Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. STEPHEN SPITERI, ASSISTENT PARLAMENTARI MAL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-PASS IT ON SEMINAR – SAN ĠILJAN – IL-ĦAMIS, 18 TA’ NOVEMBRU 2010

pr2133
Date Icon 18/11/2010

Empowerment through Education, Training and Support

Sinjuri,

Hu pjaċir tiegħi li nagħmel id-diskors tal-ftuh ta’ dan  is-seminar importanti. L-importanza tiegħu hi għaliex jittratta l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilita`, li taqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja immexxi mill-Ministru Dolores Cristina li ma setgħetx tkun hawn illum għax tinsab imsiefra fuq xogħol tal-Gvern u li jien nagħmel parti minnu.

Il-Gvern ilu jħaddan u jimpilmenta politika inklussiva għal diversi snin. Dan jidher partikolarment fl-Att għal Opportunitajiet Indaqs tal-2000 u l-politika ta’ Edukazzjoni Inklussiva li kienet introdotta mill-Gvern 15 il-sena ilu. Nixtieq nieħu din l-opportunita` biex inġedded l-impenn tal-Gvern li nirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilita` u fil-fatt diġa’ qed inħejju l-emendi meħtieġa għal-liġijiet tal-pajjiż li se jkollna bżonn nagħmlu biex din il-Konvenzjoni tkun tista’ tidħol fis-seħħ f’pajjiżna.

1.   1. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hu wieħed mill-imsieħba fil-proġett Pass It On. Dan għandu l-iskop jiffaċilita l-impjieg ta’ Persuni b’Diżabilita` . Dan il-partnership  juri l-impenn tal-Ministeru li jagħti s-sehem dirett tiegħu biex jitjieb is-support u jitkattru l-opportunitajiet f’dan is-settur.

2.   2. Nemmnu li dan il-proġett se jkollu impatt fuq il- mod kif inħarsu u nittrattaw dan is-suġġett.

It-Tema tas-seminar “Empowerment through Education, Training and Support” tirrifletti r-realta` tas-sitwazzjoni  u d-direzzjoni  li l-Ministeru qed jagħti f’dan il-qasam.

Huma ħafna l-ostakoli li Persuni b’Diżabilita` jiffaċċjaw biex isibu mpjieg u jżommuh. Fost l-akbar, żgur li nsibu n-nuqqas ta’ preparazzjoni għall-ħajja independenti u n-nuqqas ta’ preparazzjoni vokazzjonali. Żgur li kulħadd jaqbel mal-ħtieġa li nkomplu nassiguraw li kull persuna jkollha l-opportunitajiet biex tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u li jkollha wkoll il-kompetenzi meħtieġa biex tkun kapaċi tidħol u tintegra fid-dinja tax-xogħol.

Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam edukattiv matul dawn l-aħħar snin kienet u se tibqa’ mmirata lejn Edukazzjoni għal-Kullħadd,  anke għal studenti  b’diżabilita`.

Mill-programm li tħejja għal dan is-seminar u mil-lista ta’ parteċipanti jidher li hawn rappreżentanza tajba tal-istakeholders f’dan is-settur. Dan is-seminar għandu jservi ta’ opportunita` tajba biex flimkien nagħtu ħarsa lejn is-sitwazzjoni  preżenti, naraw  fejn fejn ġejna u fejn għad irridu naħdmu aktar biex naslu.

Ippermettuli issa niffoka ftit fuq it-tema tas-seminar. Żgur li l-kelliema tal-lum se jagħtu rendikont tas-servizzi u opportunitajiet li qegħdin jipprovdu f’diversi setturi u se tisimgħu figuri ta’ kemm persuni qegħdin jibbenefikaw. Se nisimgħu ukoll dwar il-qafas legali fuq livell lokali, Ewropew u internazzjonali. Kif ukoll dwar inizjattivi li qed jittieħdu f’dan ir-rigward.

Importanti wkoll li nisimgħu fejn għad għandna vojt fis-sistemi tagħna u l-isforzi li qegħdin isiru biex nirrimedjaw u nippruvaw nimlew dan il-vojt.

Minn meta ntroduċejna l-politika ta’ Edukazzjoni Inklussiva fl-iskejjel tagħna saru sforzi kbar.  Nixtieq nesprimi s-sodisfazzjon u l-apprezzament tagħna lil kulmin ħadem biex naslu għas-sitwazzjoni tal-lum fejn 83 % tal-istudenti  li huma statemented bi ħtiġijiet edukattivi jattendu skejjel mainstream. Il-firxa wiesgħa ta’ servizzi professjonali ta’ support li ġew żviluppati u li qegħdin isostnu l-istudenti, l-għalliema u lill-ġenituri, hija impressjonanti.

Dan il-progress sar permezz ta’ investiment finanzjarju qawwi u ħidma bla waqfien u sagrifiċċji ta’ ħafna. Kullħadd għandu japprezza li minkejja problemi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum, għaliex inklużjoni hi sfida kontinwa u diffiċli, żgur li l-istudenti tagħna qed igawdu minn opportunitajiet aħjar biex jiżviluppaw l-abilitajiet tagħhom, qed jibbenifikaw mill-partiċipazzjoni sħiħa fil-ħajja ta l-iskejjel li jattendu.

Irrid insemmi hawn il-kontribut kbir li sistema edukattiva qed tagħti biex nibnu soċjeta inklussiva.

Is-sena l-oħra għamilna pass ieħor important ‘il quddiem. Bdejna r-riforma ta’ l-Iskejjel Speċjali kif kien rakkomandat fir-Rapport Spiteri. Dawn l-iskejjel qed jinbidlu f’Ċentri ta’ Riżorsi għall-edukazzjoni f’livelli differenti. Żgur li fid-diskors tiegħu aktar tard illum, is-Sur George Borg, Direttur tas-Servizzi għall-Istudent fid-Direttorat tal-Edukazzjoni, se jitkellem fid-dettal dwar din ir-riforma.

Nixtieq biss li nagħmel aċċenn  fuq:

1.      1. Il-fatt li studenti f’dawn iċ-Ċentri ta’ Riżorsa issa se jkollhom l-opportunita’ li bħal tfal fi skejjel oħra jibbenifikaw mit-tranżizzjoni minn livell edukattiv għall-ieħor.

2.      2. Li r-riforma se tkompli ssaħħaħ is-sistema inklussiva għaliex l-istudenti kollha, sew dawk li jattendu skejjel mainsream kif ukoll dawk li jattendu ċ-Ċentri ta’ Riżorsa jistgħu jibbenefikaw aħjar mill-faċilitajiet u s-servizzi speċjalizzati li jeżistu f’dawn iċ-ċentri.

3.      3. Iċ-Ċentri ta’ Riżorsa ġew integrati fis-sistema tal-Kulleġġi u b’hekk mhux se jibqgħu aktar fil-periferija.

4.      4. Studenti b’diżabilita` intelletwali li jkunu lestew l-iskola obbligatorja u li ma jkunux jistgħu jkomplu jistudjaw fi skejjel jew istituzzjonijiet post sekondarji, issa għandhom l-opportunita biex fiċ-Ċentru tal-Wardija jattendu programm ġdid li tfassal biex jgħinhom jippreparaw ruħhom għall-ħajja indipendenti bħala adulti. Il-programm jinkludi wkoll preparazzjoni vokazzjonali.

Nixtieq nawgura suċċess lill-għalliema, Learning Support Assistants u l-amministraturi ta’ dawn iċ-ċentri ġodda u nwiegħed  l-appoġġ tagħna biex din l-isfida tintrebaħ ukoll.

Nieħu gost ukoll nosserva l-impenn ta’ l-Universita` u l-MCAST biex jiffaċilitaw l-inklużjoni. In-numru ta’ student b’diżabilita li qegħdin ikomplu l-istudji f’dawn l-istituzzjonijiet qed dejjem jikber. Għat-tieni sena konsekuttiva n-numru ta’ studenti li ssieħbu fil-kors Pathway tal-MCAST  reġa’ żdied. It-titjib fil-kontenut u l-faċilitajiet  huma wkoll inkoraġġanti. L-opportunitatijiet ta’ taħriġ permezz ta’ Work Exposure Sessions f’diversi ażjendi żgur li se jkunu effetivi biex dawn iż-żgħażagħ ikunu preparati aħjar għax-xogħol.  Jidher ukoll li l-prospetti  għal studenti li lestew il-kors, biex jidħlu f’korsijiet mainstream jew  jibdew jaħdmu huma sbieħ ukoll.

Is-sehem li kontinwament tagħti l-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita` biex tkun faċilitata l-inklużjoni f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet  hu apprezzat ħafna minn kullħadd. Xieraq li nsemmi wkoll l-inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni permezz tat-twaqqif tal-KK16+ Working Group. Dan qed jgħin biex jkun hemm koordinament aħjar bejn kull min jipprovdi xi forma ta’ servizz lil żgħażagħ b’diżabilita` wara li jkunu għalqu 16 il-sena.

Hemm bżonn li dawn l-isforzi kollha biex ħloqna sistema edukattiva inklussiva u biex nassiguraw li studenti b’diżabilita’ jkollhom opportunitajiet xierqa ta’ preparazzjoni vokazzjonali jissarrfu fi kwalita ta’ ħajja aħjar meta dawn jikbru u jsiru adulti.

L-impieg ta’ persuni b’diżabilita’ mhux faċli. Diġa’ aċċennajt għal ħafna ostakli li jkunu jridu jiġu megħluba. Aħna konxji mill-isforzi li qegħdin issiru mill-ETC, aġenziji u NGOs u se jkollna ċans nisimgħu aktar dwar dan għada. Nafu li l-isfidi li rridu niffaċċjaw f’dan is-settur qed kontinwament jikbru u se jkomplu jikbru aktar u aktar ma jikber in-numru ta’ persuni b-diżabilita` li jaspiraw li jsibu mpjieg u jżommuh. Konxji mill-fatt li vacancies li joffri l-labour market għal dawn il-persuni hu limitati, partikolarment għal dawk b’diżabilita intelletwali. Ħafna bibien jidhru magħluqa.

Iżda nemmnu wkoll, u ħafna minnkom hawn preżenti, jekk mhux kollha, temmnu wkoll li minkejja l-ostakoli kollha, minkejja l-limitazzjonijiet li jista jkun hemm, persuni b’diżabilita` kapaċi jaħdmu u għandhom dritt li jaħdmu.

Sa ftit snin ilu, ftit kienu dawk li kienu jemmnu li l-maġġoranza kbira ta’ studenti b’diżabilita` jistgħu jkunu nklużi fl-iskejjel. Imma dan seħħ u nistgħu narawh b’għajnejna.  Seħħ għaliex ipprovdejna l-appoġġ meħtieġ. Seħħ għaliex fhimna li rridu nbiddlu u ninbidlu biex ninkludu lil dawn l-istudenti fl-iskejjel tagħna.

L-istess hemm bżonn li jsir biex ikollna ħafna aktar postijiet tax-xogħol inklussivi.

Hemm bżonn nibdlu u ninbidlu. Hemm bżonn ta’ mod u ħsieb ġdid biex infasslu u nimplimentaw sistemi ġodda ta’ appoġġ għall-impjieg. Għandna bżonn ninkoraġġixxu inizjattivi innovattivi f’dan il-kamp.

Nieħdu gost nisimgħu bl-isforzi li qed isiru mill-KNPD flimkien mal-ETC biex jikber l-ingaġġ ta’ persuni b’diżabilita` maċ-Ċivil u ażjendi kbar oħra. Iżda fadlilna ħafna aktar x’nagħmlu, partikolarment għal persuni li għandhom bżonn ta’ support kontinwu biex jirnexxielhom ikampaw f’open employment settings.

Id-direzzjoni li qed jagħti l-Ministeru tagħna f’dan ir-rigward hi immirata lejn tlett obbjettivi.

1.      1. Żieda fl-impjiegi f’open employment għal persuni bi ħtiġijiet ta’ support

limitat biex isibu mpjieg u jżommuh. Din iż-żieda tista’ tinkiseb permezz ta’ tisħiħ u titjib fil-kwalita’ ta’ servizzi provduti fil-preżent.

2.      2. Ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għal gruppi żgħar ta’ ħaddiema i.e. enclaves.  Dan jista’ jsir permezz ta’ job creation ventures. Nemmnu li ċ-Ċivil, Aġenziji tal-Gvern , Kunsilli Lokali u ażjendi kbar jistgħu joffru opportunitajiet tajba biex  dan il-mudell ta’ xogħol jikber f’pajjiżna. L-enclaves għandhom il-vantaġġ li l-ħaddiema fil-grupp jkunu jistgħu jinagħtaw appoġġ kontinwu mill-leader tal-grupp, waqt li jkunu jaħdmu f’open employment settings.

