Left arrow Mur Lura

Aktar opportunitajiet ta’ taħriġ lill-istudenti żgħażagħ fl-ITS f’Għawdex

pr1979
Date Icon 28/10/2010
Aktar minn sebgħinstudent Għawdxi bdew korsijiet ġewwa l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġewwa Għawdex. Hekk kif ingħata bidu għal sena skolastika oħra, l-Istitut f’Għawdex reġa’ fetaħ numru ta’ korsijiet marbuta mal-preparazzjoni tal-ikel, is-servizz ta’ ikel u xorb u materji oħra relatati ma’ servizz fis-settur turistiku.
L-Onor. GiovannaDebono, Ministru għal Għawdex u l-Onor. Dolores Cristina, Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja għamlu żjara f’dan l-Istitut fejn setgħu jiltaqgħu mal-istudenti u l-għalliema. Huma kienu akkumpanjati mill-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u minn membri tal-Board of Governors tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta kif ukoll minn membri tal-Advisory Board tal-ITS f’Għawdex.
L-Onor. GiovannaDebono fissret kif il-bini ta’ dan l-Istitut ġdid kien wieħed mill-ewwel proġetti li twettqu f’Għawdex permezz ta’ ko-finanzjament mill-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta 2004-2006u sewa investiment ta’ aktar minn €1.8 miljun. ‘Huwa investiment li sar b’risq l-edukazzjoni tal-istudenti żgħażagħ kif ukoll b’risq l-industrija turistika f’Għawdex’, qalet il-Ministru Debono. Hija spjegat kif il-faċilitajiet ta’ tagħlim u taħriġ huma faċilitajiet moderni u aġġornati biex ikunu jistgħu jwasslu l-aħjar opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ għall-parteċipanti. Fl-istess waqt dan l-istitut qed jagħti opportunità biex is-suq tax-xogħol f’Għawdex ikun provdut b’ħaddiema aktar ippreparati u mħarrġa li jaħdmu f’settur tant importanti għall-ġid ekonomiku tal-gżira.  Il-Ministru Debono semmiet kif ir-riżorsi f’dan l-Istitut qed ikunu użati wkoll fi programm li jippromwovi ikel tajjeb għas-saħħa fost l-istudenti tal-iskejjel sekondarji fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex. Dan il-programm huwa wieħed mill-inizjattivi marbuta mal-pjan ta’ azzjoni dwar eko-Għawdex li fost ħwejjeġ oħra jinkludi promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja u prattiċi tajbin għas-saħħa fost it-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin.
L-Onor. DoloresCristina fissret kif it-turiżmu huwa settur ta’ importanza kbira għal Malta u għalhekk is-sehem ta’ kull ċittadin huwa essenzjali biex nassiguraw li l-prodott turistiku tagħna jkun wieħed b’saħħtu. F’dan ir-rigward l-istudenti li joħorġu mill-Istituti għall-Istudji Turistiċi f’Malta u Għawdex għandhom iwasslu messaġġi promozzjonali għall-bqija tal-poplu biex b’hekk tiżdied il-kuxjenza pubblika u nsaħħu l-kompetittività tas-settur turistiku Malti. Il-Ministru Cristina faħħret il-kollaborazzjoni bejn l-Istituti f’Malta u Għawdex u fissret kif din hija ta’ ġid għall-istudenti u tiġi msarrfa f’suċċess għall-futur tagħhom. Hija  spjegat kif l-akbar ċertifikazzjoni tas-suċċess f’dan il-qasam ġejja mir-rapporti eċċellenti miksuba minn studenti Maltin li jmorru biex jiksbu esperjenzi ta’ xogħol u taħriġ barra minn Malta.
Sadanittant,fil-jiem li ġejjin studenti li qegħdin jipparteċipaw f’korsijiet fit-tieni livell kif ukoll oħrajn li temmew korsijiet ġewwa l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex, ser ikunu jistgħu japplikaw għal numru ta’ opportunitajiet biex jiksbu esperjenzi f’lukandi f’pajjiżi ewropej. Barraminhekk, grupp ta’ studenti għadhom kif irritornaw lura Għawdex wara esperjenza ma’ studenti oħrajn bħalhom  f’Abruzzo ġewwa l-Italja.
Qed jiġu ppjanati lijibdew korsijiet fuq bażi part-time aktar tard din is-sena, li  jinkludu preparazzjoni ta’ ikel bl-għaġina kif ukoll fis-servizz ta’ ikel u nbid.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Fuq proposta ta’ Malta, il-Pjan Ewropew għall-Kultura 2027–2030 jinkludi l-ħarsien tal-wirt kulturali taħt il-baħar

PR262001

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Fuq pr...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  IT audit: Review of the methodology for the compilation and updating of demographic statistics using multi-source administrative data

PR262000en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE IT audit: Review of the methodo...

Aktar Stqarrijiet Right arrow