Left arrow Go Back

Opportunità ta’ promozzjoni ghall-kultura, tradizzjonijiet u tendenzi socjali Maltin u Ghawdxin

pr2021
Date Icon 04/11/2010
Il-kultura, it-tradizzjonijiet, l-istorja ut-tendenzi soċjali Maltin u Għawdxin issa jistgħu jinġabru kollha flimkien fil-librerija diġitali Maltija, Expo – the Maltese digital library, proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u li huwa parti mill-EuropeanaLocal. L-għan ta’ din il-librerija diġitali, li hija aċċessibli minn madwar id-dinja permezz ta’ sit elettroniku, huwa li sservi ta’ tieqa għall-karatteristiċi uniċi tal-gżejjer Maltin li jsawwru l-identità tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono,li kienet preżenti għall-ewwel laqgħa informattiva dwar dan il-proġett, qalet li din il-librerija diġitali mhix se tkun biss mezz ta’ qsim u bdil ta’ esperjenzi u informazzjoni, iżda se żżid ukoll l-għarfien kulturali fil-gżejjer Maltin, filwaqt li tesponi l-kultura Maltija u Għawdxija madwar id-dinja kollha. Żiedet tgħid li dan is-sit elettroniku se jesponi dak li hu t-talent eżistenti filwaqt li jagħti l-opportunitajiet lill-artisti żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jesponu t-talenti tagħhom anke barra minn Malta. Il-Ministru Debono ħeġġet lil dawk preżenti biex jikkollaboraw  u jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal li qiegħda toffri, filwaqt li jħajru lil individwi oħra li jistgħu jkunu interessati. Spjegat kif din il-librerija diġitali se tkun ta’ valur miżjud fil-qasam tar-reklamar tal-gżejjer Maltin. Hija tenniet li din il-promozzjoni hija ta’ benefiċċju kbir għal Għawdex, li llum ġie rikonoxxut bħala destinazzjoni distinta, li għandha potenzjal li tattira turisti min-niċeċ partikolari fis-suq turistiku.

Dan is-sit elettroniku se jkun qed jagħti opportunità lill-entitajiet, organizzazzjonijiet, għaqdiet kif ukoll individwi Maltin u Għawdxin biex itellgħu ritratti, mużika, materjal awdjo-viżiv kif ukoll partijiet minn kotba dwar Malta u Għawdex fuq http://expo.acrosslimits.com. Huwa mistenni li sa Mejju 2011 jittellgħu madwar 20,000 ritratt relatat mal-gżejjer Maltin. Il-kontenut li jittella’ f’dan is-sit, se jidher ukoll fis-sit www.europeana.eu, li hija l-ikbar librerija diġitali fl-Ewropa li tippromwovi l-wirt kulturali Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u individwi ġejjin mis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Europeana.eu qed timmira li sas-sena 2015 jkollha miġbur madwar 20 miljun oġġett relatat mal-kultura ta’ dawn il-pajjiżi.

Across Limits, il-kumpanija li qed tmexxi dan il-proġett f’Malta qiegħda toffri taħriġ b’xejn dwar il-proċess tad-diġitazzjoni lil dawk kollha interessati li jikkontribwixxu. Sessjoni ta’ informazzjoni oħra dwar din il-librerija diġitali Maltija ser issir nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru fil-bini tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette, il-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21224900.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow