Left arrow Go Back

Taħdita dwar il-persuni b’diżabilità: Education 16+, Employment & Independent Living

pr2101
Date Icon 15/11/2010
L-Onor. Stephen Spiteri,Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja attenda preżentazzjoni dwar il-persuni b’diżabilità bit-titlu Education 16+, Employment & Independent Living – Paceville – 12 ta’ Novembru 2010.
Il-ħidma favur persunib’diżabilità, mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u l-entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu, ma tieqaf qatt.

Edukazzjoni

  • F’dawn l-aħħar snin il-Gvern iffoka fuq il-bżonnijiet tat-tfal b’diżabilità mhux biss mil-lat ta’ infrastruttura tal-iskejjel speċjali li issa saru Ċentri ta’ Riżorsa, iżda wkoll billi żied ir-riżorsi li hemm bżonn biex dawn il-persuni jkomplu jikbru fl-ambizzjonijiet tagħhom, kif ukoll saħħaħ is-servizzi li jingħatawlhom li jikkumplimentaw dak li jkunu qed jirċievu fil-klassi.
  • Saru serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ kemm għall-għalliema li jgħallmuhom u jgħinu lil dawn l-istudenti matul il-ħinijiet tal-iskola iżda saħansitra, anke għall-ġenituri biex ikunu jistgħu jassistu lil uliedhom fi programmi oħra. Dawn huma żgur ta’ benefiċċju għat-tfal b’diżabilità mhux biss fl-aspett akkademiku tagħhom iżda speċjalment, fl-iżvilupp indipendenti u l-kisba ta’ ħiliet bażiċi li għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivili.
  • Ir-riforma fl-Iskejjel Speċjali kienet il-fulkrum ta’ moviment kontinwu biex jiġi assigurat l-iżvilupp ħolistiku tal-persuna biex kull student igawdi mill-avvanzi kbar li seħħew fil-qasam edukattiv.  Lill-istudenti rriduhom igawdu mill-iskejjel ġodda tagħna u rridu wkoll li kull wieħed u waħda minnhom ikollhom l-opportunità li jesperjenzaw il-livelli differenti fil-ħajja edukattiva li trid twassalhom ikunu ċittadini attivi fil-komunità fejn jgħixu u fil-ħajja ekonomika tal-pajjiż permezz tax-xogħol.
  • M’hemmx dubbju li fil-qasam tal-Inklużjoni hemm ħafna sfidi u biex tassew nagħtu servizz ta’ kwalità jeħtieġ li jkollna riżorsi (kemm umani u materjali) ta’ kwalità. 
  • Ir-riforma fil-mixja mill-primarja għas-sekondarja u dik tal-iskejjel speċjali bdiet tiġi implimentata minn f’Marzu 2010. Fil-fatt, fil-bidu ta’ din is-sena skolastika l-erba’ skejjel speċjali fetħu l-bibien tagħhom bħala Ċentri ta’ Riżorsa u f’kull ċentru bdew jattendu tfal skont l-età tagħhom.
  • Fic-ċentru sekondarju u f’dak post sekondarju bdew jiġu mgħallma programmi adattati għall-età tal-istudenti, jiġifieri fil-Guardian Angel Secondary Education Resource Centre qed jitħaddem programm sekondarju biz-żieda ta’ suġġetti bħal Home Economics, Science, Design and Technology u IT. L-istudenti f’dan iċ-Ċentru qed igawdu wkoll minn laboratorji attrezzati.
  • F’Dun Manwel Attard Young Adult Education Resource Centre ġie mfassal u beda jiġi implimentat programm iffukat aktar fuq ħiliet personali u vokazzjonali biex jgħin aktar lill-istudenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol. F’dan ic-Ċentru sar ukoll tibdil stutturali biex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-programm kif ukoll biex tittejjeb l-aċċessebilità.
  • Din ir-riforma mhux biss toffri benefiċċji għall-istudenti f’dawn iċ-Ċentri għax qed igawdu min tisħiħ ta’ programmi skont l-età u l-kapaċitajiet personali tagħhom iżda qed jibbenefikaw ukoll l-għalliema u studenti bi bżonnijiet speċjali li qegħdin fl-iskejjel mainstream. Dan għaliex dawn iċ-Ċentri qegħdin jiġu żviluppati bħala riżorsa għal min għandu bżonn għajnuna biex ikun jista’ jinkludi tfal bi bżonnijiet individwali fl-iskola.
  • F’San Miguel Primary Education Resource Centre qed jattendu 16-il student/a u qed jingħata servizz lill-30 tifel u tifla li jattendu għall-Multi Sensory Programmes.
  • Fil-Guardian Angel Secondary Education Resource Cantre jattendu 33 student ta’ età sekondarja. Min-naħa l-oħra, f’Helen Keller Secondary Young Adult Education Resource Centre qed jattendu 30 student ta’ età sekondarja u post sekondarja. F’Dun Manwel Attard Young Adult Education Resource Centre jattendu 80 student.
  • Iċ-Ċentri ta’ Riżorsa se jibdew jiffurmaw parti mis-sistema tal-Kulleġġi u allura dan se jkun ifisser li jibdew igawdu mill-istrutturi ġodda fi ħdan l-istess Kulleġġi u għaldaqstant mis-servizzi u t-tim professjonali fil-Kulleġġi.
  • Din ir-riforma rridu nħarsu lejha bħala waħda f’sensiela ta’ bidliet oħra li qed iseħħu  u għandha tkun f’sinerġija ma’ dawn ir-riformi u fosthom insemmi dik tat-Transizzjoni mill-Iskejjel Primarji għal dawk Sekondarji u l-Istrategija għall-Kisba ta’ Ħiliet Bażiċi fl-Edukazzjoni Primarja.
  • Madankollu, barra r-Riforma fl-Iskejjel Speċjali, ma nistax ma nsemmix is-servizzi li jingħataw across the baord lil studenti li jew ibatu minn xi diżabilità, jew li għandhom xi problemi fl-imġieba tagħhom jew anke dawk li għandhom diffikultajiet fil-proċess tat-tagħlim, magħrufa aħjar bħala learning difficulties.
  • Dawn l-istudenti huma wkoll prijorità tagħna biex ngħinuhom jimxu dejjem il-quddiem fl-istudji tagħhom. Dan qiegħed isir kemm b’appart teknoloġiku kif ukoll permezz tas-servizzi li joffri id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti u t-tim professjonali li jħaddan.

