Inizjattiva ta’ tnaqqis mit-taxxa għas-settur tal-kreattività
Is-setturi tal-arti, inkluż il-performing arts, tal-produzzjoni tal-films, il-crafts, il-mużika, id-diżinn se jibbenefikaw mit-tnaqqis mit-taxxa fil-forma ta’ tax credits, sa massimu ta’ €25,000. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt żjara fl-istudjo tal-arti ta’ Galea fil-Belt Valletta.
Aktar minn hekk, intrapriżi kreattivi li joperaw f’żoni identifikati fil-Belt, il-Birgu u r-Rabat Għawdex se jkunu eliġibbli għal għajnuniet akbar bħala parti mill-ħidma tal-Gvern biex jittrasforma dawn iż-żoni f’żoni kreattivi. Dan se jgħin ukoll ir-riġenerazzjoni urbana ta’ dawn in-naħat.
Il-Ministru Tonio Fenech tkellem dwar kif il-kreattività tista’ twassal biex mhux biss isservi ta’ passatemp iżda tkun is-sors ta’ innovazzjoni li tirrendi l-ġid ekonomiku u toħloq opportunitajiet tax-xogħol. “B’dan l-inċentiv irridu ngħinu lill-industriji kreattivi, inklużi s-self employed, li l-ħidma tagħhom direttament marbuta mat-talent kreattiv tal-individwi. Barra minn hekk qed nipprovdu appoġġ biex niżviluppaw dawn iż-żoni f’ċentri ta’ kreattività li fihom nibnu clustering ta’ negozji simili.” L-inċentiv, li jkopri 60% tal-ispejjeż eliġibbli, se jkun validu għal 3 snin, sa Marzu 2013.
L-ispejjeż eliġibbli jinkludu investiment fix-xiri ta’ makkinarju, teknoloġija, apparat jew strumenti meħtieġa għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ xogħol kreattiv, spejjeż legali għat-tħejjija tad-dokumentazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà intellettwali, spejjeż marbuta mat-tħejjija ta’ pubblikazzjoni ta’ xogħol artistiku inkluż żvilupp u testing ta’ digital games, spejjeż ta’ produzzjoni u żvilupp ta’ xogħol awdjoviżiv u servizzi ta’ traduzzjoni ta’ xogħol kreattiv minn u lejn il-Malti. Kull tax credit mhux assorbit f’sena partikolari jista’ jitgawda s-sena ta’ wara. Spjegazzjoni fid-dettall tal-ispejjeż eliġibbli hija disponibbli fis-sit http://support.maltaenterprise.net/doc/TAX/create/create-guidelines.pdf
Barra minn hekk, min jinvesti f’żoni speċifiċi identifikati, li l-Gvern jixtieq jappoġġja r-riġinerazzjoni tagħhom u l-iżvilupp tagħhom f’żoni li jħaddnu l-industriji tal-kreattività, jistgħu jgawdu minn benefiċċji akbar. Dawn jinsabu l-Belt Valletta: Strada Stretta, iż-żona tal-Biċċerija; is-Suq, ir-Rabat Għawdex: Pjazza Savina, Triq Saver Cassar, Triq Santa Marija u l-Collacchio fil-Birgu.
Intrapriżi kreattivi li joperaw f’dawn il-postijiet huma eliġibbli jistgħu jinkludu fl-ispejjeż eliġibbli l-ispejjeż ta’ kiri/leasing fuq tagħmir, faċilitajiet u premises li jinsabu fi ħdan iż-żona meħtieġa għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ biċċa xogħol kreattiva; spejjeż marbuta mal-iżvilupp u refurbishing ta’ proprejtajiet f’din iż-żona biex jintużaw għall-produzzjoni ta’ xogħol kreattiv; spejjeż għall-kiri tal-premises (teatri u postijiet oħra) biex jintużaw għal avvenimenti kreattivi, bħal skambji interkulturali, workshops u esibizzjonijiet.
Aktar informazzjoni dwar din l-iskema hija disponibbli mill-Malta Enterprise.
Il-Ministru Tonio Fenech kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Medji u Artijiet Jason Azzopardi u ċ-Chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003