejjel kbar b’aktar minn 1000 student jew studenta. Dan mhux se jibqa’ l-każ. Ma jistgħax ikollna skejjel daqstant kbar jekk irridu nżommu kuntatt ma’ kull student individwalment. Min-naħa l-oħra, skejjel żgħar ħafna, ukoll m’humiex rakkomandabbli, speċjalment fis-settur sekondarju. Ghalhekk anki l-mod kif nibnu l-iskejjel hu msejjes fuq x’tip ta’ edukazzjoni rridu għat-tfal tagħna. |
| Nixtieq intemm dan | il-messaġġ tiegħi billi nirringrazzjaw lil dawk kollha li ħadmu biex tawna din l-iskola ġdida fil-ħin, fosthom liċ-Chairman, ic-CEO u l-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, lill-amministrazzjoni tal-Kulleġġ Għawdex u ta’ din l-iskola partikolari u nawgura lill-għalliema u lill-istudenti li se jgħaddu minnha, esperjenza edukattiva mill-aħjar. |
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003