Autism

§     Id-Dipartiment jieħu ħsieb ukoll is-servizz ta’ sapport għal tfal bl-autiżmu permezz tal- Autism Spectrum Support Team. Dan huwa tim ta’ tlett persuni speċjalizzati li qed jilqa’ studenti referuti għandu u jgħin lill-edukaturi u lill-ġenituri biex jilħqu l-bżonnijiet edukattivi individwali tal-istudenti bl-awtiżmu. Sal-lum, 120 student qed jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Inspire

§     Il-Programmi tal-Inspire huma wkoll opportunitajiet għal tfal bi bżonnijiet individwali. Dan is-servizz huwa possibli wara li nltaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Inspire għall-għoti ta’ program lil dawn it-tfal.  260 tifel u tifla qed igawdu minn dawn il-programmi. Permezz ta’ dawn il-programmi, l-istudenti b’diżabbilità jitħarrġu f’ħiliet u aspetti aktar soċjali sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu l-indipendenza tagħhom. Fost l-iskills li jitgħallmu t-tfal f’dawn il-programmi nsibu kif għandom jipparteċipaw fi gruppi, kif jikkomunikaw mal-oħrajn, kif ikunu aktar organizzati u kif jaffaċċjaw sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Deaf People Association u Equal Partners

§     Bħalissa il-Gvern qiegħed ukoll f’diskussjonijiet mad-Deaf People Association (Malta) u l-organizzazzjoni volontarja Equal Partners Foundation – it-tnejn imsieħba f’din il-Federazzjoni -  biex jiġi ffirmat ftehim li jwassal biex aktar tfal u studenti jibbenefikaw mis-servizzi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

§     Id-Deaf People Association tagħti servizz mill-aqwa lil tfal li huma neqsin mis-smiegħ biex ikunu jistgħu jistudjaw u jsewgu programmi f’istituzzjonijiet edukattivi permezz tal-interpreting tal-lingwa tas-sinjali. Huwa pjaċir tiegħi li nsemmi li qed ikollna studenti neqsin mis-smiegħ li qed isegwu anke korsijiet fl-Università permezz ta’ din l-għajnuna li jħallas għaliha l-Gvern. Min-naħa l-oħra il-Fundazzjoni Equal Partners toffri wkoll programmi individwali għal tfal b’diżabilità fuq livelli differenti, skont il-bżonnijiet tal-persuna li qed tirċievi l-għajnuna.

ACTU

§     Matul l-2010 l-Access to Communication and Technology Unit (ACTU) assessja mal-152 student u provdilhom għajnuna u sapport biex jgħinhom ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, minkejja id-diffikultajiet severi tagħhom.

  • Meta nitkellmu fuq l-għajnuna u t-tijib fil-kundizzjoniet tax-xogħol fil-qasam tat-tagħlim ta’ persuni b’diżabilità, inkunu qegħdin nirreferu għal dik l-għodda kollha li tingħata kemm lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema biex l-esperjenza edukattiva ta’ dawn it-tfal tkun waħda ta’ suċċess. L-għodda u r-riżorsi speċjalizzati jgħinu wkoll lill-għalliema li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwasslu tagħlim aktar speċjalizzat, skont il-bżonnijiet tat-tfal.

Tagħmir Speċjalizzat għall-iSkejjel tat-Tfal bi Bżonnijiet Speċjali

  • Fil-fatt, ħsibna fl-istudenti tagħna li qed jattendu fi skejjel tat-tfal bi bżonnijiet speċjali, fejn tqassmu riżorsi teknoloġiċi b’investiment ta’ madwar 46,000 Ewro.
  • Dawn jinkludu:

-          15-il TFT touch monitor fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex;

-          32 ‘Clicker 5’ u 90 liċenzja addizzjonali kif ukoll booklets għal training;

-          60 Boardmaker Plus

-          5 Speaking Dynamically Pro

-          25 Switch It Maker 2

  • Dan hu kollu tagħmir speċjalizzat biex jgħin l-istudenti bi bżonnijiet speċjali jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom fl-esperjenza edukattiva tagħhom, kif ukoll biex jgħinu lill-għalliema u LSAs meta jkunu qed jgħallmu u jassistu lil dawn it-tfal.

  • U dan mhux biżżejjed. Bħalissa qed jiġi aġġudikat tender ta’ hardware u software għal studenti bi bżonnijiet individwali edukattivi għaċ-ċifra ta’ 68,000 Ewro.

  • Bejn Marzu 2010 u Ottubru 2010, l-eLearning Centre wettaq sessjonijiet ta’ taħriġ lill-għalliema u LSAs fi 58 skola u ċentri ta’ riżorsi. Minn dawn is-sessjonijiet, gawdew 330 għalliem/a u LSAs.

Learning Support Assistants fl-Iskejjel Privati u Taħriġ

§      Is-sena l-oħra introduċejna l-iskema ta’ għajnuna għal tfal li jattendu skejjel privati u li jeħtieġu s-servizz ta’ LSA. Dan kien possibli grazzi għall-investiment ta’ 200,000 Ewro tal-Gvern f’dan is-settur. Minn dawn is-servizz, gawdew 53 student li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ 29 LSA li qed joffru s-sapport tagħhom f’6 skejjel privati.

§       Ma naqasx ukoll it-taħriġ lill-LSAs, il-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel regolari u l-Peripatetic Teachers fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa sabiex jiġi assigurat l-aħjar servizz u sabiex nippromovu inklużjoni sħiħa fl-iskejjel tagħna. 

§       Matul is-sena 2010, ingħata taħriġ lill-LSAs il-ġodda li bdew jaħdmu mad-Dipartimenti Servizzi għall-Istudent. Dan seħħ fuq firxa ta’ 10 ġimgħat u erba’ ġimgħat Practice Placement.

§       435 S/LSA oħra li kienu lestew l-ewwel kors ta’ 10 ġimgħat ukoll qed jingħataw taħriġ mifrux fuq 20 ġimgħa, erba’ ġimgħat Practice Placement u eżami finali. Ftit ġranet ilu (28 ta’ Ottubru 2010), bdew sessjonijiet ta’ taħriġ għal 60 Kap ta’ Skola/ Assistent Kap ta’ skola.

§       Permezz ta’ dan it-taħriġ l-LSAs huma iżjed kwalifikati biex jagħtu l-għajnuna lill-istudenti li jaħdmu magħhom u il-Kapijiet tal-iskejjel u l-Assistenti Kapijiet huma iżjed aġġornati dwar is-servizzi li dejjem qed jiżdiedu biex ngħinu l-istudenti bl-aħjar mod possibli.

Il-ħidma tagħna b’risq il-persuni b’diżabilità ma tieqafx biss fl-edukazzjoni.

L-Aġenzija Sapport

L-għan tal-AġenzijaSAPPORT, huwa li taħdem ma persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom biex tassigura li jkollhom il-mezzi, opportunitajiet u servizzi biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja fil-komunità. B’dan il-għan l-Aġenzija toffri servizzi ta’ sapport fil-Komunità li jinkludu assistenza personali, interventi soċjali, servizzi ta’ riżorsi u servizzi ta’ ħidma soċjali.
L-Aġenzija għandha wkollresidenzi fil-komunità li joffru akkomodazzjoni permanenti għall-klijenti.  Dawn jinkludu r-residenzi ta’ Djar Vajrita (1el Sular) u Vajrita (2ni Sular) f’Marsaskala, Villino Maria fl-Imtarfa, Dar Andrew f’ Bormla u d-djar residenzjali fil-Fgura u f’Ħal Kirkop.
L-Aġenzija qed tikriwkoll żewġ appartamenti f’Birżebbuġia mill-Awtorità tad-Djar sabiex jintużaw bħala residenza għal tfal b’diżabilità li qegħdin f’riskju, f’ dan ir- rigward l-Aġenzija għadha qed tistenna għall-fondi rekorrenti biex ikun jista’ jinbeda dan is-servizz.

Il-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija SAPPORT, permezz ta’ kollaborazzjoni mal-ETC jaħdmu bis-sħiħ ma’ persuni b’diżabilità li qed ifittxu mpjieg. Inoltre, fiċ- Ċentri ta’ Matul il- Jum issir ċertu taħrig bħall Indepedent Living Skills, Basic Literacy, taħriġ fuq IT u Pottery, li jgħinu biex il persuna tkun iktar preparata għad dinja tax- xogħol.  B’dan l-impenn f’moħħna, fi ħdan l-FSWS beda l-Proġett ME2 – ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja.

Il-Proġett ME2

Danil-proġett beda joffri s-servizzi fl-aħħar tas-sena li għaddiet permezz ta’ għajnuna diretta lil persuni b’diżabilità li talbu l-assistenza ta’ l-istess proġett. Bħalissa qed jilħaq 350 persuna b’diżabilta, 105 li jinsabu fic-Ċentri ta’ Matul il-Jum u li  għalhekk jirċievu s-servizz fl-istess ċentru u 245 li jġħixu fil-kommunità u għalhekk Sapport Workers tal-Proġett qed iżuruhom f’darhom u jofrulhom it-taħriġ neċessarju sabiex jiġu megħjuna jiksbu ħiliet li jgħinuhom jintegraw sew fis-soċjetà kif ukoll fid-dinja tax-xogħol.
Biexil-proġett jilħaq l-iskopijiet tiegħu ġew ingaġġati 20 support worker, 4 trainers u occupational therapist flimkien ma’ amministrattur. S’issa diġà tniedu diversi inizjattivi – fosthom taħriġ intensiv u qed jiġu esploratati diversi possiblitajiet ta’ job placement. Il-proġett miexi ġmielu u għandu quddiemu sena intensiva biex jitkomlpu jintlaħqu il-miri mfassla. Fl-14 ta’ Diċembru ta’ din is-sena ser tinżamm konferenza fejn il-persuni li qed jibbenefikaw mill-proġett ser ikunu il-protagonisti.
Bl-għanli tintroduċi aktar persuni b’ diżabilità fid-dinja tax- xogħol, l-Aġenzija tikkollabora wkoll mal-KNPD. Wieħed mill-proġetti li ġew diskussi f’dawn l-aħħar snin kien dak ta’ impieg issapportjat.  Hija ix-xewqa tal-Aġenzija li tipparteċipa fl-iżvilupp ta’ servizz bħal dan biex anke persuni li forsi mhux adatt għalihom l-impjieg miftuħ ikollhom huma wkoll possibiltà ta’ xogħol permezz ta’ din l- iskema.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità

