il-jum dinji tal-ikel
F’dawn il-ġranet madwar id-dinja qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ikel. It-tema magħżula għal din is-sena mill-Organizazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fin-Nazzjonijiet Uniti hija Magħqudin kontra l-Ġuħ.
Din l-Organizazzjoni fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel nehdiet petizzjoni bit-titlu the 1billion hungry project bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza soċjali madwar id-dinja kontra l-faqar u l-ġuħ u biex isir kull sforz ħalli din l-isfida mondjali tingħeleb. Huwa mifhum li madwar id-dinja hawn mal-biljun ruħ li jbatu l-ġuħ. Kull min jixtieq jiffirma din il-petizzjoni jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit www.1billionhungry.com.
Intant dalgħodu f’din l-okkażżjoni l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Assistent Parlamenti Philip Mifsud żaru l-Creche tal-Ursolini f’Tas-Sliema fejn ingħataw dettalji dwar l-għajnuna f’prodotti tal-ikel li se jitqassam din is-sena.
Il-Ministru Pullicino spjega kif din l-iskema ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea issa daħlet fis-sitt sena tagħha u din is-sena d-distribuzzjoni li se tibda minn għada se tkun tikkonsisti fi prodotti bħall- ġamm, żewġ tipi ta’ għaġin, pane tostato u żewġ tipi ta’ gallettini. Dan qed issir b’investiment ta’ ‘l fuq minn nofs miljun ewro. Din l-inizzjattiva hija ffinanzjata kollha kemm hi mill-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar 6 snin pajjiżna rċieva mat-€3.5 miljun ewro f’prodotti tal-ikel biex jitqassmu lil min hu fil-bżonn.
It-tqassim tal-provvisti tal-ikel ta’ din is-sena se jibda billi jingħataw l-ewwel lill-istituzzjonijiet mhux governattivi li jinkludu orfanatrofji, djar u kunventi tal-patrijiet u sorijiet anzjani, djar ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali u emergency shelters. Lil dawn l-istituzzjonijiet se tingħatalhom provvista għal sena wara li jiġi kkonfermat li d-dħul tagħhom jiddependi biss mill-karitá u donazzjonijiet.
Dawn il-prodotti se jingħataw ukoll lid-djar residenzjali fejn se jingħataw ammont ta’ prodotti skont in-numru ta’ residenti. Id-distribuzzjoni ssir kull tliet xhur jew skont il-ħtieġa tad-dar residenzjali. Dan jiddependi l-aktar mill-ispazju. Huwa kkalkulat li għal din id-distribuzzjoni jitqassmu madwar 20% tal-prodotti.
Il-bqija tal-prodotti jitqassmu fil-parroċċi u organizzazzjonijiet sabiex jingħataw lil dawk li jippreżentaw ċertifikat maħruġ apposta mid-Dipartiment tas-Sigurtá Soċjali. Insibu 20 organizzazzjoni u 51 parroċċa li jieħdu ħsieb it-tqassim lill-benefiċjarji fuq bażi regolari. F’Għawdex jitqassmu madwar 10% tal-prodotti lil madwar 2,000 benefiċjarju. Bħalissa b’kollox huma madwar 19,000 persuna li qed jirċievu l-għajnuna minn din l-iskema.
Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min qed jgħin lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’ sabiex ħadd ma jibqa’ lura. Huwa rringrazzja lis-Sorijiet tal-Ursolini b’mod partikolari tal-ħidma tagħhom mat-tfal. Il-Ministru Pullicino appella wkoll sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ ġeneruż u jgħin lil min verament ikun fil-bżonn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261993
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...
PR261992