3.      3. Ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ sheltered employment għal persuni bi ħtiġijiet severi u li għalihom l-open employment mhux possibbli. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jkunu jiffurmaw parti integrali mis-servizz ta’ Day Centres u jikkomplimentaw l-isforzi li qed isiru mill-Aġenzija Sapport biex tittrasforma dan is-servizz f’wieħed li jkun community based.

Dawn it-tlett obbjettivi jistgħu jintlaħqu kemm il-darba nkunu lesti li nidħlu għalihom bis-serjeta’. Nemmnu li hawn minn lest jagħmel dan.

Fost il-parteċipanti f’dan is-seminar hawn rappreżentanti ta’ Min Iħaddem.

L-employers huma stakeholders important. Naħseb li anke fil-mod kif inħarsu u nitkellmu ma’ Min Iħaddem hemm bżonn direzzjoni ġdida. Hemm bżonn nersqu aktar lejn xulxin u nifhmu aħjar lil xulxin. Inkunu żbaljati jekk naħsbu li soluzzjoni tista` tkun faċli jekk l-employers jiftħu l-bibien kull meta nħabbtulhom. Jekk kullħadd iżomm quddiem għajnejh li l-iskop ewlieni tal-ħidma tagħna hu li noħolqu soċjeta inklussiva u li kull stakeholder għandu sehem importanti x’jagħti, hemm ċans li titjieb aktar il-kollaborazzjoni bejn min iħaddem u min ifittex opportunitajiet ta’ placements għal persuni b’diżabilita.

Tajjeb li l-programm ta’ dan is-seminar jagħti spazju wkoll lil persuni nfushom u xi NGOs biex iwasslu l-perspettiva tagħhom. Importanti li nisimgħu x’għandom x’jgħidulna.

Nixtieq nagħmel kumment qasir dwar il-proġett Pass It On. Il-proġett jaħseb biex jiffaċilita aktar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilita` billi jferrex trainingmaterials li huma prodotti ta’ proġetti li saru qabel. Ta’ min inħarsu ħarsa sew lejn dawn il-prodotti biex naraw jekk nistgħux nibdew nagħmlu użu minnhom jew partijiet minnhom biex inkomplu ntejbu l-kwalita tas-servizzi li nipprovdu.

L-akbar opportunita li qed joffri il-proġett Pass It On permezz ta’ dan is-seminar hi li nkabbru l-kollaborazzjoni bejn l-istakeholders li huma miġburin flimkien hawn. Is-seminar se jgħin biex nifhmu aħjar x’qed nagħmlu aħna lkoll, fejn wasalna u fejn għad irridu naslu. Ejjew naraw kif nistgħu naħdmu aktar qrib xulxin u kif nistghu naqsmu bejnietna l-expertise li ġemmajna matul is-snin u r-riżorsi li żviluppajna.

Il-preżenza fostna ta’ numru ta’ esperti jew diriġenti ta’ organizazzjoniet barranin involuti f’dan il-qasam tista’ tkun sfruttata wkoll.

Nieħu din l-opportunita` biex nagħtihom merħba, nawguralhom li s-soġġorn tagħhom f’Malta jkun pjaċevoli u  nixtieqilhom suċċess fil-ħidma tagħhom. Ejjew nesploraw magħhom il-possibilta’ ta’ kollaborazzjoni fuq livell Ewropew. Żgur li fil-preżentazzjonijiet tagħhom se nidentifikaw prattiċi tajba li nistgħu nesploraw. Tajjeb li nisimgħu wkoll l-osservazzjonijiet li jistgħu jagħmlulna fuq is-sistemi u l-operat tagħna. Importanti naraw kif jidher minn barra dak li qed nagħmlu aħna.

Nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi nirringrazzja bil-qalb lill kull min jaħdem fis-setturi differenti rappreżentati hawn. Żgur li ma kienx għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom ma konniex naslu biex nipprovdu l-firxa wiesgħa ta’ servizzi lill-persuni b’diżabilita`.

Nixtieqilkom li dan is-seminar ikun suċċess.

Fil bidu għidt li nemmnu li dan is-seminar se jħalli impatt. J’Alla din l-inizjattiva sservi biex jingħata bidu għal sforz kollettiv li jwassal għal żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilita’ fid-dinja tax-xogħol.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow