Opportunità ta’ promozzjoni ghall-kultura, tradizzjonijiet u tendenzi socjali Maltin u Ghawdxin
| Il-kultura, it-tradizzjonijiet, l-istorja u | t-tendenzi soċjali Maltin u Għawdxin issa jistgħu jinġabru kollha flimkien fil-librerija diġitali Maltija, Expo – the Maltese digital library, proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u li huwa parti mill-EuropeanaLocal. L-għan ta’ din il-librerija diġitali, li hija aċċessibli minn madwar id-dinja permezz ta’ sit elettroniku, huwa li sservi ta’ tieqa għall-karatteristiċi uniċi tal-gżejjer Maltin li jsawwru l-identità tal-poplu Malti u Għawdxi. |
| Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, | li kienet preżenti għall-ewwel laqgħa informattiva dwar dan il-proġett, qalet li din il-librerija diġitali mhix se tkun biss mezz ta’ qsim u bdil ta’ esperjenzi u informazzjoni, iżda se żżid ukoll l-għarfien kulturali fil-gżejjer Maltin, filwaqt li tesponi l-kultura Maltija u Għawdxija madwar id-dinja kollha. Żiedet tgħid li dan is-sit elettroniku se jesponi dak li hu t-talent eżistenti filwaqt li jagħti l-opportunitajiet lill-artisti żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jesponu t-talenti tagħhom anke barra minn Malta. Il-Ministru Debono ħeġġet lil dawk preżenti biex jikkollaboraw u jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal li qiegħda toffri, filwaqt li jħajru lil individwi oħra li jistgħu jkunu interessati. Spjegat kif din il-librerija diġitali se tkun ta’ valur miżjud fil-qasam tar-reklamar tal-gżejjer Maltin. Hija tenniet li din il-promozzjoni hija ta’ benefiċċju kbir għal Għawdex, li llum ġie rikonoxxut bħala destinazzjoni distinta, li għandha potenzjal li tattira turisti min-niċeċ partikolari fis-suq turistiku. |
Dan is-sit elettroniku se jkun qed jagħti opportunità lill-entitajiet, organizzazzjonijiet, għaqdiet kif ukoll individwi Maltin u Għawdxin biex itellgħu ritratti, mużika, materjal awdjo-viżiv kif ukoll partijiet minn kotba dwar Malta u Għawdex fuq http://expo.acrosslimits.com. Huwa mistenni li sa Mejju 2011 jittellgħu madwar 20,000 ritratt relatat mal-gżejjer Maltin. Il-kontenut li jittella’ f’dan is-sit, se jidher ukoll fis-sit www.europeana.eu, li hija l-ikbar librerija diġitali fl-Ewropa li tippromwovi l-wirt kulturali Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u individwi ġejjin mis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Europeana.eu qed timmira li sas-sena 2015 jkollha miġbur madwar 20 miljun oġġett relatat mal-kultura ta’ dawn il-pajjiżi.
Across Limits, il-kumpanija li qed tmexxi dan il-proġett f’Malta qiegħda toffri taħriġ b’xejn dwar il-proċess tad-diġitazzjoni lil dawk kollha interessati li jikkontribwixxu. Sessjoni ta’ informazzjoni oħra dwar din il-librerija diġitali Maltija ser issir nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru fil-bini tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette, il-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21224900.
Stqarrijiet Oħra:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003