HANDBOOK LI JGĦIN LILL-INTRAPRIŻA MICRO
“Kull għajnuna lill-qasam tan-negozji żgħar tagħna, speċjalment dawk ta’ daqs micro hija milqugħa b’sodisfazzjon mill-Gvern għax tixhed soċjetà ċivili proattiva u li tagħraf l-eżiġenzi taż-żminijiet.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi hekk kif illum ġie ippreżentat b’kopja ta’ pubblikazzjoni ġdida tal-Malta Employers Association (MEA) li tgħin lis-settur micro jirregola ruħu għar-realtajiet leġiżlattivi tal-lum.
Jason Azzopardi qal li f’dinja fejn is-swieq huma dejjem iżjed kompetittivi, kull għajnuna lill-operaturi micro tagħna, tingħaqad f’xibka ta’ sostenn għal dan is-settur ċentrali għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari nnota li l-Gvern jagħti attenzjoni sħiħa ‘l dan il-qasam, għax tassew jemmen li jekk jimraħ hu, miegħu timraħ l-ekonomija. Din l-attenzjoni, il-Gvern isostniha permezz ta’ għajnuna konkreta permezz ta’ skemi u inizjattivi li jħaddem permezz tal-aġenziji tiegħu, kif ukoll b’fondi tal-Unjoni Ewropea.
Jason Azzopardi faħħar din l-inizjattiva tal-MEA, għax tagħmilha iżjed faċli għal min iħaddem li jaqdi l-obbligi legali tiegħu, anke fid-dawl tal-fatt li Malta llum hija parti mill-Unjoni Ewropea, fatt li jpoġġi numru ta’ responsabbilitajiet fuq l-intrapriża micro tagħna.
Din il-pubblikazzjoni hija parti minn proġett li nediet l-MEA f’Mejju ta’ din is-sena u li huwa kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF). F’din il-pubblikazzjoni min iħaddem isib informazzjoni dettaljata u varjata dwar ir-riżorsa umana, u l-leġiżlazzjoni ta’ employment. Fiha ukoll informazzjoni oħra utli, bħal specimen contract of employment, skemi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u lokali li huma mmirati għall-microSMEs, kif ukoll issues ta’ health and safety.
Dan il-handbook se jitqassam lil madwar 6,000 intrapriża micro.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003