Matul din l-aħħar sena, il-KNPD kompliet taħdem fuq it-Taqsima Ħajja Indipendenti u s-Servizzi għall-Ħajja Indipendenti, li għalihom ġabet fondi mill-Unjoni Ewropea, rispettivament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Strutturali Ewropew.

    • Tkomplew l-aħħar xogħolijiet fuq il-bini tat-Taqsima Ħajja Indipendenti f’Ħal Far u mistenni li din it-taqsima tkun tista’ tibda tintuża lejn April ta-sena d-dieħla. Bdejna nirċievu l-apparat assistiv li se jkun parti mill-Equipment Demonstration Centre ġo l-istess taqsima biex jassisti aħjar lil dawk il-persuni li sabiex ikunu indipendenti għandhom bżonn ċertu apparat speċifiku. Huwa maħsub li madwar 400 persuna fis-sena ser tagħmel użu minn din il-faċilità sabiex isir assessjar tal-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità speċjalment għal dawk li għandhom problemi ta’ mobilità.
    • Apparti l-bini ta’ din it-taqsima, l-KNPD bdiet tofri korsijiet immirati lil professjonisti fis-settur fosthom Occupational Therapists, Physiotherapirs u driving instructors. L-għan huwa li nsaħħu t-tagħrif ta’ dawn il-professjonisti li jaħdmu direttament ma’ persuni b’diżabilità sabiex ikollhom iktar ħiliet biex imexxu lil persuni b’diżabilità għal ħajja aktar indipendenti fil-komunità u fuq il-post tax-xogħol.  Sa llum, attendew għal dawn il-korsijiet 3 driving instructors u 53 occupational therapists u physiotherapists. Il-korsijiet ivarjaw, hemm korsijiet fuq kif persuni b’diżabilità jistgħu jsuqu, assistenza għal min juża siġġu tar-roti, kif jintuża ċertu apparat u kif issir analiżi tal-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità etc... Il-korsijiet se jkomplu sa Marzu 2011.

Allowance għal Tfal b’Diżabilità

Din hija allowance għal tfal b’diżabilità severa skont il-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Din l-allowance mhix suġġetta għall-eżami tal-mezzi u r-rata u tingħata mit-twelid sal-età ta’ sittax-il sena waqt li persuni b’vista batuta jirċievu din l-allowance sal-età ta’ 14-il sena (l-età meta jikkwalifikaw għall-pensjoni tal-persuni b’diżabilità).

Pensjoni għall-Persuni b’Diżabilità

Għal dawkil-persuni b’diżabilità li huma akbar minn 16-il sena hemm il-Pensjoni għall-Persuni b’Diżabilità. Fil-każ ta’ persuni b’vista batuta, din il-pensjoni tibda tingħata mill-età ta’ 14-il sena ’l fuq.  L-applikant irid jikkwalifika skont eżami tal-mezzi.
Persunab’diżabilità li tirċievi l-pensjoni tista’ żżid id-dħul tagħha mingħajr ma titlef xejn mill-pensjoni, billi taħdem sakemm dawn it-tnejn flimkien ma jaqbżux il-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna b’kollox taqla’ aktar mill-paga minima, il- pensjoni tonqos pro-rata, jiġifieri aktar ma taqbeż il-paga minima, aktar tonqos il pensjoni.

