Il-Festival ta’ Malta tat-Tfal jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal
Nhar il-Ħadd li ġej, il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali se jkun ta’ attrazzjoni akbar għax fih se jkun qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tat-Tfal bħala parti mill-Festival ta’ Malta tat-Tfal, attività li hi mifruxa fuq xahar sħiħ u li hi organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Id-dħul se jkun mingħajr ħlas.
Mużika, drama, żfin, arti, snajja’, parati, spettakli, animazzjoni interattiva, diskussjonijiet, kampanja ta’ għarfien, sorpriżi, u ħafna rigali komplimentari qed jistennew lit-tfal ta’ kull età u lill-ġenituri tagħhom bejn is-1.30 u l-4.30 ta’ wara nofsinhar, f’ċelebrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal.
Din is-sena, il-Jum Dinji tat-Tfal, mhux biss qed jiġi organizzat għat-tfal iżda qed ikun organizzat mill-istess tfal ukoll. Dan għaliex grupp ta’ tfal ġew involuti fl-organizzazzjoni, u hekk insibuhom jikkoordinaw minn wara l-kwinti u waqt l-attivitajiet, janimaw id-diskussjonijiet u anke jippreżentaw minn fuq il-palk prinċipali.
Fost dawk li se jagħtu sehemhom fuq il-palk prinċipali nsibu lil Tama Tnabar, l-Orkestra tal-Junior College, il-Kor tat-Tfal Sacro Cuor, il-Grupp Folkloristiku Astra u l-Gugga Band. Mireille, Toni u n-Newsbus Kids se jippreżentaw l-attività.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, qed jorganizza diskussjonijiet immexxija minn personalitajiet lokali li se jittrattaw diversi suġġetti li jiffurmaw parti mill-abbozz tal-Politika għat-Tfal, li l-Ministeru se jniedi fil-ġejjieni qrib. Dawn jinkludu fost oħrajn id-drittijiet u l-obbligi, l-inklużjoni, il-protezzjoni soċjali, il-ħajja xierqa u l-kreattività.
Se jkun hemm ukoll irkejjen oħra ta’ attività bil-parteċipazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, FSWS, l-iScouts tal-Ħamrun, il-Health Promotion Unit, il-Kunsill Malti tal-Isport, l-Iskola tal-Arti - Malta u l-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee).
Ikun hemm ukoll persuni jirrakkontaw stejjer b’mod animat, ipinġu fuq l-uċuħ, joħolqu forom bil-bżieżaq, u jinterpretaw maskots, kif ukoll ikun hemm kastell qabbieżi, sezzjoni tas-snajja’ u n-Newbus bla waqfien.
It-tieni edizzjoni tal-Festival ta’ Malta tat-Tfal beda nhar l-4 ta’ Novembru u se jintemm nhar it-3 ta’ Diċembru. Attivitajiet oħra f’dan il-festival jinkludu laqgħat b’taħriġ inkluż li jilħqu skejjel individwali u li l-postijiet għalihom ġew kollha meħuda minn skejjel statali, tal-Knisja u indipendenti.
Attivitajiet oħra li qed ikunu organizzati fi jew qrib kull tmiem il-ġimgħa huma maħsuba biex jilqgħu lit-tfal flimkien mal-familji tagħhom. It-Teatru Manoel qed itella’ l-opri ħelwin ta’ Britten, Noah’s Art u The little Sweep il-Ġimgħa u s-Sibt fis-7.30p.m., b’kast ta’ 40 ruħ diretti minn Lorraine Aquilina u Gillian Zammit, immexxija mid-Direttur Philip Walsh u Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Biljetti jistgħu jinkisbu mit-teatru, jew minn fuq bookings@teatrumanoel.com.mt jew permezz tat-telefon fuq numru 2124-6389.
Sadanittant l-Orkestra Filarmonika Maltija u ċ-Ċentru għall-Kreattività Kavallier ta’ San Ġakbu, qed jippreżentaw Music and storytelling with Winnie the Pooh nhar is-Sibt fl-4 p.m. fis-Sala Robert Samut fil-Furjana. Biljetti jinkisbu mill-Kavallier ta’ San Ġakbu, jew minn www.sjcav.org jew permezz tat-telefon fuq numru 2122-3200.
Is-Sezzjoni tal-Mużika fi ħdan id-Direttorat tal-Kwalità u Standard fl-Education Curriculum Management and eLearning Department qed tippreżenta Anansi u s-Serp fl-iskola Guardian Angel, il-Ħamrun, kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, 22-26 ta’ Novembru, fl-10 a.m., fil-11.15 u fin-12.30 p.m. Din il-produzzjoni mużikali ta’ siegħa tirrakonta storja dwar annimali permezz tal-ħsejjes. It-tfal jidħlu fis-sehem billi joħolqu ħsejjes u effetti speċjali permezz ta’ strumenti tal-perkussjoni u metodi oħra.
Fl-aħħar se jinżammu wkoll serje ta’ laqgħat dwar edukazzjoni permezz tal-films minn Emma Bull mir-Renju Unit, li hi speċjalista fil-qasam. Dawn il-laqgħat li jinkludu xogħol fi gruppi u diskussjonijiet animati se jinżammu f’numru ta’ skejjel. L-attività msejħa “Kif film jgħid aktar ħwejjeġ mill-kliem?” qed tkun possibbli bil-kollaborazzjoni tal-KRS Film Distributors u d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u se ssir mill-Erbgħa sal-Ġimgħa, 1-3 ta’ Diċembru.
Għal aktar informazzjoni żur il-paġna www.maltachildrensfestival.com, jew ibgħat email fuq info@maltachildrensfestival.com jew ċempel 7900-1551.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003