Left arrow Go Back

IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-UGWALJANZA BEJN IN-NISA U L-IRĠIEL U L-PROGRAMM TA’ RIFORMA NAZZJONALI.

pr1992
Date Icon 29/10/2010
Il-proposta ta’ strateġija ġdidatal-Unjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015), ġiet diskussa llum fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC. Fil-preżentazzjoni għad-diskussjoni ta’ din l-istrateġija, Dott. Vanni Xuereb (Kap tal-MEUSAC), li mexxa l-laqgħa, qal li l-kwistjoni tal-ugwaljanza ma tolqotx biss lin-nisa imma għandha tkun kwistjoni li tiġi diskussa fuq livell nazzjonali.
Uffiċjali mill-KummissjoniNazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ppreżentaw id-dokument tal-Kummissjoni u fissru l-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq dan id-dokument. L-istrateġija tfassal azzjonijiet konkreti biex timplimenta l-ħames prijoritajiet taċ-Charter tan-Nisa li nediet l-Unjoni Ewropea din is-sena. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi t-tisħiħ tal-ugwaljanza f’dawn l-oqsma: l-indipendenza ekonomika ugwali; l-istess paga għall-istess xogħol tal-istess valur; l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; il-ħarsien tad-dinjità u l-integrità u l-waqfien tal-vjolenza; u l-ugwaljanza fl-azzjonijiet esterni tal-UE.
Matul il-preżentazzjoni ħareġ ċarli minkejja l-avvanzi li saru fil-qasam tal-ugwaljanza fil-qasam tax-xogħol, għad baqa’ x’isir, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-biċċa l-kbira tan-nisa jagħmlu xogħol part-time, kultant f’xogħol prekarju, biex jippruvaw isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Din l-istrateġija tagħmel iktar insistenza fuq li iktar nisa jiftħu negozju, isibu green jobs u jaħdmu iktar fl-oqsma tar-riċerka u tax-xjenza. Dawn u inizjattivi oħra jistgħu jseħħu billi inqas nisa jaħdmu part-time, ikollhom iktar aċċess għal child-care facilities u li iktar nisa immigranti jkunu integrati fid-dinja tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol tista’ wkoll tgħin biex jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali minħabba li huma stess ħafna drabi huma l-iktar vulnerabbli. Din l-istrateġija għandha titressaq għall-approvazzjoni quddiem il-Kunsill tal-Ministri f’Diċembru li ġej.
Is-Sur George Sultana, Diretturgħall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, qal li l-Gvern jara li din l-istrateġija se tgħin biex ikompli jsir progress fil-qasam tal-ugwaljanza u biex kemm jista’ jkun jingħelbu l-problemi li għadhom jeżistu. Huwa qal li filwaqt li l-Gvern iħares lejn il-miri tal-istrateġija, irid jikkonsidra r-realtà nazzjonali. Qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar it-tkabbir tal-opportunitajiet għan-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol billi jegħlbu l-ostakli eżistenti u jingħataw iktar inċentivi.
Il-membri qajmu numru ta’ punti,fosthom: • L-importanza li l-Gvern ikollu miri ċari permezz ta’ indikaturi ċari li jkunu jistgħu jiġu evalwati minn żmien għal żmien; • Il-bżonn ta’ iktar childcare facilities u servizzi għat-tfal; • Estensjoni tal-leave tal-maternità, anki jekk bla ħlas biex ma jkunx piż fuq min iħaddem; • Insistenza biex l-irġiel jaqsmu iktar ir-responsabbiltà tal-ħajja tal-familja; • Iktar infurzar tal-miżuri eżistenti favur il-familja; • Sapport ikbar lill-familji ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali; • Iktar insistenza fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; • Il-bżonn ta’ iktar diskussjoni nazzjonali dwar il-gender pay gap u li iktar nisa jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali u fil-Parlament.
It-tieni materja diskussa matulil-laqgħa kienet il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali (PRN) għas-snin 2010-2020. Is-Sur Martin Spiteri, Direttur għall-Iżvilupp tal-Politika fil-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, spjega kif dan il-programm għandu jitfassal b’mod li jwettaq fil-prattika l-ħames prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri x-xogħol u t-tkabbir ekonomiku, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Huwa ta ħarsa lejn dak li wassal għat-tfassil tal-istrateġija Ewropa 2020 billi l-istrateġija ta’ Liżbona kellha ħafna miri li ma ntlaħqux kif mixtieq. Imbagħad tkellem fid-dettall dwar azzjonijiet konkreti li biħsiebu jieħu l-Gvern fis-snin li ġejjin biex iwettaq dawn il-miri li jkunu ambizzjużi imma fl-istess ħin realistiċi. Qal ukoll li l-PRN għad irid jiġi żviluppat skont dak li joħroġ mill-konsultazzjoni wiesgħa li għad trid issir, biex l-abbozz finali jitressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni, f’April 2011.
Il-membri preżenti taw il-vedutitagħhom dwar dan l-abbozz tal-PRN. Fost il-kummenti li saru kien hemm: • l-enfasi li għandha tingħata lejn l-interazzjoni bejn l-enerġija u l-ambjent, b’iktar inċentivi għal enerġija alternattiva, l-ekonomija l-ħadra u l-provvisti tal-ilma tal-pajjiż; • il-koperazzjoni fuq livell Mediterranju, bl-għajnuna tal-UE għall-ħarsien tal-baħar; • l-iffukar fuq ix-xogħol għan-nisa; • l-indirizzar ta’ abbużi fil-qasam tal-impjiegi.
Fil-bidu tal-laqgħa, Dott. VanniXuereb qal illi l-Gvern għamel tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-Core Group u li, għalhekk, kienu qed jattendu għall-ewwel darba d-Direttur għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, rappreżentanti tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u tal-For.U.M.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm:Dott. Godwin Grima (Segretarju Permanenti Ewlieni), Sylvia Gauci (Segretarju Eżekuttiv – MCESD), Joe Fenech (Direttur għall-Affarijiet tal-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), Dott. Luciano Busuttil u Dott. Joe Mifsud (Partit Laburista), Arthur Rossi (CMTU), Michael Briguglio u Carmel Cacopardo (Alternattiva Demokratika), John Bencini (For.U.M.), Paul Scicluna (Kumitat Reġjonali għal Għawdex), Anna Borg u Ben Rizzo (Soċjetà Ċivili) u Dott. Diane Farrugia (Kap-Konsultazzjoni MEUSAC u segretarju tal-Core Group). Kienu preżenti wkoll membri oħra tal-istaff tal-MEUSAC, tas-segretarjat għall-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u uffiċjali mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow