STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-pożizzjoni tal-Gvern Malta dwar is-sajd għat-tonn
Il-Gvern jirreferi għal numru ta’ artikli u kummenti dwar il-pożizzjoni li ħadet Malta fuq il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm tnaqqis ieħor sostanzjali fil-kwoti tas-sajd għat-tonn għas-snin li ġejjin.
Kif diġà kien spjegat pubblikament, Malta dejjem saħqet li kull deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti għas-sajd tat-tonn għandha tkun ibbażata fuq rapporti xjentifiċi. Ir-rapport tas-Scientific Committee for Research and Statistics (SCRS) tal-International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna (ICCAT), juri kif il-qabdiet permessi sal-lum jistgħu jwasslu biex jintlaħqu l-miri tal-pjan multi-annwali ta’ rkupru tat-tonn.
Il-Gvern Malti jibqa’ kommess li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe management plan li jkun ibbażat fuq informazzjoni xjentifika, u fil-fatt fis-snin li għaddew Malta saħansitra aċċettat tnaqqis fil-kwoti nazzjonali tagħha u saħħet il-kapaċita’ amministrattiva biex tkun tista’ tonora l-obbligi ta’ infurzar li għandha. Anke fil-pożizzjoni li ħadet f’dawn il-ġranet dwar il-kompromess imressaq mill-Presidenza Belġjana fuq il-pożizzjoni li ser tieħu l-Unjoni Ewropeja fil-laqgħa annwali tal-ICCAT, Malta reġgħet aċċettat il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-kwota tagħha. Dan jikkonferma kemm pajjiżna jrid jibqa’ jipparteċipa fi kwalunkwe sforz aċċettabbli biex tkun żgurata s-sostenibbilità ta’ din l-ispeċi.
Il-Gvern Malti jfakkar ukoll li Malta talloka l-kwota nazzjonali tagħha lill-bastimenti li jużaw irkaptu tradizzjonali biss (konzijiet) u dan huwa wkoll prova ta’ kemm Malta temmen f’sajd sostenibbli u aċċettabbli ta’ din l-ispeċi.
Malta hi tal-fehma li kull deċiżjoni li ma tkunx imsaħħa minn argumenti xjentifiċi tkun irresponsabbli, u dan anke minħabba l-impatt ekonomiku. Malta tibqa’ tinsisti li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li tinżamm is-sistema attwali ta’ mmaniġġar imħaddma mill-ICCAT u tinsisti li l-partijiet kollha josservaw l-obbligi tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003