Ix-xogħol u l-ħaddiema huma prijorità fil-ħidma tal-Gvern: Jitnieda l-Premju Ħaddiem tas-Sena 2011
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, Chris Said sostna li x-xogħol u l-ħaddiema huma prijorità ewlenija fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern. Fis-sentejn li għaddew, snin karatterizzati minn riċessjoni internazzjonali, il-Gvern Malti ħa inizjattivi varji biex joħloq impjiegi ġodda u jipproteġi dawk eżistenti. F’dan il-mument partikolari l-Premju Ħaddiem tas-Sena qed jikseb importanza ġdida.
Chris Said qal dan hekk kif illum nieda l-edizzjoni 2011 tal-Premju Ħaddiem tas-Sena waqt business breakfast li sar fid-Dolmen Resort Hotel, il-Qawra. Nominazzjonijiet għal dan il-premju jistgħu jsiru minn individwi, ħaddiema u/jew il-kapijiet tagħhom, Korpi Kostitwiti, Unjins tal-ħaddiema, u Għaqdiet Volontarji inklużi l-NGOs.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’mument meta d-dinja qed tipprova tirkupra mill-effetti li ħalliet il-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-ħaddiem Malti hu l-aqwa riżorsa biex l-investiment jinżamm f’pajjiżna u biex ikun attirat investiment ġdid. Hu semma kif din is-sena kienu approvati seba’ proġetti ta’ investiment ġodda, u kienu approvati għaxar proġetti minn kumpaniji li jridu jespandu. Dawn bejniethom se jfissru 462 impjieg ġdid.
Hu enfasizza li x-xogħol u l-edukazzjoni jmorru id f’id, u semma l-investiment li qed isir fl-edukazzjoni fil-livelli kollha. L-investiment fl-istudenti fil-livell terzjarju hu mill-aktar sinnifikattiv. Bejn l-2006 u l-2010 l-Gvern se jkun ta elf u erbgħa u disgħin (1,094) borża ta’ studju. Fl-2010 ngħata rekord ta’ boroż ta’ studju... total ta’ erba’ mija u tnejn u tletin (432).
Chris Said qal li l-Gvern qed iħares ’il quddiem lejn sfidi ġodda fil-kamp tax-xogħol u fl-edukazzjoni. “Irridu nkomplu nżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u naraw li tikber l-ugwaljanza f’kull qasam. Irridu nkomplu naħdmu biex jinstab xogħol lil kull min irid jaħdem u ntejbu l-kwalità tal-impjiegi li qed noffru liż-żgħażagħ, gradwati ġodda u ħaddiema oħrajn tagħna.”
Dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, Chris Said qal li fl-1 t’Ottubru ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ emendi li taw kundizzjonijiet ġodda lill-part-timers. Dawn il-ħaddiema issa huma intitolati għal leave, sick leave u kundizzjonijiet oħra pro rata għas-siegħat li jaħdmu f’dan ix-xogħol anke meta mhux ix-xogħol prinċipali tagħhom.
Hu qal li bħalissa l-Gvern għaddej bil-konsultazzjoni biex ikun hemm tibdil fil-liġi u regolamenti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal nisa li jkunu tqal.
Id-Dipartiment għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali wkoll qed iwettaq ħidma siewja fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, twettqu 1,319-il spezzjoni f’postijiet tax-xogħol. B’kollox dawn koprew 16,633 impjegat. Minn dawn l-impjegati ġew intervistati 2,887 persuna u nstabu 449 irregolarità.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħabbar li fi ftit tal-ġimgħat oħra l-Gvern se jagħti bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha biex jesplora t-tibdil li hemm bżonn isir fil-Liġi li tirregola x-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Waqt il-business breakfast, Anthony Tabone, Ċermen tal-Bord tal-Għażla għall-Premju 2011, li hu magħmul minn rappreżentanti tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem, u tal-Gvern, tkellem dwar il-kriterji tal-għażla u l-proċess kif jintbagħtu l-applikazzjonijiet. “Kandidat għall-Premju Ħaddiem tas-Sena għandu jkun mudell li jispira lil dawk li jiġu f’kuntatt miegħu u li jkabbar il-profil tal-ħaddiema kollha irrispettivament mix-xogħol li jwettqu u fejn iwettquh.”
Wara, Patrick Gauci, rebbieħ tal-aħħar edizzjoni tal-Premju, ġie intervistat minn Angela Agius. F’dawn l-aħħar ħames snin u nofs hu ħadem bħala Assistant Manager, inkarigat mit-taqsima taċ-Chargebacks u tal-Frodi fil-Card Products Department ta’ HSBC Bank Malta plc. Tul dan iż-żmien id-Dipartiment kiseb l-aqwa riżultati fil-qasam tal-investigazzjonijiet dwar il-frodi u f’inizjattivi oħra tal-Bank li ġew maħsuba biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata li tinvolvi l-karti tal-kreditu u s-servizzi relatati magħhom.
Francis Borg, Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv tal-Premju Ħaddiem tas-Sena 2011, ħeġġeġ lill-ħaddiema mis-setturi kollha tad-dinja tax-xogħol biex jinnominaw lil dawk fosthom li jqisu bħala ħaddiema li għandhom mertu jkunu kandidati għal dan il-premju. Hu qal, “Din is-sena l-Kumitat Organizzattiv għandu quddiemu sfida ġdida biex jiżgura li dawk kollha involuti mal-istess Kumitat Organizzattiv ikunu responsabbli minn avveniment tassew memorabbli.”
Formoli tan-Nominazzjonijiet jistgħu jinkisbu waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju mir-Reception Desk fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kastilja, Triq San Pawl, il-Belt (tel: 2200-1261), mid-Dipartiment tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali f’Victoria, Għawdex (tel: 2215-6940/1) jew mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali. Il-formola tista’ wkoll titniżżel mill-portal governattiv www.doi.gov.mt.
Għal kull persuna nominata trid timtela formola separata. Il-formoli mimlija għandhom jitqiegħdu f’envelope issiġġillat u depożitati fil-kaxxa apposta li se tkun għad-diżpożizzjoni fis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika sa nhar it-18 ta’ Jannar 2011.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003