Left arrow Mur Lura

DISKORS TAL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA, WAQT IT-TIENI KONFERENZA NAZZJONALI DOLCETA: ‘TOWARD MORE INFORMED CUSTOMERS’.

pr2149
Date Icon 19/11/2010

Sinjuri,

Bħala s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Affarijiet tal-Konsumatur huwa ta’ pjaċir għalija li nkun magħkom għal din il-konferenza li l-għanijiet tagħha jikkumplimentaw bi sħiħ l-għanijiet tagħna bħala pajjiż.

Matul l-aħħar xhur, bħala Gvern, ħdimna bla heda biex inpoġġu l-politika tal-konsumatur fuq nett tal-aġenda tagħna. Il-ħidma tagħna se tissarraf fil-jiem li ġejjin hekk kif se nippreżentaw abbozz ta’ liġi li se jistabbilixxi Awtorita’ dwar il-kompetizzjoni u l-konsumatur. Fix-xhur li għaddew kellna ċ-ċans naqsmu l-ħsibijiet tagħna dwarha mal-imsieħba soċjali u ma’ numru ta’ awtoritajiet. Issa jmiss li dan l-abbozz jiġi diskuss fil-Parlament.

L-għan ewlieni ta’ din l-Awtorita’ se jkun dak li f’pajjiżna jkollna swieq li jaħdmu aħjar u b’hekk insaħħu l-fiduċja bejn il-konsumatur u s-sidien tan-negozji.  Fost id-diversi rwoli li se jkollha, l-Awtorita’ se jkollha l-funzjoni li teduka u li twassal l-informazzjoni kemm lill-bejjiegħ kif ukoll lill-konsumatur. 

Illum ħadt pjaċir nisma’ bl-iżviluppi fuq il-website tad-DOLCETA, l-iżjed fejn jidħlu taqsimiet intiżi għat-tagħlim. Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li m’għandix dubju li se jkun ta’ għajnuna għal ħafna studenti, għalliema u għall-pubbliku ġenerali. It-taqsimiet ġodda li jipprovdu informazzjoni u tagħlim dwar aspetti varji bħad-drittijiet u obbligi tal-konsumatur, servizzi finanzjarji, saħħa u sigurtà tal-konsumaturi, konsum sostenibbli u protezzjoni ambjentali.

Illum iżjed minn qatt qabel it-tfal u l-istudenti tagħna jeħtieġ li jkunu konxji tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala konsumaturi. F’ħajja iżjed mgħaġġla u b’teknoloġija avvanzata disponibbli għat-tfal sa minn età żgħira, hemm bżonn li anke t-tfal jifhmu xi tfisser tkun konsumatur.

Bi pjaċir innotajt ħafna għalliema preżenti għall-konferenza tal-lum. Inħoss li huwa importanti li l-politika tal-konsumatur tiġi integrata f’suġġetti varji fl-iskejjel tagħna – mill-matematika sax-xjenzi, home economics u l-lingwi - sabiex insawru ġenerazzjoni ta’ studenti konxji mill-obbligi u d-drittijiet tagħhom f’kull sens.

Il-messaġġ lill-istudenti tagħna – u lill-pubbliku ġenerali – għandu jkun wieħed:
a) eżerċitaw id-drittijiet tagħkom;

b) kunu infurmati għax l-informazzjoni tagħtik is-saħħa;

c) semmgħu leħinkom u

d) aġixxu b’responsabbiltà.

Huwa fl-interess ta’ kulħadd li titkattar l-informazzjoni li kull konsumatur għandu jkun konxju tagħha, fosthom dik dwar id-drittijiet Ewropej li mas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea saru wkoll drittijiet tal-konsumatur Malti.

Għal ħafna, l-espressjoni ‘edukazzjoni tal-konsumatur’ hija sinonima mal-ilmenti tal-konsumatur jew mas-servizz mogħti wara l-bejgh. Waqt li dawn huma kunċetti importanti fl-edukazzjoni tal-konsumatur, hemm firxa usa’ ta’ aspetti li kull konsumatur għandu jkun konxju tagħhom.

Ħarsa ħafifa lejn il-website tad-Dolceta turik il-firxa wiesgħa ta’ aspetti fuq hiex għandna naħdmu lkoll fejn jidħlu l-edukazzjoni u t-tagħlim.

Aspett interessanti u mill-iżjed pożittiv tas-sit tad-Dolceta huwa d-distinzjoni fil-kontenut bejn pajjiż u ieħor sabiex l-informazzjoni li utent isib fis-sezzjoni ta’ taqsima tkun partikolarment rilevanti għal dak il-pajjiż. Bi pjaċir innotajt li fil-parti ta’ pajjiżna wieħed isib informazzjoni rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ pajjiżna, fosthom effiċjenza fl-enerġija, insulazzjoni tajba fid-djar, u lesson-plans għall-għalliema li jitkellmu dwar kuntest lokali.

Irridu li l-konsumaturi tagħna jkollhom l-għodda kollha f’idejhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aqwa għażliet u jieħdu l-aħjar passi. Irridu nibdew biex lill-konsumaturi żgħar tagħna – studenti fl-iskejjel – ngħallmuhom kif jieħdu ħsieb flushom. Kif bil-ftit flus li jistgħu jirċievu bħala pocket money jistgħu jibdew ifaddlu. Mat-tfaddil, imbagħad, iridu jitgħallmu jfasslu budget u jaraw kemm minn dak it-tfaddil jistgħu jonfqu f’okkażjoni partikolari – bħal xirja, festa, dawra mal-ħbieb. U ma tistax tagħmel budget jekk ma telenkax il-prijoritajiet tiegħek u tara x’inhu l-iżjed importanti. Huma kollha temi li se jibqgħu jħabbtu wiċċhom magħhom għal kumplament ta’ ħajjithom u għalhekk jagħmel sens u jkun ta’ benfiċċju jekk dan it-tip ta’ tagħlim jidħol fl-iskejjel sa minn kmieni.

Sa minn kmieni wkoll għandna nagħmlu l-istudenti tagħna iżjed konxji tal-kwalità tal-ikel li jieklu, tat-tikketti fuq il-prodotti tal-ikel li jixtru u tal-prodotti kollha li jixtru biex jgħixu iżjed b’saħħithom.

Tema oħra importanti għall-istudenti tagħna hi l-valur tal-flus. Kif tieħu l-iżjed minnhom u kif tieħu l-iżjed li jissodisfak l-aktar. Ħafna drabi wieħed jitgħallem dawn l-affarijiet meta jintebah li jkun żbalja, meta jixtri xi ħaġa li wara jirriżultalu li ma kenitx tiswa dak l-ammont, jew meta bl-istess ammont seta’ xtara iżjed. Bi ftit tagħlim maħdum apposta għall-istudenti, nistgħu ngħinu biex niżviluppaw fihom sens ta’ konsumatur attent minn kmieni.

It-temi li wieħed jista’ jgħallem fl-iskejjel fejn tidħol il-politika tal-konsumatur huma wiesa’. Iridu jinkludu x’jikkostitwixxi s-settur pubbliku u dak privat, x’jagħmilhom differenti minn xulxin, x’inhu tiegħek bi dritt u x’mhux.

F’dinja li qed tinbidel malajr, b’teknoloġija li qed tlaqqa’ lit-tfal tagħna ma’ bejgħ online regolarment, irridu ngħallmu lill-istudenti tagħna x’inhi d-differenza bejn debit card u credit card; xi jkun kont tal-bank u kif jaħdem; ideat dwar investiment; kif il-flus jagħmlu l-flus; u x’jiġri fi żmien ta’ kriżi finanzjarja.

Ħadt pjaċir matul id-diskors tal-Budget ftit tal-jiem ilu fil-Parlament nara grupp imdaqqas ta’ studenti fl-istrangers’ gallery isegwu d-diskors tal-budget. Għandna nispjegaw lill-istudenti tagħna, sa mill-iskejjel primarji, x’ikun budget u għaliex isir.

Fl-iskejjel sekondarji, imbagħad, wieħed jista’ jidħol f’aspetti iżjed diffiċli bħal-logħob tal-azzard, il-lotteriji, scams, l-etika fil-kummerċ, il-kummerċ ġust, l-oriġini tal-flus u kif taħdem is-sistema tal-banek, l-ippjanar finanzjarju, l-istrumenti ta’ investiment – x’jagħmel investiment high risk differenti minn investiment kawt, l-assigurazzjonijiet – x’inhuma, għaliex u meta l-aħjar tagħmilhom.  Is-self – meta għandek tissellef u b’liema raġunament, kif għandek tħallas is-self lura u l-interessi li kull self iġib miegħu. L-istudents’ loan u x’jagħmlu possibbli. 

Huma kollha temi li jsawru konsumatur infurmat aħjar. Huwa għalhekk li intom l-għalliema għandkom rwol mill-iżjed importanti fejn tidħol il-politika tal-konsumatur.

Il-konferenza tal-lum inħoss li għandna tinkoraġġina lkoll biex nagħmlu pass ieħor ’il quddiem fit-tfassil ta’ edukazzjoni immirata biex tipproduċi konsumaturi b’saħħithom – konxji minn drittijiethom u mill-obbligi tagħhom.

Nixtieq nirringrazzja lill-organizzaturi ta’ din il-konferenza; lill-kelliema ta’ qabli u lilkom ilkoll li attendejtu. Kien ta’ pjaċir għalija li nara li għandna iżjed għodda f’idejn l-għalliema tagħna biex insawru konsumaturi iżjed b’saħħithom. Dak, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-għan tagħna lkoll.

Nirringrazzjakom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow