DISKORS MILL-PM, L-ONOR LAWRENCE GONZI, WAQT IL-KONFERENZA STAMPA DWAR IL-PUBBLIKAZZJONI TAL-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROTEZZJONI TA’ MIN JIŻVELA INFORMAZZJONI LI TKUN PROTETTA; U L-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA KAP 326
Il-Ħamis, 30 ta’ Settembru 2010 - Sala tal-Ambaxxaturi, Berġa ta’ Kastilja, Valletta
Sinjuri,
| Illum | qegħdin nippubblikaw il-Whistleblower’s Act fejn tingħata protezzjoni lil min jikxef atti ta’ korruzzjoni u qed nippubblikaw l-emendi biex insaħħu l-Liġi dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. |
| Dawn | huma żviluppi oħra importanti fil-politika tagħna ta’ Gvernar għaqli, biex insaħħu t-trasparenza u l-accountability f’pajjiżna u biex niġġieldu aktar il-korruzzjoni. |
| B’dak li | qed nagħmlu llum bdejna nwettqu wkoll żewġ wegħdiet elettorali oħra importanti li għamilna lill-poplu Malti u Għawdxi fil-programm elettorali li ġie preżentat għall-elezzjoni li saret fit-8 ta’ Marzu tal-2008. |
| Il-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni, kontra | l-illegalità, kontra l-irregolarità mhux ser nibdewha llum. Hemm sensiela twila ta’ liġijiet li saru fl-aħħar snin li bihom ix-xenarju lejn is-sewwa ssoda. Għal dan il-Gvern, ma hemm l-ebda kompromess mal-valur tas-sewwa. Ma’ dak li hu ġust. Mal-verità. U dawn il-liġijiet li qed nippubblikaw illum huma ħoloq oħra importanti f’din il-katina. |
| Ma | ħallejniex, u anqas m’aħna ser nippermettu, li mmorru lura fis-snin għall-illegalitajiet li kellna: meta l-pajjiż staġna bis-sħiħ u l-korruzzjoni kienet tant qawwija li kienet tidħol f’kull parti tal-ħajja, tant li kienet istituzzjonalizzata. Kienet hekk għax l-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien ma kellhiex il-kontrolli neċessarji, anzi ma kellhiex il-ħeġġa, li tiġġieled il-korruzzjoni. Dan il-Gvern mhux hekk. |
| Illum | il-poplu u l-pajjiż mxew passi kbar ‘il quddiem. Dan seħħ għax konna determinati li l-indafa fl-amministrazzjoni xierqa tal-pajjiż tirbaħ u dan billi daħħalna numru kbir ta’ liġijiet li permezz tagħhom assigurajna li min jaġixxi b’mod ħażin jiġi penalizzat. Ma qagħadniex lura milli nieħdu passi kontra min kiser il-liġi u daħal fil-kriminalità. |
| Irrid, | iva, infakkar li kien dan il-Gvern: |
• li wiegħed l-Uffiċċju tal-Ombudsman u ma qagħadx jaħsibha biex introduċih;
• li daħħal il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li ħadmet u li qed tkompli taħdem;
• li żied ir-reati kriminali fil-Kodiċi Penali u żdiedu l-pieni għal min jinvolvi ruħu f’atti ta’ korruzzjoni;
• li waqqaf il-Kumitat Parlamentari għall-iskrutinju intern tal-amministrazzjoni ippresedut minn deputat tal-Oppożizzjoni;
• li daħħal l-Internal Audit and Investigations Directorate fis-Servizz Pubbliku sabiex jara li dak li qed jintefaq huwa sewwa u korrett; u
• li ħa ħsieb jissoda l-poteri u l-indipendenza tal-Qrati tagħna.
| Mhux | biss, imma dan il-Gvern ħa ħsieb li f’diversi liġijiet oħra, fosthom dik tal-Kunsilli Lokali, jgħolli l-livelli fl-imġieba u l-korrettezza li huma għodod neċessarji sabiex nikkumbattu b’ħilitna kollha dawk li jiġu ttantati jew jaqgħu fit-tentazzjoni. Fl-emendi li saru, għamilna bidla importanti fejn is-Segretarji Eżekuttivi saru Uffiċjali Pubbliċi li jwieġbu lill-amministrazzjoni pubblika u mhux lill-Kunsilli Lokali. Dan qiegħed isaħħaħ it-trasparenza u jtella’ fil-wiċċ nuqqasijiet li jista’ jkun hemm f’xi Kunsilli Lokali. |
| Qed | inwettqu politika ta’ Gvernar għaqli li tagħraf l-isfidi u mhux taħrab minnhom, għaliex l-igvernar għaqli hu essenzjali għall-iżvilupp u l-progress ekonomiku u soċjali tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna. Qed inwettqu politika li tiġġieled il-korruzzjoni bil-qawwa kollha. U billi qed niġġieldu aktar il-korruzzjoni u din qed tinqabad aktar, din tfeġġ aktar fl-aħbarijiet u tħalli impressjoni li l-korruzzjoni qed tiżdied. Il-fatt hu li bi gvernar għaqli, daħħalna u żidna l-istituzzjonijiet li jaħdmu favur it-trasparenza u l-accountability u li jiġġieldu l-korruzzjoni u għalhekk il-korruzzjoni ssir magħrufa u tinqabad u jittieħdu l-passi. |
| Ebda | pajjiż, ebda Stat modern u demokratiku bħal ma huwa tagħna ma jista’ joqgħod lura u ma jaġġornax kontinwament il-liġijiet tiegħu sabiex jiġġieled kontra kull forma ta’ illegalità. Dan nafuh u kien għalhekk li żammejna ruħna u ser nibqgħu iffukati sabiex naraw li b’dak li qed nagħmlu nnaddfu aħjar, naqbdu lil min qiegħed jiżbalja u nagħtu eżempju. |
| L-iskop | tal-liġi huwa mibni fuq żewġ binarji: l-ewwel, li biha qiegħed jiġi stabbilit l-Istat x’qiegħed jistenna miċ-ċittadini tiegħu. It-tieni, li min xorta waħda jibqa’ ma jridx jimxi mal-liġi jagħraf li ġaladarba ser jixxellef huwa ser isib il-forza tal-ordni warajh u dan biex inħarsu s-sewwa u l-poplu Malti li jrid is-serjetà. |
| Wara li | dawn iż-żewġ liġijiet jiġu pubblikati fil-gazzetta tal-Gvern, jibda d-dibattitu fil-Parlament. L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Min jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta huwa mmirat sabiex jassigura li l-liġijiet tal-pajjiż jiġu osservati iktar għax fih qegħdin nagħtu protezzjoni lil min jersaq, b’wiċċu ‘l quddiem u jikxef dak li qiegħed isir ħażin, sija f’kumpaniji privati u kummerċjali, kif ukoll fi ħdan il-Gvern. |
| B’din | il-liġi dak l-impjegat, dik il-persuna li tara li hemm irregolarità ser ikollha issa l-vantaġġ li l-liġi tagħtiha għax tipproteġiha u għalhekk għandha issa kull interess li tiġi b’wiċċha ‘l quddiem u tirrapporta l-aġir żbaljat biex ikunu jistgħu jittieħdu passi. |
| Dan | jgħodd għal dawk li huma ċittadini ġenwini, in buona fede u mhux għal dawk li jkunu involuti huma stess f’reati kriminali. Dawn xorta jittieħdu passi kontra tagħhom sakemm il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, skont il-poteri li hija għandha, ma tirrakkomandax b’mod differenti. |
| B’dan | l-Att qed nassiguraw li l-proċess tagħna li nidħlu fil-fond, fid-dettall sabiex is-sewwa jirbaħ, qiegħed ikompli jsir bl-iktar mod determinat u bil-perseveranza li jistħoqqlu. |
| It-tieni | żvilupp hu marbut mal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Din il-Kummissjoni diġà għamlet ħafna ħidma tajba u t-tieni Abbozz ta’ Liġi huwa dak li permezz tiegħu ser nemendaw l-Att li jirregolaha f’żewġ direzzjonijiet importanti. L-ewwel, billi qegħdin inżidu r-reati li jikkostitwixxu atti ta’ korruzzjoni, kif ukoll indaħħlu s-settur privat taħthom u t-tieni, billi ser jiġi maħtur Prosekutur Speċjali b’poteri diretti sabiex jaħdem taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni biex twettaq dmirha aħjar u b’iktar reqqa. |
| B’dawn | il-passi qegħdin nerġgħu nibagħtu l-messaġġ dirett lil kulħadd li dan huwa Gvern li huwa determinat li jkompli jgħolli l-istandards, li jesiġi korrettezza, li l-valuri tas-sewwa jkunu mħaddma sew, li jrid ikompli jara li l-liġi u l-legalità jiġu rispettati, li l-illegalità tiġi miġġielda b’iktar għodda u li ser inkomplu nassiguraw u niggarantixxu livelli ogħla fl-amministrazzjoni b’iktar trasparenza, kontrolli u gvernar għaqli. |
| Għall-pubblikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet illum | tlabna jattendu lis-Segretarji Permanenti; lid-Direttur Ġenerali tas-Servizz Pubbliku u liċ-Chairpersons ta’ Awtoritajiet u Korporazzjonijiet fis-Settur Pubbliku. Dan għamilnieh għaliex il-messaġġ tagħna lilkom hu ċar. Intom għandkom responsabbiltajiet kbar li qed iġġorru fuq spallejkom. Għandkom ir-responsabbiltà diretta ta’ dak li jiġri, tal-amministrazzjoni tad-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtkom. Intom tridu tkunu wkoll l-għassiesa tas-sewwa, tridu tkunu viġilanti, tridu taraw li l-politika tal-Gvern ta’ Gvernar għaqli tinfirex fil-livelli kollha. |
| Jiena u | l-Gvern determinati li nimxu ‘l quddiem biex b’riżultat ta’ gvernar għaqli jitkattar il-ġid li jitqassam b’ġustizzja soċjali biex ħadd ma jibqa’ lura u jkollna aktar żvilupp ekonomiku soċjali għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. |
Other Press Releases:
PR261993
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...
PR261992