Left arrow Mur Lura

FESTUBRU 2010’ FIL-WIED TAL-LUNZJATA F’GĦAWDEX

pr1805
Date Icon 04/10/2010

Għat-tieni sena konsekuttiva, fil-Wied pittoresk tal-Lunzjata, limiti ta’ Kerċem, nhar il-Ġimgħa ngħata bidu għall-FESTUBRU, festival ta’ tradizzjoni, ikel u folklor, organizzat għal tmiem il-ġimgħa, mill-Għaqda Filarmonika San Girgor bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, inawgurat din it-tieni edizzjoni hekk kif ingħata bidu għall-attivitajiet ta’ filgħaxija wara li filgħodu ġew organizzati żjajjar għat-tfal tal-iskejjel.  Filwaqt li ferħet lil din is-soċjetà filarmonika għall-inizjattiva tagħha biex torganizza attivitajiet li tfasslu b’mod maħsub u mirqum, il-Ministru għal Għawdex sostniet li temmen li dak kollu li ġie ppjanat fil-programm huwa evokattiv ta’ tradizzjonijiet qodma li ntirtu minn ġenerazzjonijiet Għawdxin tal-passat. Hija qalet li FESTUBRU jilħaq l-objettivi ta’ dik li hi l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fir-rigward ta’ politika marbuta ma’ żvilupp sostenibbli.  Żiedet tgħid li din l-attività hija xhieda tal-attenzjoni li qed tingħata biex dak li hu ta’ valur f’dak kollu li jirrapreżenta l-wirt storiku, naturali u karatteristiku tal-gżira, jiġi protett u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li din l-attività se tkun attrazzjoni miżjuda biex jiġi espost il-karattru Għawdxi u b’hekk it-tradizzjonijiet Għawdxin li jagħmlu parti importanti mill-identità tal-gżira, jibqgħu ħajjin.

Minbarral-attivitajiet li saru wkoll matul is-sena li għaddiet, FESTUBRU 2010 qed joffri attrazzjonijiet ġodda bil-ħsieb li jattiraw lill-poplu Għawdxi kif ukoll lill-Maltin u t-turisti li jinsabu fil-gżira Għawdxija, lejn l-inħawi ta’ sbuħija naturali f’Wied il-Lunzjata. Dawn l-attrazzjonijiet jinkludu fost l-oħrajn, it-Tverna tal-Inbid Għawdxi fejn wieħed jista’ jiekol ikel tradizzjonali u jixrob inbid lokali, is-Seħer tal-Falkuni – wirja ta’ diversi għasafar tal-priża fosthom il-Falkun, u Mill-Ġeżża san-Nisġa – il-proċess sħiħ tal-insiġ tas-suf tan-ngħaġ li jinkludi l-ħasil tas-suf, l-infix tas-suf, l-għażel tas-suf, it-tkebbib tas-sufa mil-ħall sal-kobba, u l-insiġ fuq in-newl bil-mod tradizzjonali. Matul it-tlett ijiem ġew organizzati wirjiet, esebizzjonijiet u żjajjar f’postijiet ta’ interess fl-inħawi filwaqt li kien hemm ukoll animazzjoni minn gruppi folkloristi u rikostruzzjoni ta’ xeni storiċi ta’ żmien il-kavallieri li għandhom rabta ma’ dan il-post. Attrazzjoni unika hija dik marbuta mal-logħba tal-brilli li hija logħba tradizzjonali fejn jiġu garati formo ta’ fliexken tal-injam. F’Għawdex din il-logħba għadha tintlagħab biss f’Kerċem u fl-Għarb.
Il-Wiedtal-Lunzjata huwa wieħed mill-widien l-aktar fertili tal-gżira ta’ Għawdex minħabba l-ilma li kontinwament inixxi. Ma kienx jonqos li l-organizzaturi ma’ jinkludux bejgħ ta’ prodotti agrikoli friski li jiġu mkabbra fl-egħlieqi tal-madwar.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

Aktar Stqarrijiet Right arrow