Left arrow Go Back

IL-MEUSAC JIDDISKUTI L-ĦIDMA TAL-MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

pr1737
Date Icon 24/09/2010
Il-Core Grouptal-MEUSAC illum iddiskuta mal-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew (MPE) il-ħidma tagħhom matul l-ewwel sena tal-legiżlatura tal-Parlament li ġie elett f'Ġunju tas-sena l-oħra. Il-MPE li ħadu sehem u ddiskutew il-ħidma tagħhom mal-Core Group kienu Dott. Simon Busuttil (PPE), is-Sur Louis Grech u l-Profs. Edward Scicluna (PSE).
Fil-bidu tal-laqgħa,il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb, li ġie ddelegat mill-Prim Ministru biex jippresiedi l-laqgħa, irringrazzja lill-Onor. Dott. Chris Said tal-ħidma tiegħu biex jerġa’ jitwaqqaf il-MEUSAC u b’mod partikolari għall-interess tiegħu fil-ħidma tal-Core Group u għall-appoġġ li l-MEUSAC dejjem sab mingħandu. Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika, Dott. Said ippresieda l-laqgħat tal-Core Group minn mindu reġa’ beda jiltaqa’ f’Awwissu tal-2008.
Fl-intervent tiegħu,Dott. Simon Busuttil (Partit Popolari Ewropew - PPE) tkellem dwar il-ħidma parlamentari tiegħu u tas-Sur David Casa, iż-żewg MPE Maltin fil-PPE.  Filwaqt li spjega kif jaħdem il-Parlament Ewropew u l-kumitati tiegħu, fisser is-sehem tiegħu fil-Kumitat għal-libertajiet ċivili, ġustizzja u intern, f’dak dwar is-suq intern u l-konsumatur, kif ukoll fil-kumitat li jilqa’ l-petizzjonijiet taċ-ċittadini.  Tkellem dwar il-ħidma tal-MPE biex dak li jiġi deċiż fil-PE jasal għand in-nies filwaqt li l-MPE jibqa’ jilqa’ l-kontribut tal-kostitwenti sabiex il-PE jilħaq l-aspirazzjonijiet u l-aspettattivi tal-poplu.
Is-Sur Louis Grech(Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi - S&D) tkellem dwar kemm hi fundamentali l-ħidma tal-Parlament Ewropew sabiex minn Brussell u Strasburgu din il-ħidma tissarraf f’bidla li tkun ta’ benefiċċju għaċ-cittadini Maltin.   Hu spjega kif irnexxielu jressaq diversi temi importanti għal pajjiżna fil-PE, fosthom il-kwistjoni tat-trab iswed, ir-realtà tas-suq waħdieni anke għall-intraprizi żgħar Maltin, ix-xiri onlajn u s-saħħa waqt is-safar, fost l-oħrajn.  Huwa sostna li dawn huma l-kwistjonijiet li jżidu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea.
Is-Sur Grech qal li jekkwieħed iqabbel il-ħidma tal-MPE Maltin ma’ dik ta' pajjiżi oħra, l-MPE Maltin jaħdmu iktar minn dawk li ġejjin minn Stati Membri oħra.
Min-naħa tiegħu,il-Prof. Edward Scicluna (S&D) tkellem dwar ir-rispons li jirċievu l-MPE mingħand iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet lokali. Qal li ħafna drabi, bħala MPE, ikollu jittallab għal dan ir-rispons.  Spjega kif il-kriżi finanzjarja kellha impatt fuq pajjiżna wkoll u għalhekk jistenna iktar rispons minn dawk ikkonċernati.
Il-Prof. Sciclunatkellem dwar il-ħidma tiegħu fil-Kumitat dwar l-Ekonomija u l-Politika Monetarja. Qal li f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika ma jistax ikun li l-Istati kollha Ewropej japplikaw l-istess miżuri ta' awsterità. Sostna li għalkemm hu importanti li wieħed jikkontrolla l-iżbilanċ, fi żminijiet bħal dawn wieħed għandu joqgħod attent li jkompli joħloq l-impjiegi.
It-temi mqajmamill-membri waqt id-diskussjoni kienu jittrattaw il-ħidma tal-MPE fil-kumitati parlamentari li huma jagħmlu parti minnhom, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, is-suq waħdieni u d-drittijiet ċivili.   Membri tal-Core Group semmew ir-riżorsi limitati tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’Malta. Ġie diskuss ukoll ir-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni.
Dott. Busuttil ħeġġeġlis-soċjetà ċivili biex tavviċina lill-MPE anke qabel ma jsiru l-votazzjonijiet fil-Parlament biex iwasslu l-vuċi tagħhom fil-PE b’mod iktar effettiv. Is-Sur Grech saħaq li l-MEUSAC jista’ jservi bħala waħda mir-riżorsi  biex organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jegħlbu l-limitazzjonijiet tagħhom u jwasslu l-messaġġ tagħhom lill-MPE.
Kienu preżentigħal-laqgħa s-Sinjura Sylvia Gauci (Segretarju Eżekuttiv, MCESD), is-Sinjorina Graziella Pullicino (Aġent Kap tas-Segretarjat tal-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), is-Sur Arthur Rossi (CMTU), is-Sinjorina Abigail Mamo (GRTU), is-Sur Tony Zarb(GWU), is-Sur Andrè Fenech (MCCEI), is-Sur Joe Farrugia (MEA),  is-Sur Jesmond Bonello (UHM), is-Sur Benjamin Rizzo, is-Sur Gino Schiavone u s-Sinjura Anna Borg (rappreżentanti tas-soċjetà ċivili), Dott. Diane Farrugia (Segretarju), kif ukoll membri tal-istaff tal-MEUSAC.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

More Press Releases Right arrow