90 triq residenzjali tlestew f’anqas minn erba’ xhur
Ix-xogħlijiet fit-toroq residenzjali mħabbra f’Awwissu li għadda għaddejjin b’ritmu tajjeb tant li diġà tlestew 90 triq f’29 lokalità differenti. Ix-xogħol fi 28 triq oħra beda u jinsab għaddej bħalissa. Fil-każ ta’ 124 triq, it-tender ġie aġġudikat u x-xogħol mistenni jibda f’qasir żmien; it-tender għax-xogħlijiet fuq 89 triq jinsab fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni; filwaqt li nħarġet is-sejħa għall-offerti biex isiru 24 triq.
Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said hekk kif illum żar ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fi Vjal it-Trasfigurazzjoni f’Ħal Lija. Hu kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħal Lija Ian Castaldi Paris.
Chris Said qal li l-progress sostanzjali li qed ikun reġistrat fit-tlestija tax-xogħlijiet fit-toroq residenzjali skont il-programm imħabbar f’Awwissu li għadda hu xhieda tal-impenn tal-Gvern u tal-Kunsilli Lokali li jitranġaw it-toroq residenzjali.
Juri wkoll kemm il-Gvern qed jaħdem b’għaqal billi jipprovdi l-għodda neċessarja sabiex il-Kunsilli Lokali jwettqu l-ħidma tagħhom. Chris Said qal ukoll li l-Gvern se jkompli jsus wara l-Kunsilli Lokali kollha biex iwettqu x-xogħlijiet skont kif programmat. Il-fatt li f’temp ta’ ftit xhur sar progress sostanzjali fuq 355 triq mil-lista mħabbra juri li kulħadd, Gvern u Kunsilli Lokali, qed jiġbed ħabel wieħed biex ix-xogħlijiet jitlestew fil-ħin għall-benefiċċju tar-residenti u l-komunitajiet li jirrappreżentaw.
Il-lokalitajiet li fihom tlestew xogħlijiet fit-toroq huma dawn li ġejjin. In-numru ta’ toroq lesti hu indikat fil-qawsejn.
Ħ’Attard (9); Birkirkara (1); Birżebbuġa (2); Ħad Dingli (4); il-Fgura (1); Għajnsielem (1); l-Għarb (1); il-Għargħur (1); l-Għasri (2); Ħal Għaxaq (5); Ħal Tarxien (5); l-Iklin (4); l-Imsida (1); Ħal Luqa (3); l-Imġarr (3); il-Mosta (2); il-Munxar (1); in-Nadur (1); in-Naxxar (5); l-Imqabba (4); il-Qala (1); Ħal Lija (1); is-Swieqi (4); Ħal Qormi (9); il-Qrendi (5); San Ġiljan (1); San Pawl il-Baħar (5); iż-Żebbuġ – Għawdex (5); u iż-Żejtun (3).
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li filwaqt li x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq għaddej b’ritmu tajjeb, is-Segretarjat u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali baqgħu jevalwaw aktar applikazzjonijiet ta’ Kunsilli Lokali differenti li jridu jagħmlu toroq taħt l-iskema public-private partnership. Fil-jiem li għaddew kienu approvati l-applikazzjonijiet ta’ disa’ lokalitajiet biex isiru 44 triq oħra. Dawn huma Ħal Tarxien (13-il triq); ir-Rabat (12-il triq); tas-Sliema (5 toroq); Ħ’Attard (4 toroq); il-Qala (4); ir-Rabat Għawdex (3); San Ġwann, il-Mellieħa u l-Qrendi (triq kull lokalità).
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003