Tnedija tal-Manwal CROSSROADS għall-Għalliema tal-Istudji Soċjali fl-Iskejjel Sekondarji u tal-eHandbook għall-Ġenituri
L‑Aġenzija Sedqa dalgħodu nediet pubblikazzjonijiet ġodda għall‑istudenti u l‑ġenituri waqt attività fil-Junior Lyceum Carlo Diacono, parti mill-Kulleġġ St. Thomas More fiż‑Żejtun. Dan il-materjal jinkludi l-manwal interattiv CROSSROADS, li huwa mmirat għall-għalliema tal-Istudji Soċjali fl-iskejjel sekondarji, u e-handbook b’materjal informattiv għall-ġenituri.
§ Fl-indirizz tagħha l-Ministru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina qalet li l-prevenzjoni, f’kull aspett tal-ħajja, hija importanti ħafna sa minn età żgħira. It-trawwim ta’ ċerti valuri sa miċ-ċokon tal-persuna jgħin, biex it-tfal jikbru f’żgħażagħ u adulti b’saħħithom.
§ Il-prevenzjoni mill-abbuż ta’ sustanzi, hi mportanti li ssir kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll f’dawk sekondarji. L-Aġenzija Sedqa dejjem kienet minn ta’ quddiem f’dan il-qasam u dejjem ħadmet biex tippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħitha ‘l bogħod mill-abbuż, fost studenti ta’ etajiet diversi.
§ Il-Ministru Cristina saħqet li l-iskola hi meqjusa bħala t-tieni dar għat-tfal. Għalhekk l-edukaturi għandhom rwol importanti ħafna biex iwasslu messaġġi ta’ prevenzjoni lill-istudenti. Ir-responsabbiltà hi tal-edukaturi kollha f’daqqa – jiġifieri ta’ dawk kollha li huma involuti fit-trobbija tat-tfal.
§ Inizjattivi bħal CROSSROADS, huma għodda siewja għall-għalliema fil-qadi ta’ dan id-dmir waqt li t-tfal ikunu qed jitgħallmu permezz ta’ metodi innovattivi.
§ Hu essenzjali li t-tfal u ż-żgħażagħ jitgħallmu minn sorsi nfurmati u ta’ min joqgħod fuqhom bħalma huma l-għalliema u l-ġenituri, dwar oqsma delikati fil-ħajja tagħhom, bħalma huma l-abbuż minn sustanzi,. B’hekk jonqos ir-riskju li jiksbu informazzjoni żbaljata u li jieħdu deċiżjonijiet bla ma jkunu jafu x’inhuma l-konsegwenzi, li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw il-futur tagħhom.
§ Il-Ministru Cristina saħqet li l-ġenituri għandhom id-dmir li jżommu ruħhom aġġornati f’dak kollu li qed jiġri madwarhom. B’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħtu l-aqwa trobbija lil uliedhom. Jittieħdu diversi inizjattivi li huma mmirati biex jgħinu lill-ġenituri f’dan ir-rigward.
§ Aktar kmieni din is-sena, l-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali nidiet kampanja informattiva dwar trobbija pożittiva; matul is-sena jsiru laqgħat regolari għall-ġenituri kemm fl-iskejjel kif ukoll fil-komunità; u llum qed jiġi mniedi wkoll l-E-handbook. Għalhekk appellat lill-ġenituri biex jinvolvu ruħhom b’mod prattiku u dirett fit-trobbija ta’ wliedhom, irrispettivament mill-età li jkunu fiha.
| Sina Bugeja, Kap | Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, spjegat kif għodod bħal CROSSROADS u l-E-handbook, jgħinu sabiex jintlaħqu kemm jista’ jkun tfal u ġenituri, f’diversi kuntesti u ambjenti differenti, u kif dan jikkumplimenta l‑ħidma li ssir mill‑Aġenziji fi ħdan il‑Fondazzjoni kemm fl‑iskejjel kif ukoll fil‑komunità. Is-Sinjura Bugeja sostniet li kull ħidma li titwettaq mat-tfal, toffri riżultati pożittivi minħabba li nkunu qed nattrezzawhom b’ħiliet u informazzjoni li ser isibu utli kif jilħqu l-adoloxxenza u jibdew jiffaċċjaw ċerti sfidi marbuta ma’ fażijiet differenti f’ħajjithom. Hija qalet ukoll li permezz tal-E-handbook il-ġenituri għandhom iċ-ċans iżommu ruhhom aġġornati u b’hekk ikunu jistgħu jipprovdu trobbija pożittiva u jkunu ta’ gwida għal uliedhom. |
| Is-Sur Jesmond Schembri, | Direttur tal-Operat tal-Aġenzija Sedqa kompla jispjega kif dawn il-proġetti huma biss parti żgħira minn numru ta’ inizjattivi li jitwettqu matul is-sena mis‑Servizzi ta’ Prevenzjoni tal‑Aġenzija, u jirriflettu l-impenn tal-Aġenzija lejn it-tisħiħ tal-edukazzjoni u prevenzjoni. Is-Sur Schembri spjega kif il‑materjal fi CROSSROADS għandu l-għan li jsaħħaħ l-iżvilupp personali u soċjali tal-istudent. Dan il-materjal interattiv jikkumplimenta s-sillabu tal-Istudji Soċjali u l-għalliema jistgħu jaddattawh skont il-ħtiġijiet tal-klassi tagħhom, għall-benefiċċju tal-istudenti. Huwa qal ukoll li l-E-handbook ser ikun mezz konvenjenti kif il-ġenituri jaċċessaw materjal edukattiv dwar it-trobbija ta’ uliedhom, kemm dawk li għadhom fiż-żmien bikri tat-tfulija u kif ukoll dawk li għaddejin miż-zmien tal-adoloxxenza. |
| Permezz tal-manwal | CROSSROADS l-għalliema tal-Istudji Soċjali, għandhom iċ-ċans jidħlu f’oqsma relatati mal-abbuż ta’ sustanzi waqt il-lezzjonijiet tagħhom u jintegraw dawn is‑suġġetti fil‑kurrikulu li jsegwu mal‑istudenti fil‑klassi. Dan huwa possibli permezz ta’ metodi prattiċi u interattivi bħal case studies, noti, xogħol għal waqt il-klassi kif ukoll għad-dar, logħob edukattiv, quizzes, preżentazzjonijiet u videos. Is-suġġetti f’din is-CD huma konformi mas-sillabu tal-forms kollha tal‑iskejjel sekondarji, mill-ewwel sal-ħames sena. Dawn huma: saħħa u xogħol; soċjalizzazzjoni; mass media; u r‑relazzjoni tagħna mal‑oħrajn. Din hija r-raba’ edizzjoni ta’ CROSSROADS, bl-edizzjonijiet preċedenti jkunu għas-suġġetti tal-PSD, Malti u Home Economics u li ġew imnedija fis‑snin li għaddew. L‑Aġenzija ser tqassam kopji tal‑edizzjoni l‑ġdida ta’ CROSSROADS fost l-għalliema tal-Istudji Soċjali kollha, fl-iskejjel rispettivi tagħhom kemm skejjel tal-Gvern, kif ukoll skejjel privati u tal-Knisja. Għalliema prospettivi tal-istess suġġett jistgħu jikkuntattjaw lill-Aġenzija Sedqa għal kopja. L‑edizzjonijiet ta’ qabel huma aċċessibbli mis‑sit elettroniku tal‑Aġenzija Sedqa. |
| L-E-handbook | jinkludi numru ta’ artikli, miktuba minn diversi professjonisti, li jittrattaw suġġetti ta’ interess għall-ġenituri kollha. Dan il-materjal hu intenzjonat li jservi ta’ gwida għall-ġenituri, speċjalment dawk li ma jkunux jistgħu jattendu l-attivitajiet li torganizza l-Aġenzija Sedqa. Is-suġġetti jinkludu: l-importanza ta’ valuri u personalità b’saħħithom; komunikazzjoni effettiva, l-isfidi ta’ single parenting, kif nifhmu l-istadji differenti tal-iżvilupp tat-tfal; kif tidentifika abbuż fuq it-tfal; imġiba vjolenti fost l-adoloxxenti; iż-żgħażagħ u l-binge drinking; il‑vizzji u l-effetti tagħhom; kif għandek tfittex assistenza professjonali f’każ ta’ diffikultajiet; u oħrajn. Dan il-materjal ser ikun aċċessibli mis-sit tal-Aġenzija Sedqa fil-jiem li ġejjin. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261993
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...
PR261992