Awtoritàtad-Djar
Għajnuna finanzjarja għal xogħlijiet ta’ titjibf’residenzi ta’ persuni b’diżabilità u l-installazjoni ta’ lift/stairlift
Wieħed jista’japplika għand l-Awtorità tad-Djar għal għotja ta’ flus bil-għan li d-dar fejn qed jgħix tiġi tajba għad-diżabilità tiegħu jew ta’ xi membru tal-familja tiegħu. L-għajnuna fi flus tiġi mogħtija biss biex tgħin l-applikant jagħmel xi xogħlijiet ta’ rranġar fil-post biex jiġi adattat skont il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità fosthom assistenza għal tibdil generali, aċċess għall-kmamar, bibien u twieqi, turġien, kċejjen u kmamar tal-banju kif ukoll għall-installazzjoni ta’ lifts jew stair lifts.
L-Awtorità wkoll għandha programm sabiex tinstallalifts fi blokki tal-Gvern eżistenti sabiex issaħħaħ l-aċċessibilità ta’persuni b’diżabilità jew bi problemi ta’ mobilità li jgħixu f’dawn il-postijiet.
Fl-iskemi li toħroġ fejn l-ewwel xerreja jistgħujixtru postijiet bi prezz issusidjat l-Awtorità dejjem tagħti prijorità lil persuni b’diżabilità billi normalment tqassam l-ewwel 10% tal-postijiet lil dawn il-persuni. Fl-istess waqt l-Awtorità qed dejjem tipprova tinstalla lifts f’postijiet ġodda fejn hu possibli.

Xogħol

Impenn ieħor tal-Gvern fil-qasam ta’ persunib’diżabilità huwa li nżidu l-opportunitajiet ta’ impjieg għal dawn il-persuni. Il-Kummisjoni għal Persuni b’Diżabilità qed tagħmel diskussjonijiet fuq proġett biex issaħħaħ l-opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur pubbliku. Barra minn hekk, diskussjonijiet għadejjin sabiex insaħħu aktar it-transiżjoni ta’ persuni b’diżabilità minn skejjel sekondarji għal edukazzjoni fil-livell post sekondarju.
Il-Gvernqed jagħmel l-almu tiegħu biex  jagħti aktar għajnuna lil min hu veru fil-bżonn. F’ dan il-kuntest l-ETC qed tagħmel ħafna xogħol biex tgħin persuni b’diżabiltà isibu x-xogħol u jintegraw ruħhom fis-soċjetà biex ikunu dejjem aktar dipendenti
SaAwissu ta’ din is sena nstab post tax xogħol għal 43 persuna b’ diżabiltà reġistrata u 23 oħra għal nies b’diżabilità mhux reġistrati. Ingħata wkoll taħriġ aktar minn 248 persuna b’ diżabiltà reġistrata u 34 oħra għal persuni b’diżabilità mhux reġistrati.
L-ETCtagħti servizz personalizzat lil dawn in-nies u mill-bidunett , jiġifieri mal-ewwel darba li jirreġistraw qed tintuża sistema ta’ Personal Action Plan li bih dawn il-persuni jingħataw l- aħjar opportunitajiet fid-dinja tax-xogħol skont iċ-ċirkostanzi tagħhom.
Permezztal-Personal Action Plan l-ETC tista’ tibqa’ tgħin lil dawn in-nies anke wara li jinstabilhom xogħol biex jaraw il-progress tagħhom u tingħata l-aħjar għajnuna skont il-bżonnijiet tagħhom. Min Jannar sa Awwisu tal-2010 saru ’l fuq minn 144 Personal Action Plan ġdid kif ukoll ġew riveduti 888 pjan personali eżistenti.
Bħalissagħaddejjin ukoll sensiela ta’ taħdidiet mar-Richmond Foundation u Inspire biex isir aktar xogħol f’dan il-qasam tant importanti.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow