Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-PM, L-ONOR LAWRENCE GONZI, WAQT IL-KONFERENZA STAMPA DWAR IL-PUBBLIKAZZJONI TAL-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROTEZZJONI TA’ MIN JIŻVELA INFORMAZZJONI LI TKUN PROTETTA; U L-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA KAP 326

pr1785
Date Icon 30/09/2010

Il-Ħamis, 30 ta’ Settembru 2010 - Sala tal-Ambaxxaturi, Berġa ta’ Kastilja, Valletta

Sinjuri,

Illumqegħdin nippubblikaw il-Whistleblower’s Act fejn tingħata protezzjoni lil min jikxef atti ta’ korruzzjoni u qed nippubblikaw l-emendi biex insaħħu l-Liġi dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Dawnhuma żviluppi oħra importanti fil-politika tagħna ta’ Gvernar għaqli, biex insaħħu t-trasparenza u l-accountability f’pajjiżna u biex niġġieldu aktar il-korruzzjoni.
B’dak liqed nagħmlu llum bdejna nwettqu wkoll żewġ wegħdiet elettorali oħra importanti li għamilna lill-poplu Malti u Għawdxi fil-programm elettorali li ġie preżentat għall-elezzjoni li saret fit-8 ta’ Marzu tal-2008.
Il-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni, kontral-illegalità, kontra l-irregolarità mhux ser nibdewha llum.  Hemm sensiela twila ta’ liġijiet li saru fl-aħħar snin li bihom ix-xenarju lejn is-sewwa ssoda.  Għal dan il-Gvern, ma hemm l-ebda kompromess mal-valur tas-sewwa.  Ma’ dak li hu ġust.  Mal-verità.  U dawn il-liġijiet li qed nippubblikaw illum huma ħoloq oħra importanti f’din il-katina.
Maħallejniex, u anqas m’aħna ser nippermettu, li mmorru lura fis-snin għall-illegalitajiet li kellna:  meta l-pajjiż staġna bis-sħiħ u l-korruzzjoni kienet tant qawwija li kienet tidħol f’kull parti tal-ħajja, tant li kienet istituzzjonalizzata.  Kienet hekk għax l-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien ma kellhiex il-kontrolli neċessarji, anzi ma kellhiex il-ħeġġa, li tiġġieled il-korruzzjoni.  Dan il-Gvern mhux hekk.
Illumil-poplu u l-pajjiż mxew passi kbar ‘il quddiem.  Dan seħħ għax konna determinati li l-indafa fl-amministrazzjoni xierqa tal-pajjiż tirbaħ u dan billi daħħalna numru kbir ta’ liġijiet li permezz tagħhom assigurajna li min jaġixxi b’mod ħażin jiġi penalizzat.  Ma qagħadniex lura milli nieħdu passi kontra min kiser il-liġi u daħal fil-kriminalità.
Irrid,iva, infakkar li kien dan il-Gvern:

•           li wiegħed l-Uffiċċju tal-Ombudsman u ma qagħadx jaħsibha biex introduċih;

•           li daħħal il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li ħadmet u li qed tkompli taħdem;

•           li żied ir-reati kriminali fil-Kodiċi Penali u żdiedu l-pieni għal min jinvolvi ruħu f’atti ta’ korruzzjoni;

•           li waqqaf il-Kumitat Parlamentari għall-iskrutinju intern tal-amministrazzjoni ippresedut minn deputat tal-Oppożizzjoni;

•           li daħħal l-Internal Audit and Investigations Directorate fis-Servizz Pubbliku sabiex jara li dak li qed jintefaq huwa sewwa u korrett; u

•           li ħa ħsieb jissoda l-poteri u l-indipendenza tal-Qrati tagħna.

Mhuxbiss, imma dan il-Gvern ħa ħsieb li f’diversi liġijiet oħra, fosthom dik tal-Kunsilli Lokali, jgħolli l-livelli fl-imġieba u l-korrettezza li huma għodod neċessarji sabiex nikkumbattu b’ħilitna kollha dawk li jiġu ttantati jew jaqgħu fit-tentazzjoni.  Fl-emendi li saru, għamilna bidla importanti fejn is-Segretarji Eżekuttivi saru Uffiċjali Pubbliċi li jwieġbu lill-amministrazzjoni pubblika u mhux lill-Kunsilli Lokali.  Dan qiegħed isaħħaħ it-trasparenza u jtella’ fil-wiċċ nuqqasijiet li jista’ jkun hemm f’xi Kunsilli Lokali.
Qedinwettqu politika ta’ Gvernar għaqli li tagħraf l-isfidi u mhux taħrab minnhom, għaliex l-igvernar għaqli hu essenzjali għall-iżvilupp u l-progress ekonomiku u soċjali tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna.  Qed inwettqu politika li tiġġieled il-korruzzjoni bil-qawwa kollha.  U billi qed niġġieldu aktar il-korruzzjoni u din qed tinqabad aktar, din tfeġġ aktar fl-aħbarijiet u tħalli impressjoni li l-korruzzjoni qed tiżdied.  Il-fatt hu li bi gvernar għaqli, daħħalna u żidna l-istituzzjonijiet li jaħdmu favur it-trasparenza u l-accountability u li jiġġieldu l-korruzzjoni u għalhekk il-korruzzjoni ssir magħrufa u tinqabad u jittieħdu l-passi.
Ebdapajjiż, ebda Stat modern u demokratiku bħal ma huwa tagħna ma jista’ joqgħod lura u ma jaġġornax kontinwament il-liġijiet tiegħu sabiex jiġġieled kontra kull forma ta’ illegalità.  Dan nafuh u kien għalhekk li żammejna ruħna u ser nibqgħu iffukati sabiex naraw li b’dak li qed nagħmlu nnaddfu aħjar, naqbdu lil min qiegħed jiżbalja u nagħtu eżempju.
L-iskoptal-liġi huwa mibni fuq żewġ binarji: l-ewwel, li biha qiegħed jiġi stabbilit l-Istat x’qiegħed jistenna miċ-ċittadini tiegħu.  It-tieni, li min xorta waħda jibqa’ ma jridx jimxi mal-liġi jagħraf li ġaladarba ser jixxellef huwa ser isib il-forza tal-ordni warajh u dan biex inħarsu s-sewwa u l-poplu Malti li jrid is-serjetà.
Wara lidawn iż-żewġ liġijiet jiġu pubblikati fil-gazzetta tal-Gvern, jibda d-dibattitu fil-Parlament.  L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Min jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta huwa mmirat sabiex jassigura li l-liġijiet tal-pajjiż jiġu osservati iktar għax fih qegħdin nagħtu protezzjoni lil min jersaq, b’wiċċu ‘l quddiem u jikxef dak li qiegħed isir ħażin, sija f’kumpaniji privati u kummerċjali, kif ukoll fi ħdan il-Gvern.
B’dinil-liġi dak l-impjegat, dik il-persuna li tara li hemm irregolarità ser ikollha issa l-vantaġġ li l-liġi tagħtiha għax tipproteġiha u għalhekk għandha issa kull interess li tiġi b’wiċċha ‘l quddiem u tirrapporta l-aġir żbaljat biex ikunu jistgħu jittieħdu passi.
Danjgħodd għal dawk li huma ċittadini ġenwini, in buona fede u mhux għal dawk li jkunu involuti huma stess f’reati kriminali.  Dawn xorta jittieħdu passi kontra tagħhom sakemm il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, skont il-poteri li hija għandha, ma tirrakkomandax b’mod differenti.
B’danl-Att qed nassiguraw li l-proċess tagħna li nidħlu fil-fond, fid-dettall sabiex is-sewwa jirbaħ, qiegħed ikompli jsir bl-iktar mod determinat u bil-perseveranza li jistħoqqlu.
It-tieniżvilupp hu marbut mal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Din il-Kummissjoni diġà għamlet ħafna ħidma tajba u t-tieni Abbozz ta’ Liġi huwa dak li permezz tiegħu ser nemendaw l-Att li jirregolaha f’żewġ direzzjonijiet importanti.  L-ewwel, billi qegħdin inżidu r-reati li jikkostitwixxu atti ta’ korruzzjoni, kif ukoll indaħħlu s-settur privat taħthom u t-tieni, billi ser jiġi maħtur Prosekutur Speċjali b’poteri diretti sabiex jaħdem taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni biex twettaq dmirha aħjar u b’iktar reqqa.
B’dawnil-passi qegħdin nerġgħu nibagħtu l-messaġġ dirett lil kulħadd li dan huwa Gvern li huwa determinat li jkompli jgħolli l-istandards, li jesiġi korrettezza, li l-valuri tas-sewwa jkunu mħaddma sew, li jrid ikompli jara li l-liġi u l-legalità jiġu rispettati, li l-illegalità tiġi miġġielda b’iktar għodda u li ser inkomplu nassiguraw u niggarantixxu livelli ogħla fl-amministrazzjoni b’iktar trasparenza, kontrolli u gvernar għaqli.
Għall-pubblikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet illumtlabna jattendu lis-Segretarji Permanenti; lid-Direttur Ġenerali tas-Servizz Pubbliku u liċ-Chairpersons ta’ Awtoritajiet u Korporazzjonijiet fis-Settur Pubbliku.  Dan għamilnieh għaliex il-messaġġ tagħna lilkom hu ċar.  Intom għandkom responsabbiltajiet kbar li qed iġġorru fuq spallejkom.  Għandkom ir-responsabbiltà diretta ta’ dak li jiġri, tal-amministrazzjoni tad-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtkom.  Intom tridu tkunu wkoll l-għassiesa tas-sewwa, tridu tkunu viġilanti, tridu taraw li l-politika tal-Gvern ta’ Gvernar għaqli tinfirex fil-livelli kollha.
Jiena ul-Gvern determinati li nimxu ‘l quddiem biex b’riżultat ta’ gvernar għaqli jitkattar il-ġid li jitqassam b’ġustizzja soċjali biex ħadd ma jibqa’ lura u jkollna aktar żvilupp ekonomiku soċjali għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

Aktar Stqarrijiet Right arrow