Left arrow Mur Lura

STUDENTI TAL-ISKOLA JSIRU JAFU IKTAR DWAR IL-ĦIDMA TAL-MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN

pr2145
Date Icon 19/11/2010

Grupp ta’ studenti tfajliet mill-iskola tas-Sacred Heart għamlu żjara fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-Ministeru jiftaħ il-bibien tiegħu b’mod regolari sabiex jilqa’ fi ħdanu studenti minn diversi skejjel tal-Gvern, privati u tal-knisja. Dan bil-għan li jsiru jafu iktar dwar il-ħidma li titwettaq minn dan il-Ministeru u dwar il-bini li jospitah.

L-istudenti tar-raba’ sena sekondarja tas-Sacred Heart kellhom ukoll l-okkażjoni li jiltaqgħu u jkunu indirizzati mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr Tonio Borg. Huwa spjega li l-miri tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin huma varji. Fosthom insibu li kull ċittadin Malti jħossu komdu u moħħu mistrieħ li għandu l-għajnuna tal-Gvern f’każ ta’ xi saram meta jkun msiefer, kemm fuq xogħol kif ukoll waqt btala.

Il-Ministru Tonio Borg semma wkoll ir-rwol importanti ferm li għandhom l-Ambaxxaturi Maltin u l-ħaddiema kollha tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sabiex pajjiżna jkompli jissaħħaħ barra minn Malta. Spjega kemm l-Ambaxxati jaħdmu biex jattiraw iktar investiment u jġibu f’Malta iktar turisti. Qal li bis-saħħa tal-politika barranija u tad-diplomazija, Malta tkompli tingħata l-importanza li jixirqilha fil-fora internazzjonali.

Spjega li bħala parti mill-ħidma tiegħu, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandu rwol kruċjali fl-iffirmar ta’ ftehim bilaterali ma’ pajjiżi oħrajn. Spjega kif kull pajjiż jidħol fi ftehim ma’ pajjiżi oħra sabiex itejjeb il-qagħda tiegħu. Semma kif fl-aħħar 30 xahar Malta ffirmat, irratifikat jew daħħlet fis-seħħ 110 ftehim bilaterali. Minn dawn, 30 ftehim jiffaċilitaw l-investment, 24 minnhom huma dwar ftehim ta’ ħelsien ta’ taxxa doppja.

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg sostna li dawn il-ftehim huma essenzjali, biex flimkien mal-Ambaxxati barra minn Malta, pajjiżna jattira iktar investiment u joħloq iktar il-postijiet tax-xogħol. Semma kif matul din is-sena kien hemm 1,300 kuntatt mal-Ambaxxati Maltin minn investituri u nies tan-negozju barranin li wrew interess kummerċjali f’pajjiżna.

Lill-istudenti ħeġġiġhom biex isiru jafu iktar u jinteressaw ruħhom iktar fl-istudji internazzjonali u dawk marbutin mad-diplomazija, għaliex fi kliemu din tista’ tagħtihom ħafna soddisfazzjonijiet meta jibdew jidħlu fil-postijiet tax-xogħol tagħhom. Hawnhekk semma l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi, il-MEDAC li r-rwol tagħha hu li tifforma u tħarreġ studenti fid-diplomazija. Qal li minn kemm ilha imwaqqfa hija tat istruzzjoni lil 760 student, li llum huma diplomatiċi madwar id-dinja kollha. Fakkar kemm huwa importanti li l-istudenti jkunu jinteressaw ruħhom f’dak li jkun qed isir barra minn xtuthom.  Iktar u iktar meta llum Malta tagħmel parti minn blokk ta’ 26 pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.

Qal li Malta issa ilha sitt snin fl-Unjoni Ewropea, u flimkien mal-pajjiżi l-oħra tieħu deċiżjoniijiet importanti. Hawnhekk għamel referenza għal dawk li jissejħu Infringement Procedures. Qal li fl-2007 in-numru ta’ infringements pendenti kontra Malta kienu ta’ 67. Din iċ-ċifra niżlet għal 40 fl-2008, 29 fl-2009 u 16 fl-2010. Qal li Malta qiegħda fl-aħjar pożizzjoni, l-inqas pajjiż li għandu infringements fl-Ewropa kollha.

Dr Borg semma wkoll li din is-sena nħarġu 42,000 viża lil ċittadini terzi li riedu jżuru Malta u permezz ta’ Malta fil-pajjiżi tax-Schengen. Dwar iċ-Ċittadinanza qal li minn kemm ilhom li ġew introdotti l-ewwel emendi fil-liġi taċ-Ċittadinanza fl-1989, estiżi fl-2000 u fl-2007, minnhom gawdew 19,000 Malti.

Il-Viċi Prim Ministru qal li matul l-aħħar xhur il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin intensifika l-ħidma tiegħu biex jikseb iktar suċċessi lejn pajjiżna. Fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, Malta se tospita l-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-5 + 5. Fiha mistennija jattendu Kapijiet tal-Istati tal-Italja, il-Libja u Franza. Fil-ġimgħat li għaddew saru f’Malta żewġ konferenzi oħrajn ta’ livell internazzjonali. Ftit tal-jiem ilu tlaqqgħet f’Malta l-Ewwel Konferenza dwar il-Mediterran tal-Alleanza taċ-Ċiviltajiet. Fiha ħadu sehem numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti għolja governattivi minn 40 nazzjon, fosthom Ministri tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll organizzazzjonijiet u għaqdiet internazzjonali. F’din il-konferenza ntlaħaq ftehim dwar l-istrateġija għall-Mediterran u kif din se tkun implimentata.

F’Ottubru li għadda tlaqqgħet f’Malta l-Konferenza Mediterranja tal-OSCE li fiha ġew diskussi materji relatati mad-djalogu fuq is-Sigurtà Ewropea mill-perspettiva Mediterranja.

L-istudenti kellhom ukoll il-possibbiltà li jżuru l-uffiċċju personali tal-Viċi Prim Ministru Tonio Borg, liema uffiċċju kien ukoll jintuża minn Napuljun Bonaparte meta dan kien għal waqfa f’Malta mit-12 sat-18 ta’Ġunju 1798.

L-informazzjoni dwar il-ħidma tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, tal-Ambaxxati u l-aħħar informazzjoni konsulari tista’ tiġi aċċessata mis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin www.foreign.gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow