Left arrow Mur Lura

Diskors mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, l-Onor. Mario Galea waqt il-konferenza “Ieqaf, aħseb, ħu azzjoni” organizzata mil-Fondazzjoni Richmond fl-okkażjoni tal-Jum ddedikat għas-saħħa mentali

pr1845
Date Icon 08/10/2010

Sinjuri,

Fis-senaEwropea ddedikata kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kien dehen li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tagħżel għal Jum Dinji tas-Saħħa Mentali t-tema “Il-mard mentali, il-faqar u l-esklużjoni soċjali” – tliet fatturi li huma interlatati flimkien.
Il-mard mentali hu varju - minn mardbħad-dipressjoni akuta għall-mard aktar serju bħal skizofrenija.  Ma għandna l-ebda evidenza xjentifika li l-mard mentali serju qiegħed jiżdied – statistikament dan il-mard jaffettwa bejn 2 u 3 fil-mija tal-popolazzjoni.  Imma l-mard mentali aktar komuni bħad-dipressjoni u l-ansjeta` qiegħed kull ma jmur jiżdied.  Il-kawża prinċipali ta’ din iż-żieda hi minħabba li l-fatturi soċjali li jistgħu jwasslu għal dan il-mard qedgħin jiżdiedu fis-soċjeta` moderna tal-lum, bħal stress, tkissir tal-familji, ambjent mhux san etc. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qiegħda tipprevedi li sas-sena 2025, id-dipressjoni tkun l-aktar marda komuni fis-soċjeta` u li saħansitra se li sa tisboqq il-mard tal-qalb, id-dijabete u l-kanċer.
Din l-epidemija ta’ dipressjoni fis-soċjeta`moderna ħa tieħu pass aktar mgħaġġel milli kien previst minħabba l-kriżi finanzjarja li għaddejja minnha d-dinja. Dan għaliex il-qgħad u l-problemi finanzjarji huma fatturi ewlenin għad-dipressjoni, ansjeta` u mard psikosomatiku.  Għalkemm ma għandiex evidenza xjentifika dwar il-kriżi finanzjarja u ż-żieda fil-mard mentali, diġa’ qegħdin naraw li n-numru ta’ suwiċidji l-aktar fl-irġiel bejn il-25 u l-45 sena qed jizdiedu fl-Ewropa.  Fl-Irlanda biss iż-żieda tas-suwicidju f’sena kienet ta’ 25 fil-mija .
F’Malta, il-kriżi finanzjarja ma tantx affettwatna,grazzi għall-politika sana mħaddma mill-Gvern.  Imma ma nistgħux inserrħu rasna jew li niċħdu li ma hawnx problemi psikosoċjali f’dan il-pajjiż.  Għalkemm l-istatiska lokali dwar il-prevalenza tal-mard mentali hi fqira, nafu minn studju li sar f’żagħżagħ ta’ bejn it-tlettax u l-erbatax-il sena li l-prevalenza tad-dipressjoni hija circa ta’ wieħed u għoxrin fil-mija, li hija sitta fil-mija aktar mill-medja Ewropea.  Nafu wkoll mill-HBSC [Health Behaviour in School Children] li l-istudenti Maltin huma l-aktar li jirrappurtaw stress. Tnehhija tal-ezami tal-Common Entrance tneħħa.
Mill-Eurostat LabourForce Survey [2007] naraw ukoll li l-aktar ħaddiema Ewropej li jirrapurtaw stress kaġun tax-xogħol tagħhom huma l-Maltin. Mill- Eurobarometer dwar is-saħħa mentali li se jiġi ppubblikat mill- Kummissjoni Ewropea, naraw li n-numru ta’ Maltin li qegħdin fuq l-antidipressanti f’dawn l-aħħar tnax-il xahar żdied u llum hawn 10% tal-popolazzjoni fuq dawn il-pilloli komparat meta mqabbel mal-medja ta 7% fl-Unjoni Ewropea. L-aktar kawżi ta’ din iż-żieda huma d-dipressjoni u l-ansjeta`.
Dan l-istesssurvey juri wkoll li mis-sena 2006 kien hemm żieda ta’ 5% fin-numru ta’ Maltin li rrikorrew għal servizz professjonali minħabba l-mard mentali. – jiġifieri mal 14% tal-populazzjoni għamlet użu minn dan is-servizz li hi l-istess medja tal-pajjizi Ewropej. Din iż-żieda ma tistax tiġi interpretata biss bħala żieda fil-prevalenza ta’ dan il-mard, minħabba li l-użu tas-servizz mediku jiddependi minn diversi fatturi bħall-edukazzjoni fuq is-saħħa mentali, nuqqas ta’ stigma eċċ….  Il-Eurobarometer ma jagħtix biss stampa mwera tas-saħħa mentali f’pajjiżna għax in-numru ta’ Maltin li jħossuhom pożittivi u kuntenti f’ħajjithom hija ogħla mill-medja Ewropea – 64% versus 61%.  In-numru ta’ Maltin li jħossuhom “full of life” jew li għandhom “lots of energy” huwa ta’ bejn wieħed u ieħor 34% meta mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 29%.
Il-Gvern hu konxju tal-importanza li nagħtu aktarriżorsi għas-settur tas-saħħa mentali.  Dan il-Gvern poġġa l-qasam tas-saħħa mentali bħala prijorita` sabiex inkomplu insaħħu l-kwalita` tal-ħajja u tas-saħħa tal-poplu Malti.  Ilna mill-1995 nirriformaw dan is-settur sabiex nagħtu servizz interprofessjonali, ħolistiku u aktar effettiv lill-klijenti tagħna u lin-netwerk soċjali tagħhom.  Sena wara sena, investejna aktar riżorsi għal dan is-settur kemm b’mod finanzjarju kif ukoll permezz ta’ ħaddiema professjonali. Ftaħna servizzi fil-komunita` sabiex il-kura medika jew psikosoċjali tingħata b’mod aktar effettiv u f’waqtu.  Dalwaqt se jkonna 30 lokalita` f’Malta fejn se jkun hemm servizzi fil-komunita` għall-kura tal-mard mentali, 130 professjonist.  Mental Health Pact 2008.  Suwiċidju kull 9 minuti fl-EU li jammontaw għal 54,000 kull sena.
Minn hawn u ftit ġimgħat oħra se jibda jaħdem il-CrisisIntervention Team (Emergenza ta’ Mard Mentali).  Infakkar li medja ta’ 30% tan-nies li jbatu mid-dipressjoni, ansjeta` jew sintomi oħra psikosoċjali, jippreżentaw ruħhom għand it-tabib tal-familja mhux b’sintomi psikjatriċi jew psikoloġiċi imma b’sintomi psikosomatiċi bħan-nuqqas ta’ rqad, nuqqas ta’ aptit, għejja, uġigħ fl-istonku eċċ..  Il-Gvern hu kommess li t-taxxi tal-poplu jużahom b’mod l-aktar għaqli u l-użu tagħhom jirrendi l-aktar valur għas-soċjeta` tagħna.
Minbarra l-firxa tas-servizzi fil-komunita`irridu wkoll naraw kif ma’ Ministeri oħra u l-partijiet soċjali kollha inniedu servizzi psikoloġiċi fl-iskejjel tagħna u fuq il-post tax-xogħol fejn nafu li hemm problemi sinifikanti.  Hu smat li l-mard mentali jikkawża telf ta’ bejn 2 u 3 fil-mija tal-prodott gross nazzjonali, f’ termini reali għal Malta dan huwa telf ta’ bejn 108 – 160 miljun ewro fis-sena.
Il-Patt Ewropew għas-Saħħa Mentali u l-Kwalita`ta’ Ħajja Aħjar għażel liż-żgħażagħ u l-ħaddiema bħala prijorita` għall-ħolqien ta’ servizzi biex tiġi mħarsa s-saħħa mentali. Malta, flimkien ma’ sitt pajjiżi oħra, intalbet mill-Kummissjoni Ewropea biex tmexxi l-każ ekonomiku biex kemm il-pajjiżi Ewropej kif ukoll l-Unjoni Ewropea jagħrfu l-ħtieġa li jagħtu aktar riżorsi għas-settur tas-saħħa mentali speċjalment fil-qasam taż-żgħażagħ u fuq il-post tax-xogħol sabiex mhux biss intejbu l-kwalita` tal-għixien tal-popli tagħna, imma wkoll ikun pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex jintlaħqu l-miri Ewropej ta’ l-istrateġija 2020.
Il-mard mentali u l-faqar huma assoċjati – waħdatikkawża l-oħra.  Għalkemm id-dipressjoni m’għandha l-ebda immunita` soċjali, nafu l-mard mentali fuq skala soċjali minn wieħed sa għaxra, hu aktar komuni fil-klassi soċjali 1 – 4.  Il-faqar huwa fattur ewlieni għall-mard mentali, waqt li l-mard mentali jikkawża l-faqar billi wieħed ma jkunx fi stat li jikkontribwixxi effettivament fil-qasam ekonomiku.  Għalhekk il-mard mentali, jekk ma jkunx ikkurat, iwassal għal dħul finanzjarju inqas b’detriment għall-individwu u l-familja tiegħu.  L-effetti tal-mard mentali hu uniku għax mhux biss jaffettwa l-kwalita` ta’ ħajja tal-individwu imma jaffettwa wkoll, b’mod negattiv il-familja tiegħu – dak li insejħulu multiplier effect.
Problema serja li jiffaċċjaw nies b’mard mentalihija l-istigma jew, biex jifhimni kulħadd, id-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ta’ kuljum fis-soċjeta` tagħna.  L-istigma għandha impatt negattiv serju fuq l-individwu u l-familja tieghu. Twassal għal self estemm baxx, problemi soċjoekonomiċi u ta’ interrelazzjoni fil-familja, twassal ukoll għall-emarġinazzjoni u għall-esklużjoni soċjali bħax-xogħol u anki l-abitazzjoni.  Effett ieħor li tikkawża l-istigma hija li persuni li jbatu b’mard mentali isibuha diffiċli biex jirrikorru għall-kura minħabba l-biża’ mid-diskriminazzjoni.
Minn studju li sar fost 12-il Membru tal-UnjoniEwropea nstab li 22% ma jħossuhomx komdi jitħalltu ma’ nies b’mard mentali serju.  L-istigma hija frott ta’ idejat infundati fuq il-mard mentali li għadhom jeżistu fis-soċjeta`tal-lum bħal:

1.                  Il-mard mentali ma jitfejjaqx – Mhux veru.  Ħafna mill-mard mentali b’ kura xierqa jitfejjaq kompletament waqt li mard serju u kroniku, li hu rari, jigi kkontrollat b’kura effettiva u l-individwu jkun jista’ jgħix b’ mod san u integrali fis-soċjeta`.

2.                  In nies b’mard mentali huma inqas intelliġenti mill-medja soċjali – Mhux veru.  Ħafna minn nies b’mard mentali għandhom intelliġenza u kapaċitajiet ogħla mill-medja soċjali.  L-istorja tad-dinja hija mimlija b’nies ġenji jew ta’ statura kbira li kienu jbatu b’mard mentali.  Insemmi biss tliet persuni lkoll magħrufa – Einstein, Churchill u Roosevelt.

3.                  In nies b’mard mentali huma vjolenti u perikolużi – Din hi perċezzjoni kompletament falza u bla ebda bażi xjentifika jew soċjoloġika. L- istatistika turi li aktar nies li m’għandhomx jew li qatt ma kellhom mard mentali wettqu atti kriminali serji.  Din il-perċezzjoni hija frott tal-media. Jekk xi ħadd b’mard mentali jew li xi darba fil-passat kellu mard mentali u jagħmel xi att kriminali dan il-fatt jingħata prominenza fil-media.  Il media qatt ma ssemmi li xi ħadd b’mard tal-qalb jew dijabete wettaq att kriminali.  Il media għandha rwol importanti ħafna u għandha responsabbilta` etika u morali sabiex inxejnu id-diskriminazzjoni lejn persuni b’mard mentali. Snin ilu ġibna esperti mill-BBC sabiex jedukaw lil min jaħdem fix xandir u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni fuq il-mard mentali u kif għandhom jiġu rrappurtati l-aħbarijiet sabiex ma nkomplux inkattru l-istigma.  Jiddispjaċini ngħid li wieħed biss attenda – Fr. Joe Borg li kien imexxi l-RTK.  Nemmen li jeħtieġ inwaqqfu programmi ta’ taħriġ għall-media sabiex inkomplu inxejnu l-istigma għaliex bl-edukazzjoni nistgħu nbiddlu l-perċezzjonijiet foloz dwar persuni b’mard mentali.

Minnriċerka li saret mill-Professur Thorncroft tal-Istitut Psikjatriku f’Londra, jirriżulta li kampanji kontra l-istigma indirizzati għal massa tal-poplu mhumiex effettivi biex inaqqsu l-istigma.  L-aktar mod effettiv biex tinbidel l-attidutni lejn nies b’mard mentali huwa l-kuntatt personali.  Din wkoll hi l-esperjenza tagħna.  Għal dawn l-aħħar għaxar snin id-dipartiment tas-social workers fl-isptar Monte Karmeli implimenta programm strutturat għall-istudenti tat-tielet sena fis-sekondarja u l-għalliema tagħhom fejn għall-ġurnata sħiħa żaru l-isptar u ngħataw edukazzjoni dwar is-saħħa mentali u integraw mal-pazjenti rikoverati f’dan l-Isptar.  Ir-rispons li kellna kemm mill-istudenti kif ukoll mill-għalliema tagħhom kien wieħed pożittiv u din l-esperjenza twassalhom biex ibidlu l-attitudni u l-perċezzjoni tagħhom lejn persuni b’mard mentali.
Fl-aħħar nett, għal dawk li għaddejjin minn problemita saħħa mentali, ngħalaq b’messaġġ ta’ Madre Teresa, li kienet tgħid hekk:    “Naf li Alla ma jagħtinix aktar milli niflaħ, imma kont nixtieq ħafna li kieku ma kienx jafdani daqshekk.”  Grazzi mill-qalb.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

Aktar Stqarrijiet Right arrow