Left arrow Mur Lura

Rapport mill-Awditur Ġenerali Annwali dwar il-Fondi Pubbliċi għas-sena 2009

pr2129
Date Icon 17/11/2010

Illum, is-17 ta’ Novembru 2010, l-Awditur Ġenerali ppreżenta r-Rapport Annwali ta’ Verifika tal-Fondi Pubbliċi għas-sena 2009 lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rapprezentanti.  L-osservazzjonijiet prinċipali huma rrapportati hawn isfel.

Wara eżami tar-Rapport Finanzjarju tal-Gvern għas-sena li għalqet nhar il-31 ta’ Diċembru 2009, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verika (NAO) innota li:

o    għalkemm numru ta’ Kontijiet tal-Qorti u Depożiti oħra ngħalqu matul is-sena, ħafna oħrajn, li jammontaw għal €1,970,808, ma esperjenzawx ebda tibdil għal tlett snin konsekuttivi;

o    il-pagament minn qabel ta’ bejn wieħed u ieħor €25.3 miljuni ħareġ, għall-fini ta’ kontabilita’, għall-14th Social Security Benefits, li kienu dovuti fis-sena 2009;

o    bilanċi tal-Cash Book u l-Bank Ċentrali, kif imniżżla fir-Rapport Finanzjarju 2009,  għadhom ma jaqblux mal-figuri korrispondenti fir-rendikont ta’ tqabbil mal-Bank ta’ Diċembru 2009; u

o    Ittri ta’ rassigurazzjoni u Garanziji Bankarji ammontaw għal €893 miljuni (kontra €774 miljuni fis-sena 2008). 

Numru ta’ Ministeri u Dipartimenti naqsu milli jibagħtu lid-Dipartiment tat-Teżor il-Prospetti t’Arretrati ta’ Dħul Annwali tagħhom għas-sena 2009, jew dawn kienu nieqsa minn rendikont dettaljat taċ-ċifri mniżżla.

Verifika ta’ Infieq fid-Dipartiment tal-Informazzjoni żvelat nuqqasijiet b’rabta ma’  somom ta’ flus dovuti lill-Public Broadcasting Services Ltd. li kienu ilhom pendenti ħafna.

Dawn il-punti, li qanqlu tħassib, ġew innotati fir-rapporti ta’ verifika u fl-ittri relatati bil-kummenti tal-awdituri, li ġew sottomessi mill-Awdituri tal-Gvern Lokali (LGA) għall-Kunsilli Lokali kollha:

o    Sal-aħħar ta’ Settembru 2010, id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji vverifikati ta’ erbgħa minn tmienja u sittin Kunsill Lokali ma ġewx sottomessi lill-NAO meta suppost li dawn waslu għand dan l-Uffiċċju sat-30 ta’ Marzu 2010.

o    L-Awdituri għall-Gvern Lokali ma setgħux jesprimu opinjoni dwar il-Kontijiet Finanzjarji kif ippreżentati minn wieħed mill-Kunsilli Lokali minħabba d-diversi nuqqasijiet li nstabu.

o    Tlieta u erbgħin Rapport ta’ Verifika oħra kienu kkwalifati b’opinjoni tal-awdituri li   tgħid ‘ħlief għal ‘’.

Parti sostanzjali tal-baġit tad-Dipartiment tat-Turiżmu għas-sena 2009 intużat biex minnha tħallsu kontijiet pendenti antiki li saħansitra kienu għaddew minn sena għall-oħra. Kif ukoll, waqt verifika fuq l-infieq li saret f’dan id-Dipartment, ġew innotati nuqqasijiet f’dak li huma proċess t’akkwist ta’ servizzi.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin mhux dejjem żamm mar-regoli u struzzjonijiet permanenti.  Ingħataw, bla ma kien hemm bżonn, flus bil-quddiem għas-safar,  waqt li ż-żidiet mal-paga għal spejjeż ta’ vvjaġġar f’xi drabi kienu kkalkulati ħażin.  Ġew innotati nuqqasijiet oħra f’dik li hi approvazzjoni ta’ infieq għall-ospitalita’ u għal servizzi ta’ karozzi bix-xufier.  Hemm bżonn titjieb konsiderevoli, fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’dawk li huma kontrolli nterni fuq l-infieq li jagħmlu l-Ambaxxati Maltin.  Skrivani fl-Uffiċċju Ewlieni, li jipproċessaw il-kontijiet spiss kienu joqogħdu fuq l-informazzjoni kif irrapurtata mill-Missjonijiet rispettivi, bi ftit skrutinju jew b’nuqqas t’iċċekkjar ta’ dokumenti li jikkorroboraw, jew mingħajr ma kellhom informazzjoni oħra li tissapportja.

Studenti Għawdxin jingħataw għajnuna finanzjarja għall-akkomodazzjoni u vjaġġar tagħhom. Iżda kien hemm nuqqas t’evidenza biex isostni t-talbiet ta’ dawn l-istudenti.  Minħabba kontrolli interni insuffiċjenti tal-amministrazzjoni tas-sistema, ma setax jiġi żgurat li l-istudenti eleġibbli biss kienu qed jirċievu dan is-sussidju.  Barra dan, l-għotjiet tal-assistenza finanzjarja ma kinux issapportjati b’awtorizzazzjoni kif suppost.

Talbiet għall-għajnuna finanzjarja, biex tagħmel tajjeb għall-ivvjaġġar, mogħtija lill-impjegati Għawdxin tal-Gvern li jaħdmu Malta, mhux dejjem kienu appoġġjati b’evidenza adekwata.  Ħafna mid-dikjarazzjonijiet  kienu esaġerati, uħud minnhom b’mod sostanzjali.  Il-kriterji biex persuna tkun eleġibbli u tikkwalifika għal din l-għajnuna ma kinux definibbli kif suppost. 

Il-maġġoranza wiesa’ tal-pagamenti totali, iċċarġjati lill-kont tas-Sussidju tal-Iskema tad-Djar taħt il-Ministeru għall-Għawdex, kopriet spejjeż mhux relatati mal-aħħar xogħlijiet li saru fiċ-Ċentru ġdid ta’ Taħriġ għall-Adulti (ATC) fil-Vittorja, liema propjeta’ lanqas biss ma hija tal-Gvern Ċentrali iżda tinsab fil-pussess tal-Awtorita’ tad-Djar.

Id-Direttorat tal-Implimentazzjoni tal-Programm fi ħdan il-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjonijiet kien responsabbli mill-immaniġġar u l-ipproċessar tal-pagamenti kollha relatati ma’ proġett infrastrurali kbir - il-kostruzzjoni tal-Impjant tat-Trattamenttad-Dranaġġfin-nofsinhar ta' Malta,li hu mistenni jkun ko-finanzjat mill-Fondta' Koeżjoni 2007-2013 tal-Unjoni Ewropea. Waqt il-proċess ta’ verifikazzjoni, l-NAO innota li hemm fejn isir titjieb fil-proċedura tal-awtorizzazzjoni tal-Commitment Vouchers.Fuq numru minn dawn ma nstabux l-approvazzjonijiet neċessarji.

Il-Malta Hearses Association iffirmat ftehim mal-Gvern u l-Awtorita’ għat-Trasport li permezz tiegħu l-Gvern aċċetta li jħallas is-somma ta’ €230,000 bħala sostenn għal din l-Assoċjazzjoni.  Dan biex din tkun tiflaħ tilqa’ għall-isfidi li l-liberalizzazzjoni tas-settur tal-ġarr tal-Mejtin bil-karozzi se ġġib magħha.  Meta ħarġu l-konċessjonijiet, kien meħtieġ li erba’ darbiet f’sena l-Assoċjazzjoni tissottometti l-kontijiet tagħha lill-Awtorita’ u telenka fid-dettal kif dawn il-fondi qed jiġu utilizzati.  L-NAO, permezz tal-Awtorita’ għat-Trasport, talab kopja tal-kontijiet biex ikun jista’ jwettaq verifika finanzjarja u t’osservanza. Iżda, l-Assoċjazzjoni ma osservatx l-istruzzjonijiet li kienet ingħatat u għalhekk ma setgħetx issir l-ebda verifika. 

Kien hemm nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar tibdil fl-aħħar ħinijiet li kien hemm fil-ibbukkjar tar-reklamar. Kellu jsir xogħol ta’ verifika fil-Public Broadcasting Services Ltd. immiratbiex jiżgura li d-dħul iġġenerat mir-reklamar waqtil-Malta Eurosong u Eurovision Song Contest kien reġistrat kif suppost u pproċessat skont ir-rati u linji gwidi  approvati tal-kumpanija.  Iżda bin-nuqqas imsemmi dan ix-xogħol ta’ verifika ġie llimitat.

L-NAO għamel verifika finanzjarja tal-Kontijiet Finanzjarji, għall-perjodu 2006-2008, ippreżentati lilu mill-Bord tal-Koperattivi. Ġew innotati diversi ineżattezzi ta’ kontabilita’ fosthom li fil-Kontijiet Finanzjarji ma kienx hemm imdaħħal kont bankarju.

Sar eżerċizzju ta’ verifika, permezz tal-Informazzjoni Teknoloġika (IT), fid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali fi ħdan dak li kien il-Ministeru tal-Politika Soċjali, li identifikat nuqqasijiet relatati ma’ Sigurta’ fl-IT, fosthom nuqqas ta’ studju tar-riskju u ta’ Disaster Recovery Policy.

Matul is-sena 2008, twaqqaf Task Force, ippresedut mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, bil-għan li jkompli jaħdem fuq soluzzjonijiet, li kienu mfassla speċifikament għal kumpaniji lokali li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi finanzjarji kawżati mill-kriżi ekonomika internazzjonali.  Dan wassal għal bidu ta’ skema ta’ għajnuna finanzjarja, li minnha bbenifikaw ħdax-il kumpanija matul is-sena 2009.  Wara li stħarreġ fuq l-Għajnuna Finanzjarja Governattiva, li kienet amministrata mill-Malta Enterprise, l-NAO identifika numru ta’ kwistjonijiet ta’ kontroll li kien hemm bżonn jiġu ndirizzati. 

Waqt eżami tas-Sistema Elettronika tar-Rendikont tat-Tqabbil tal-Bank (BRS) l-NAO sab li (i) ir-raġunijiet wara d-differenzi bejn il-bilanċi, kif irrapurtati fil-BRS u l-figuri korrispondenti, kif irrapurtati fir-Rapport Finanzjarju tal-Gvern, mhumiex ċari; (ii) hemm lok għal titjieb fil-mod kif qed jiġu trattati u dokumentati żbalji fid-data meta din tkun qed tiġi validata; (iii) mhux qed tiġi nforzata bis-sħiħ is-segregazzjoni tad-dmirijiet, bħall-aċċess biex taġġorna u ‘tikteb’ fid-database u (iv) software, li jippermetti li bih issir verifikazzjoni awtomatizzata tri-party tat-tranżazzjonijiet qatt ma ġie mplimentat mit-Teżor, għalkemm ilu li ġie żviluppat sitt snin. Minn din l-istess verifika, iżda ġie nnotat ukoll l-iżvilupp u progress irrapportat mit-Teżor.

L-iskop tal-verifika t’osservanza fil-Prospetti tal-Arretrati ta’ Dħul tad-Diviżjoni tat-Taxxi Nterni kien limitat.  Dan ġara għax ħmistax minn total ta’ 115-il fajl tat-taxpayer, relatati mas-sistema ta’ qabel is-sena 1999, ma kinux disponibbli biex seta’ jsir iċċekkjar tagħhom.  Barra dan, numru t’approvazzjonijiet biex ikun hemm kanċellazjonijiet fis-sistema ta’ qabel is-sena 1999, kif irrapportati fir-Rendikont t’Arretrati, ma ġewx provduti għall-eżaminazzjoni.  Analiżi tal-proċess ta’ implimentazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-taxpayer fl-Exemption Order Scheme, imnedija mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment nhar l-4 ta’ Settembru 2009, żvelat li ammonti preskritti ma kinux esklużi qabel intbagħtu Ittri ta’ Notifika/Ftehim fl-istadji inizjali tal-Iskema. Ġie nnotat wkoll li nofs biss tal-ħlasijiet parzjali mitluba, relatati mal-ftehim bejn taxpayers u d-Diviżjoni, kienu sottomessi mit-taxpayers sad-data li fihom kellhom jagħmlu dan.

Minn reviżjoni tal-ammonti rrapportati taħt “Arretrati Antiki Mħassra” u “Ammonti Mhux Dovuti/Dovuti” kif irrappurtati fil-Prospett tal-Arretrati ta’ Dħul għas-sena 2009 tad-Diviżjoni tal-VAT, irriżulta li numru t’aġġustamenti inter-dipartmentali bi żball ġew ikklassifikati fil-Prospett bħala mħassra. 

Id-Diviżjoni tal-Kummerċ hija responsabbli mill-amministrazzjoni tal-għajnuna statali relatata mas-Sussidju tal-Ikel.  Din tikkonsisti minn sussidji  fuq it-taxxa tal-importazzjoni ta’ zokkor u fuq l-ispejjeż għall-ġarr tad-dqiq bejn Malta u Għawdex. Verifika finanzjarja u t’osservanza, li saret biex taċċerta jekk kontrolli interni robusti kinux f’posthom, u fl-istess ħin tara jekk is-sussidji kinux imħallsa kif suppost, żvelat (i) li l-ebda rikonoxximent ta’ irċevuti ma kien qed jingħata għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna statali għas-sussidju taz-zokkor; (ii) inkonsistenza fit-tipi ta’ ħabb tad-dqiq eliġibbli għas-sussidju tal-Gvern; (iii) li s-sors tar-rata ta’ sussidju tad-dqiq u l-kalkulazzjoni tal-garanzija bankarja fuq is-sussidju tad-dqiq ma kinux disponibbli; (iv) li formoli u dokumenti ta’ sostenn ma kinux sottomessi kif suppost mill-applikanti għall-għajnuna statatli fuq iz-zokkor; u (v) formoli għar-rifużjoni, f’dik li hi għajnuna statali għall-ġarr tad-dqiq, ma kinux kompluti.

Verifika tal-infieq, li saret fid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, żvelat numru ta’ nuqqasijiet relatati ma’ estensjoni mhux awtorizzata ta’ kuntratt għall-kiri ta’ karozzi; u telefonati għall-mobajl li saru minn linji fissi tat-telefon imbarrati

Verifika ta’ stħarriġ fuq l-akkwist u l-użu ta’ karozzi Fully-Expensed fi ħdan is-Servizz Pubbliku żvelat numru ta’ nuqqasijiet, li kienu (i) konvenuti naqsu li jipprovdu informazzjoni  dwar il-prezz bl-imnut, il-prezz tax-xiri u l-kapaċita’ tal-magna tal-karozzi fully-expensed; (ii) il-limitu maqbuż tal-konsum tal-fjuwil; (iii) nuqqas ta’ użu tas-Sistema kompjuterizzata t’immaniġġar  fuq il-għadd ta’ karozza; (iv) konvenuti li naqsu li jissottomettu informazzjoni suffiċjenti dwar il-parti l-kbira ta’ karozzi fully-expensed li nbiegħu lill-uffiċjali li rtiraw, u b’hekk fixklu lill-NAO milli jivverifika l-kalkulazzjoni tal-prezz tal-bejgħ; (v) approvazzjonijiet meħtieġa għal tlettax-il karozza mikrija ma kinux ipprovduti mill-konvenuti; u (vi) defiċjenzi nnotati fil-mod kif il-Ministeri u d-Dipartimenti jikkalkulaw il-perkaċċi taxxabli.  

Il-verifika fuqEmolumenti Personali fis-Servizzi Korrettivi żvelat (i) limitazzjonijiet fir-rigward l-użu ta’ punch clock; (ii) inkonsistenzi fis-siegħat ta’ sahra rreġistrati u mħallsa lill-Uffiċjali Korrettivi; (iii) nuqqas ta’ kontroll fuq is-siegħat ta’ xogħol u sahra tal-Uffiċjali Ċivili: u (iv) nuqqas ta’ segregazzjoni suffiċjenti tad-dmirijiet minħabba nuqqas ta’ staff. 

Segwitu ta’ verifika fuq l-effettivita’ li sar fuq l-assenjar ta’ staff tas-sigurta’ fuq is-sit tal-Isptar San Luqa, fittex li jsegwi kwistjonijiet li kienu diġa qanqlu tħassib. Dawn kienu ġew identifikati fir-Rapport ta’ Mejju 2009 dwar Inkjesta fuq Ordnijiet Diretti  u Kuntratti (barra) fl-Isptar Mater Dei: Klerikali/Reception, Sigurta’, Servizzi t’Immaniġġar tal-Ipparkjar u Traffiku, jiġifieri: il-livelli eċċessivi ta’ staff li ġie assenjat; ammont konsiderevoli ta’ Time-Off in Lieu akkumulat; u utilizzazzjoni aħjar tal-apparat teknoloġiku.  L-istudju wera li ħafna minn dawn il-punti nkwetanti mqajma għadhom jippersistu sallum.

Verifika fuq l-effettiva’ mwettqa fuq l-assenjament ta’ staff mill-Industrial Projects and Services Ltd. (IPSL) ikkontenda li din l-organizazzjoni serviet bħala mezz biex tnaqqas l-impatt soċjali u ekonomiku kawża t’eżerċizzji t’irristrutturar  fi ħdan l-entitajiet Governattivi.  Iżda huwa fatt magħruf li s-Settur Pubbliku jista’ ma jkollux bżonn tal-ħiliet u snajja Ii għandhom il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tal-IPSL.  Hemm fejn l-IPSL tista’ taħdem fuq programm ta’ żvilupp tar-riżorsi umani tagħha bil-għan li bis-saħħa t’hekk impjegati ta’ dil-kumpanija ‘l quddiem jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ t’ opportunitajiet ġodda fis-suq kollu tax-xogħol.

Waqt eżami tal-proċeduri u operazzjonijiet relatati mal-Iskema ta’ Xogħol ta’ Riabilitazzjoni fl-Isptar Monte Karmeli (MCH) ġie nnotat li (i) l-qliegħ ta’ xi wħud mill-benefiċċjarji preżenti qabeż l-Paga Minima Nazzjonali, li l-livell tagħha kien stabbilit mill-istess Sptar Monte Karmeli; (ii) ma kienx hemm definizzjonijiet u divrenzji, biex jintużaw bħala punt ta’ referenza; u (iii) l-għadd ta’ pazjenti li jidħlu f’din l-Iskema kien qed jiġi determinat permezz ta’ formola ta’ referenza sottomessa u endorsjata minn konsulent psikjatra.

Minn għada, it-18 ta’ Novembru 2010, ir-rapport sħiħ se jkun qed jidher fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-NAO: http://www.nao.gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

Aktar Stqarrijiet Right arrow