Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-ghOTI TA’ SCHOLARSHIPS - ĊENTRU TAL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, IL-BELT VALLETTA – IT-TLIETA 28 TA’ SETTEMBRU 2010

pr1761
Date Icon 29/09/2010

Onor Prim Ministru

Mistiedna distinti

Studenti

Sinjuri

Huwa ta’sodisfazzjon kbir għalija li nkun hawn illejla bħala Ministru tal-Edukazzjoni.  Iċ-ċerimonja ta’ llum hija prova oħra bil-fatti kemm dan il-Gvern jemmen u qiegħed jinvesti fl-edukazzjoni tal-poplu Malti.  Hija stqarrija tat-twemmin tagħna fil-potenzjal tal-Maltin.  Hija investiment fikom li ħa tirċevu dan l-ischolarship kif ukoll fil-pajjiż.
Biex inżidu l-ħażna ta’għerf li għandu pajjiżna u biex inkunu kapaċi noħolqu u nivvintaw modi kif dan l-għerf nittraduċuħ f’applikazzjonijiet ġodda li jgħinu lil pajjiżna jkompli jsir kompetittiv u allura jimxi ‘l quddiem u joffri livell ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini tiegħu, irridu ninvestu bis-sħiħ fir-Riċerka u l-Iżvilupp.
Il-Gvern fehem danil-bżonn u għalhekk fl-aħħar snin żied sostanzjalment in-nefqa tiegħu fir-riċerka u l-iżvilupp. Skond l-aħħar statistika pubblikata mill-Unjoni Ewropea, Malta hi s-sitt l-aktar pajjiż li qed jinvesti fir-Riċerka u l-Iżvilupp, ras għal ras għal kull membru tal-popolazzjoni.
Wieħed mill-modi kif qedisir dan l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp hu permezz tad-diversi skemi ta’ Boroż ta’ Studju li l-Gvern nieda f’dawn l-aħħar snin u li permezz tagħhom sa tmiem din is-sena se nkunu qassamna aktar minn 1085 Borża ta’ Studju fl-aħħar ħames snin b’investiment ta’ €11.6-il miljun.
Il-parti l-kbira ta’dawn il-Boroż ta’ Studju marru biex studenti Maltin komplew jistudjaw fil-livell ta’ Masters u Dottorat.  L-istudju f’dawn il-livelli jitlob ħin twil ta’ riċerka biex ikunu ppreżentati teżijiet u proġetti innovattivi li mbagħad, minn fuq il-karta  jkunu jistgħu jiġu tradotti fi prodotti u applikazzjonijiet ġodda għall-ġid tal-pajjiż u f’ħafna każi – bħal fil-każ tal-mediċina – għall-ġid tal-komunita’ internazzjonali kollha kemm hi.
Nafu u nfakkru lilnanfusna kuljum li pajjiżna m’għandu ebda riżorsa ħlief l-imħuħ tan-nies tiegħu u allura rridu ninvestu f’dan. U hekk qed nagħmlu bid-diversi Boroż ta’ Studju li qed noffru – issa anke fl-innovazzjoni u l-kreattivita’.
Nafu li pajjiżna iridikun kompetittiv biex jibqa’ jirbaħ il-ħalel tal-kriżi ekonomika li għadha qed tolqot id-dinja u li għarrqu numru ta’ pajjiżi ferm akbar minnha.  Ir-Riċerka u l-Iżvilupp huma ċ-ċavetta għall-innovazzjoni li tissarraf f’kompetittivita’ aħjar.
Id-disinn u l-iżviluppta’ prodotti u servizzi ġodda huma fatturi kruċjali biex l-ekonomija tkompli tiżviluppa u timxi ‘l quddiem. F’dinja industrjali li tinbidel kontinwament, l-industrja lokali trid tirrevedi l-prodotti u s-servizzi tagħha minħabba l-bidliet teknoloġiċi li jseħħu kuljum.
Ir-Riċerka u l-Iżviluppgħandhom sinjifikat ekonomiku kbir u l-investiment f’dan il-qasam jirrifletti r-rieda tal-Gvern li nitilqu mill-metodi antiki li kienu jħarsu biss lejn profitt immedjat u naħdmu biex intejjbu l-prodotti u s-servizzi tagħna li jistgħu jiggarantulna futur aħjar.
Ir-Riċerka u l-Iżviluppjissarrfu f’ħażna ta’ għerf li l-pajjiż jista’ juża biex jikseb vantaġġ kompetittiv fuq pajjiżi oħra.  Il-kapital intellettwali hu meqjus bħala assi importanti li l-ekonomija tagħna tista’ tuża biex  tikseb klijenti ġodda, toħloq prodotti ġodda biex taqdi lil dawn il-klijenti u b’hekk insaħħu l-ekonomija tal-pajjiż li minnha jgawdi kulħadd.

