Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. PETER MICALLEF, ASSISTENT PARLAMENTARI MAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-EUROPEAN ANTIBIOTICS AWARENESS DAY - SPTAR MATER DEI, MSIDA – IL-ĦAMIS 18 TA’ NOVEMBRU 2010

pr2131
Date Icon 18/11/2010

Huwa ta’ pjaċir għalija li niġi hawnhekk illum f’din il-ġurnata iddedikata għall-użu aħjar tal-antibiotiċi ġewwa l-Ewropa, sabiex nagħti s-sapport għal din l-inizjattiva tal-Isptar Mater Dei sabiex jitkattar użu aħjar ta’ dawn il-mediċini daqstant importanti.

Għidna kemm-il darba li, bħal ħafna pajjiżi oħra speċjalment dawk fil-Mediterran, Malta għandha sfida fejn għandu x’jaqsam infezzjonijiet ikkawżati minn mikrobi li saru reżistenti għal dawn l-istess antibiotiċi. Ilna nisimgħu għal ħafna snin fuq l-MRSA, iżda mhuwiex biss dan il-mikrobu li huwa ta’ inkwiet. Ftit tax-xhur ilu smajna bil-mikrobu NDM li nstab f’diversi pajjiżi Ewropej assoċjat ma’ persuni li ftit qabel ma daħlu l-isptar kienu vvjaġġaw lejn l-Indja u pajjiżi ġirien fil-kontinent Ażjatiku.

Huwa importanti li ngħidu li qegħda issir sorveljanza kontinwa sabiex jekk jidħol każ simili ġewwa pajjiżna, dan jinqabad mill-ewwel u jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex nevitaw li dan il-mikrobu jinxtered għal pazjenti oħrajn. Madanakollu huwa essenzjali li nifhmu li mikrobi reżistenti mhux biss jistgħu jiġu importati minħabba l-ivvjaġġar globali iżda jistgħu jitkattru f’dak il-pajjiż stess.

L-iktar fattur importanti li jġiegħel mikrobi li qabel kienu jinqatlu bl-antibijotiċi sabiex isiru reżistenti huwa fil-fatt l-użu żbaljat jew eċċesiv tal-antibijotiċi. Mhux b’kumbinazzjoni li pajjiżi Ewropej bħal dawk Skandinavi li għal snin twal kellhom kultura li jużaw mill-inqas l-antibijotiċi u meta jkun hemm bżonnhom jippreskrivu antibijotiċi ta’ firxa ristretta, huma dawk il-pajjiżi fl-Ewropa li l-anqas għandhom problema bir-reżistenza.

Hu għalhekk ta’ pjaċir kbir għalija li nara li l-Isptar Mater Dei din is-sena qed jorganiżża kampanja sabiex tkompli tiżgura li dawn l-antibijotiċi jintużaw  bl-iktar mod prudenti u skont l-evidenza internazzjonali ta’ meta u kif għandhom jingħataw. Fil-fatt diġà f’dan iż-żmien qasir jidher li din il-kampanja qegħda taħdem għall-benefiċċju tal-isptar, tal-professjoni medika u fuq kollox tal-pazjenti.

Kif kelli l-opportunità ngħid xi ġimgħat ilu, din l-istess kampanja qegħda tiffoka wkoll fuq l-iġene tal-idejn li hija t-tieni pilastru għall-prevenzjoni ta’ infezjonijiet minn mikrobi reżistenti bħall-MRSA. Hawnhekk ukoll ta’ min ifaħħar lill-amministrazzjoni ta’ l-isptar u fuq kollox il-professjonijiet mediċi kollha għaliex f’dan iż-żmien qasir l-iġene tal-idejn żdiedet b’ħames darbiet dik li kienet fis-sena li għaddiet.

Fl-aħħarnett huwa importanti li nifhmu li mikrobi reżistenti ma jiġrux biss ġewwa l-isptarijiet iżda ssibhom ukoll fil-komunità u jistgħu jiddaħħlu ġewwa l-isptar meta pażjent jiġi ammess. Anki hawnhekk huwa ta’ pjaċir li naraw li problema li kienet ta’ uġigħ ta’ ras għal diversi snin - jiġifieri li n-nies jingħataw antibiotiċi mingħajr riċetta tat-tabib - naqset konsiderevolment wara l-kampanji li saru mill-Kumitat Nazzjonali dwar l-Antibiotiċi. Din il-konferma tiġi minn studju Ewropew li sar mil-‘Eurobarometer’ fejn wera li dawn il-każijiet f’Malta naqsu għal inqas minn ħamsa fil-mija (5%). Dan meta l-istess ċifra għaxar snin ilu kienet ta’ kwazi għoxrin fil-mija (20%).

Madanakollu għad fadal x’jitranġa fosthom l-użu ħażin tal-antibiotiċi għall-irjiħat u l-influwenza. Dan isir biss jekk ma ssirx pressjoni fuq it-tobba  biex jagħtu antibijotiċi għal dawn il-kundizzjonijiet u fl-istess ħin l-istess tobba joqogħdu attenti biex jippreskrivu dawn il-mediċini biss meta hemm lok għalihom.

Nixtieq nikkonkludi billi għal darb’oħra nifraħ lil dawk kollha li qed jieħdu dawn l-inizjattivi essenzjali u nkompli nħeġġeġ kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-poplu in ġenerali sabiex l-antibiotiċi nużawhom bil-galbu ħalli nkomplu nsibuhom meta jkollna bżonnhom.

Grazzi

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow