Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirringrazzja lill-eluf ta’ nies li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet laqgħu l-istedina u żaru ċ-Ċentru għat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’ Antnin. B’hekk huma setħgu jaraw b’għajnejhom it-twettiq ta’ proġett ta’ riċiklaġġ tal-iskart li jaħdem bl-aħħar teknoloġija u skont l-ogħla standards ambjentali Ewropej.
Dan iċ-Ċentru fl-aħħar ġranet ra mas-6,000 ruħ li ngħataw spjega dwar xi jsir mill-iskart li kulħadd jiġġenera.
Il-Ministeru jieħu din l-okkażjoni biex itenni r-ringrazzjament tiegħu lill-ħaddiema kollha tal-WasteServ Malta Ltd, lic-Chairman, il-Kap Eżekuttiv, Bord tad-Diretturi u kulħadd tal-ħidma tagħhom li qed twassal għat-twettiq ta’ dan il-proġett ta’ fejda. Il-Ministeru jirringrazzja wkoll lir -residenti ta’Wied il-Għajn li wkoll attendew bi ħġarhom, kemm matul tmiem il-ġimgħa, kif ukoll il-Ħamis filgħaxija għall-attivita’ fl-istess ċentru.
Ringrazzjament partikolari jmur ukoll lid-diversi Sindki u Kunsillieri li atttendew għall-ftuħ taċ-ċentru.
Iċ-Ċentru għat-Trattament tal-Iskart ta’ Sant’Antnin, li sar b’investiment ta’ €27 miljun b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropeja, sar biex:
• tiżdied is-separazzjoni tal-iskart f’pajjiżna;
• l-iskart ikun sfruttat bħala riżorsa u b’hekk parti mill-iskart jiġi riċiklat u esportat;
• parti oħra mill-iskart issir kompost;
• mill-iskart nibdew nipproduċu l-elettriku.
Il-Ministeru jappella biex kulħadd ikompli jagħmel il-parti tiegħu u jissepara l-iskart ħalli ntejbu l-ambjent ta’ pajjiżna, titjieb il-kwalita’ tal-arja u ngawdu minn livell ta’ saħħa aħjar.