DISKORS MILL-ONOR. PETER MICALLEF, ASSISTENT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦAS-SAHHA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITA’ FL-OKKAŻJONI TAL-ĠURNATA DINJIJA TAL-KUNDIZZJONI RESPIRATORJA (COPD) – SPTAR MATER DEI– 17 TA’ NOVEMBRU 2010
Illum is-17 ta’ Novembru hija ġurnata li qed tfakkar il-ġurnata dinjija tal-kundizzjoni respiratorja COPD – Chronic Obstructive Pulmonary Disease. Illum il-ġurnata qegħdin naraw dejjem aktar minn din il-kundizzjoni u fil-fatt skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ġiet ikklassifikata bħala r-raba’ l-aktar kundizzjoni li twassal għal-imwiet fis-sena. Waħda mill-affarijiet li l-aktar qed jwasslu għal żieda f’din il-kundizzjoni hija t-tipjip.
Bħalissa madwar id-dinja kollha, numru kbir ta’ persuni, fil-fatt 1.3 biljun persuna qed jużaw it-tabakk, filwaqt li 5.4 miljun persuna kull sena jmutu kawża tat-tipjip. Nofs dawk kollha li qed jużaw it-tabakk eventwalment jistgħu jmutu kawża ta’ mard relatat mat-tabakk inkluża l-kundizzjoni tal-COPD. Skont il-World Bank, sas-sena 2030, l-imwiet ser jiżdiedu għal 8 miljuni fis-sena, fejn it-tipjip se joqtol 1 minn kull 6 adult minn madwar id-dinja kollha. Fl-Ewropa din hi t-tieni l-akbar kaġun u l-kawża ewlenija ta’ mwiet li tista’ titwaqqaf jew għallanqas tiġi evitata.
Għalkemm kważi 70 fil-mija ta’ dawn l-imwiet iseħħu f’nazzjonijiet fejn għadhom qegħdin jiġu żviluppati, l-użu tat-tabakk kien u għadu l-problema inkwetanti fejn tidħol is-saħħa ġewwa pajjiżna wkoll.
Hu għalhekk importanti li nagħmlu enfasi qawwija li wieħed jagħmel propaganda qawwija dwar il-ħsara li jagħmel it-tipjip. Dwar dan sar ħafna u fl-opinjoni tiegħi kien pass ferm important li wieħed jaqta’ t-tipjip minn postijiet pubbliċi. B’hekk imxejna pass ‘l quddiem li wassalna messaġġ lil kulhadd li dak li jagħmel il-ħsara ma jistax jibqa’ jigi permess li jsir. Urejna li jekk it-tipjip jagħmel il-ħsara, wieħed ma jistax jiġi espost għal din il-ħsara anke jekk ma jridx.
Issa wasal iż-żmien li nkunu ċari u lill-poplu nuruh bil-fatti l-ħsara li jista’ jagħmel it-tipjip. Personalment ninkwieta nara pazjenti li jieqfu jpejpu meta jaħkimhom mard kroniku bħal ma hi l-kundizzjoni ta’ COPD. Dawk li jpejpu jridu jkunu jafu biċ-ċar il-ħsara li jistgħu jagħmlu s-sigaretti biex b’hekk huma jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni iebsa iżda kuraġġjuża li jaqtgħu it-tipjip, kmieni kemm jista’ jkun. Dan ikun ta’ investiment f’saħħithom u fir-riżorsi tal-pajjiż.
Hawn ħafna għaqdiet li jwasslu l-messaġġ dwar il-ħsara li jagħmlu s-sigaretti, lil dawn hemm bzonn li nagħtuhom is-support li għandhom bżonn.
Il-messaġġ għal din is-sena hu li wieħed jagħmel testijiet neċessarji biex din il-kundizzjoni ta’ COPD tinqabad minn kmieni u b’hekk il-kura tkun aħjar u s-sintomi ma jiżdiedux. Dan it-test li jissejjaħ Spirometry jgħin biex juri lit-tobba kemm hi avvanzata il-kundizzjoni tan-nifs. Hawn ħafna professjonisti li jgħinu biex jitnaqqsu s-sintomi ta’ din il-kundizzjoni fosthom il-fiżjoterapista, d-dietician, il-psikologu kif ukoll id-diversi servizzi biex jgħinu lil wieħed jieqaf ipejjep.
Bl-għajnuna ta’ dawn il-professjonisti, wieħed ikun qiegħed jgħin biex jevita li pazjent jasal f’punt fejn jiġi dipendenti minn ħadd ieħor tant kemm ikun qed ibati minn qtugħ ta’ nifs, sogħla u infezzjonijiet fil-pulmun li lkoll iwasslu għal nuqqas fil-kwalita’ tal-ħajja. Tajjeb li wieħed jgħid li ma hawnx kura kompleta għal din il-kundizzjoni, għaliex jeżistu biss mediċini li jnaqqsu l-qtugħ ta’ nifs u b’hekk itejbu xi ftit il-kwalita’ tal-ħajja. Din il-kura tista’ tkun aktar effettiva jekk il-kundizzjoni tinqabad minn kmieni kemm jista’ jkun.
L-għan ta’ din il-ġurnata jista’ jintlaħaq jekk inwasslu messaġġ ċar lill-poplu kollu li din il-kundizzjoni fejn, wiehed irid jiġġieled biex jieħu n-nifs, meta dan nieħduh il-ħin kollu bi nhar u bil-lejl mingħajr ma nindunaw, tista’ tiġ evitata kompletament jekk nevitaw it-tipjip.
Qatt ma hu tard, hemm bżonn li nitgħallmu mill-iżbalji tal-imgħoddi biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ kulhadd. Jekk kull wieħed u waħda minna jgħin persuna biex taqta’ t-tipjip nkunu bdejna. Għalina kull ħajja hi prezzjuża u hemm bżonn li tkun imħarsa minn kull mard.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003