Din is-sena, bħala parti mill-attivitajiet marbuta ma’ l-għoti ta’ scholarships, se nkunu qed norgizzaw Research Symposium biex nuru l-importanza tar-riċerka għal-pajjiżna.  L-attività li ħa ssir għada filgħdu fiċ-Ċentru tal-Mediterran għal-Konferenzi ħa tkun qed tlaqqa’ flimkien studenti li ħadu scholarships flimkien ma’ rappreżentanti ta’ numru ta’ setturi ekonomiċi ta’ importanza għal pajjiżna.  L-iskop hu li nuru kif dawn l-ischolarships qed jissarfu biex ikomplu ikabbru il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna.  Inħeġġikom biex intom tattendu għal din id-diskussjoni għax il-Gvern u l-industrija jridu jisimgħu l-opinjonijiet u l-viżjoni tagħkom.

Il-pajjiż li qed jinvesti dawn il-flus kollha fil-Boroż ta’ Studju jistenna li dawn għandhom jirrendu lura lill-pajjiż billi l-istudji u r-riċerka li qed issir mill-benefiċjarji tagħhom iservu biex titkattar il-ħażna ta’ għerf tal-pajjiż li mbagħad tissarraf f’ġid li minnu jgawdi kulħadd.

Għamilna ħafna f’dan il-qasam u mhux se nieqfu hawn.  Il-Gvern hu konxju li rridu nkomplu ninvestu fl-iScholarships. Din is-sena nidejna żewġ skemi oħra waħda fil-qasam tal-Arti u oħra fil-qasam tal-Kreattivita’. Issa rridu nibdew naħsbu fi skema oħra biex ngħinu lil min irid jibqa’ jistudja anke wara li jikseb Dottorat.

Din is-sena, in-numru ta’ persuni li se jingħataw Borża ta’ Studju taħt l-iskemi STEPS u MGSS tant żdied li nħasset il-ħtieġa li dawn jitqassmu f’żewġ serati differenti u din tal-lum hi l-ewwel waħda.

Hu ta’ pjaċir għalija li flimkien mal-Prim Ministru, għat-tielet sena konsekuttiva, se jkolli x-xorti nqassam dawn il-Boroż ta’ Studju.  M’għandix dubju li dawk li se jeħduhom se jisfruttaw l-opportunita’ li qed tingħatalhom u kif għamlu dawk ta’ qabilhom se jimpenjaw ruħhom biex itemmu b’suċċess l-istudji tagħhom, fl-interess tagħhom infushom u ta’ pajjiżna.

Sinjuri

Ippermettuli nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil-għalliema kollha fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, mil-livell tal-Kindergarten sal-professuri tal-Universita’.  Qegħdin hawn illejla bil-kontribut tagħkom.  It-tagħlim tagħkom qed iservi bħala bażi mportanti biex aktar studenti jkomplu javvanżaw fl-istudji tagħhom.  Il-vokazzjoni tagħkom mhux biss hija mmirata fuq l-istudenti imma qed tgħatu servizz u kontribut importanti lill-pajjiżna u l-Gvern japprezza il-ħidma u d-dedikazzjoni tagħkom.

Filwaqt li nifraħ lill-istudenti kollha li ħa jkunu qed jirċevu scholarship tul din il-ġimgħa nawguralkom għal-istudji u l-karrieri tagħkom.  Il-pajjiż huwa kburi bikom u nemmnu fil-potenzjal tagħkom; għalhekk qed ninvestu fikom u fil-pajjiż. Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

Aktar Stqarrijiet Right arrow