Bilanċ bejn l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-infuzar fil-ħidma tad-Dwana
pr1742
25/09/2010
| Malta tinsab | fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea u l-prodotti li jgħaddu mid-Dwana Maltija jistgħu jiċċirkolaw fil-bqija tal-Unjoni. B’hekk, ir-responsabbiltà fuq id-Dwana Maltija u l-uffiċjali tagħha hija akbar. Din għandha tiżgura li ma tkun qiegħda bl-ebda mod ixxekkel il-kummerċ, iżda li għandha tfittex li tiffaċilitah, filwaqt li tassigura livell mill-aqwa ta’ infurzar tar-regoli lokali u Ewropej. Hekk sostna l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, li huwa responsabbli mid-Dwana, f’diskors waqt ċerimonja organizzata biex jitfakkar Jum id-Dwana. |
| Il-Ministru Fenech saħaq li din ir-responsabbiltà | tal-uffiċjali tad-Dwana hija wkoll waħda soċjali. Dan għaliex dawn l-istess uffiċjali huma responsabbli mit-tielet l-akbar sors ta’ dħul importanti għall-Gvern. Dan l-istess dħul jintuża mill-Gvern biex ikun jista’ jipprovdi servizzi bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-infrastruttura lill-Maltin u l-Għawdxin mingħajr ħlas. Aktar minn hekk, impatt soċjali ieħor huwa marbut mar-responsabbiltà tal-uffiċjali tad-dwana li jwaqqfu tentattivi ta’ kuntrabbandu minn operaturi ekonomiċi partikolari, għaliex li kieku dan ma jsirx, ikun hemm theddida serja fuq l-impjiegi leġittimi ta’ dawk li jipproduċu jew ibiegħu l-prodott oriġinali fil-fabbriki u l-ħwienet tagħna. |
| Il-ħidma | tad-dwana tikkonċerna wkoll il-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur. Dan jgħodd b’mod partikolari fejn jidħlu prodotti tal-ikel kontaminati jew apparat elettriku li mhuwiex konformi ma' l-istandards Ewropej |
| Waqt | l-okkażjoni, li saret fuq il-Moll ta’ Dwana, Lascaris, tkellmu wkoll id-Direttur-Ġenerali tad-Dwana, is-Sur Joseph P. Brincat u uffiċjali responsabbli mit-taqsimiet differenti. Saret ukoll quddiesa tal-okkażjoni u tqassmu tifkiriet lil dawk l-uffiċjali li rtirtaw matul is-sena li għaddiet. |
Other Press Releases:
PR261993
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...
PR261992