GĦAWDEX JINGĦAQAD MAL-UE F’ATTIVITAJIET MARBUTA MAL-ĠIMGĦA EWROPEA GĦAT-TNAQQIS TAL-ISKART
pr2188
25/11/2010
| Din | il-ġimgħa, Għawdex ingħaqad mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej li bejn l-20 u t-28 ta’ Novembru, qegħdin ikattru l-għarfien u l-impenn permezz ta’ attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tindirizza b’mod aktar konkret l-isfida marbuta mat-tnaqqis tal-iskart fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. |
| Il-Ministeru għal Għawdex, permezz tad-Dipartiment | Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali, introduċa l-użu ta’ compost bins fl-iskejjel kollha madwar Għawdex. Dan bil-għan li jiġu promossi prattiċi utli li jipproċessaw skart organiku sabiex dan isir kompost u jintuża fil-ġonna fl-istess skejjel. Din hija attività li twassal biex jitnaqqas l-iskart li jintrema fil-landfills. Din hija wkoll inizjattiva li tippromwovi prattiċi ambjentali tajbin marbuta mal-proposti inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni 2010-2012 tal-viżjoni eko-Għawdex. |
| Dawn il-compost | bins ġew introdotti waqt attività li saret fl-Iskola Primarja tal-Qala u li għaliha attendiet fost l-oħrajn il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono. Hija ħeġġet lill-istudenti u lill-għalliema biex jibdew jużaw dawn il-bins fl-iskola, filwaqt li jippromwovu dak li jitgħallmu ma’ persuni oħra qrib tagħhom u jekk jista’ jkun jagħmlu l-istess id-dar, biex b’hekk iktar nies f’Għawdex isiru responsabbli fl-immaniġġjar tal-iskart. L-Onor. Debono fissret kif il-qasam edukattiv huwa qasam validu biex jiġu introdotti ideat u prattiċi ġodda li ser ikunu strumentali biex tiġi realizzata l-viżjoni eko-Għawdex. Minbarra li dawn il-kontenituri ser jgħinu biex jiġi differenzjat l-iskart organiku mill-istudenti nfushom fl-iskola stess, ser ikunu wkoll utli biex b’hekk pass pass jibdew jiddaħħlu drawwiet li jgħinu fil-ħarsien tal-ambjent li toffri l-gżira ta’ Għawdex. B’hekk ikunu jistgħu jibdew jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli li minkejja li huma miri ambizzjużi jistgħu jintlaħqu jekk ikun hemm il-koperazzjoni ta’ kulħadd, iżda b’mod partikolari l-impenn u l-koperazzjoni tal-poplu Għawdxi. |
| Il-Ministru għal Għawdex spjegat ukoll kif bi ftit | impenn jista’ jiġi mnaqqas l-ammont ta’ skart li jiġi ġġenerat kuljum fl-iskejjel tagħna. Xi suġġerimenti jistgħu jinkludu l-użu ta’ lunchboxes minflok boroż tal-plastik, srievet tad-drapp minflok paper napkins, tazzi jew kikkri li jerġgħu jintużaw minflok dawk disposable filwaqt li jsiru fotokopji fuq żewġ naħat tal-karta biex b’hekk tiġi wżata anqas karta. Hija ħeġġet lill-istudenti biex dak kollu li qed jitgħallmu matul din il-ġimgħa jibqgħu jipprattikawh fil-ġimgħat, fix-xhur u fis-snin li ġejjin. |
| Inizjattiva oħra marbuta mal-pjan ta’ azzjoni eko-Għawdex | li qed tiġi mnedija fost l-iskejjel Għawdxin għaż-żmien tal-Milied hija dik li tittratta bini ta’ presepji b’materjal riċiklat. Il-Ministru Giovanna Debono ħeġġet lill-istudenti kollha biex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva, ikunu kreattivi u joħolqu presepji differenti, biex hekk ix-xogħlijiet tagħhom jiġu esebiti fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex u waqt wirja tal-istess tip fil-Valletta Waterfront. |
| L-attività | kienet tinkludi wkoll qari ta’ poeżiji b’temi marbuta mal-ambjent kif ukoll żfin mill-istudenti tal-istess skola. Din il-ġimgħa li l-għan tagħha hu li jinħoloq aktar għarfien dwar it-tnaqqis ta’ skart, qed tiġi ċċelebrata f’Malta, għall-ewwel darba din is-sena. |
| S’issa | matul din is-sena l-WasteServ f’Għawdex ipproċessat 740,000 kilogramma ta’ skart separat li jfisser żieda ta’ aktar minn 440,000 kilogramma fuq l-iskart separat miġbur fl-2009. |
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003