DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAL-PROĠETT TAT-TINED U Ċ-ĊENTRU TAL-VIŻITATURI F’ĦAĠAR QIM U L-IMNAJDRA - IL-ĦAMIS, 23 TA’ SETTEMBRU 2010.
pr1731
24/09/2010
| L-esperjenza tal-lejla fejn qed ninawguraw Ċentru | tal-Viżitaturi u tined protettivi f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra hi waħda b’dimensjonijiet differenti: kulturali, artistika, edukattiva, tisħiħ tal-prodott turistiku u ekonomika. Investejna fi proġetti li jirrendu għal pajjiżna. Li jsaħħu l-apprezzament tagħna lejn l-istorja ta’ pajjiżna. Investejna f’mezzi edukattivi biex il-poplu tagħna u min jiġi jżurna jsir jaf aktar dwarna. |
| Il-kultura, fil-forom varji tagħha, hi wkoll forza | li, lill-ekonomija tgħejjixha u ssaħħaħha. Hi r-ruħ li tanima lill-ġisem. Dan narawh il-ħin kollu fir-relazzjoni li hemm bejn l-isport, l-arti, it-teatru, id-divertiment, fuq naħa, u manteniment ekonomiku ta’ pajjiż, fuq in-naħa l-oħra. |
| F’Malta | dan narawh mill-importanza li għandu l-aspett storiku u artistiku ta’ pajjiżna fis-settur turistiku. Għalina t-turiżmu huwa proposta kulturali lid-dinja. Malta tattira lit-turisti minn kull parti tad-dinja għaliex hija attrazzjoni storika u artistika. Il-wirt arkitettoniku, bħal setturi oħrajn, huwa parti importanti mill-kredenzjali nazzjonali tagħna. Illum li ninsabu fl-Unjoni Ewropea nistgħu nifhmu u naraw dan b’mod tanġibbli wisq aktar minn qatt qabel. Malta hi stmata anki għall-wirt storiku tagħha, li hu kbir għall-qies tagħha. |
| Kull | pajjiż għandu d-dinjità nazzjonali tiegħu miġbura f’xi qasam jew ieħor tal-attività umana. Meta mmorru lura fl-istorja tagħna, f’pajjiżna nsibu poplu minn dejjem attiv biex isib l-għajxien tiegħu fuq il-gżira żgħira li hi daru, u dejjem konxju mill-baħar miftuħ ta’ madwaru, huwa poplu li bbrilla fost l-oħrajn fil-qasam tax-xogħol tal-ġebla. Ġebla li hija riżorsa naturali li dejjem obdiet l-ordnijiet ta’ ħila u kreattività tal-ħaddiem abitant tal-gżira. |
| Malta | tista’ tingħad li skopriet lilha nnifisha permezz tal-iskoperta tas-sinifikati li għandha l-ġebla tagħha stess. L-arkitettura ta’ pajjiżna, ta’ kull forma u ta’ kull stil u ta’ kull epoka, mill-għelieqi sal-pjazez fejn hemm il-ġebla maħduma, hi arkitettura li tiddokumenta l-identità ta’ poplu ħabrieki, ħaddiemi u produttiv. F’din il-ħidma tal-ġebla l-antenati tagħna, ta’ kull żmien, ħallew minquxin b’mod meraviljuż is-sentiment u l-ħsieb tagħhom ta’ abitanti li ħabbew l-ambjent tagħhom u fittxu li jaħdmuh b’mod sabiħ daqskemm b’mod utli għalihom u għal ta’ warajhom. |
| L-eqdem | dinjità tagħna fil-ġebla hi dokument ta’ qedem mondjali. It-tempji l-qodma tagħna, magħrufin xjentifikament bħala l-eqdem bini tal-ġebel li jżomm waħdu fid-dinja, illum huma magħrufin mad-dinja kollha. L-UNESCO tagħrafhom bħala monumenti li jidħlu fil-lista ta’ siti ta’ patrimonju dinji. Għalhekk kull sforz għandu jsir biex dawn it-tempji qodma jitħarsu għall-ġid tagħhom stess, għalina li għandna r-responsabbiltà li nħarsuhom, u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna, li bħalna wkoll għandhom id-dritt li jgawduhom u li jħossu li huma tagħhom fl-integrità proprja tagħhom. |
| Dan | il-proġett tat-tined, għalhekk, għandu importanza kbira, anki għaliex irid jibgħat messaġġ ċar ta’ kemm hi kbira l-għożża u kemm hu profond l-apprezzament edukat tagħna ta’ dan il-wirt li lil Malta jagħtiha verament dimensjoni dinjija, unika u eċċezzjonali. Qed nagħtu futur lill-passat tagħna. Dak li qed ninawguraw illum hu proġett wieħed li sar b’investiment ta’ €4.7 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. |
| Minbarra | dan il-proġett, diġà beda xogħol sabiex ikun ikkumplimentat dak li jiġi inawgurat illum, bi proġett ieħor żgħir, imma importanti, ta’ Nature Trail li se jinterpreta il-pajsaġġ naturali fl-ambitu tal-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, u li permezz tiegħu ser tiġi spjegata lill-pubbliku l-flora u l-fawna. |
| Ma’ dawn | il-proġetti jingħaqdu proġetti oħra fil-Ġgantija ġewwa Għawdex, it-tempji ta’ Ħal Tarxien u l-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, Malta. Dawn it-tliet proġetti, b’investiment ieħor ta’ €9.2 miljun mill-istess fond, għaddej bħalissa x-xogħol fuqhom u huwa ppjanat li jitlestew lejn l-aħħar tal-2013. B’dawn il-proġetti rridu li jikber l-apprezzament lejn is-siti storiċi tagħna. |
| Irridu | li aktar Maltin u turisti jżuru t-tempji u l-mużewijiet li għandna f’pajjiżna. Bejn Jannar u Awissu ta’ din is-sena aktar minn seba’ mitt elf persuna żaru l-postijiet storiċi ta’ pajjiżna mmexxija mill-aġenzija tal-Gvern, Heritage Malta. Dan ifisser żieda ta’ 6% fuq l-ewwel tmien xhur tas-sena li għaddiet. |
| Il-Gvern | hu mpenjat li jkompli jħares il-wirt kbir ta’ pajjiżna. Illum min imur il-Belt, l-Imdina, il-Birgu u ċ-Ċitadella f’Għawdex jara x-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-fortifikazzjonijiet ta’ pajjiżna. Proġett b’investiment ta 36 miljun ewro. Dan il-proġett flimkien ma’ numru oħrajn li qed isiru madwar Malta speċjalment fil-Belt Valletta kif ukoll f’numru ta’ lokalitajiet ikompli juri r-responsabbiltà li għandna bħala ġenerazzjoni lejn pajjiżna u lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. |
Sinjuri,
| Dawn | it-tempji jagħtu lil pajjiżna mhux biss post prominenti ħafna fl-istudju tal-progress tal-bniedem fid-dinja, imma wkoll post importanti fil-mappa tal-attrazzjonijiet turistiċi. |
| Għalhekk | jien ċert li dan hu proġett li jsib l-apprezzament tagħna lkoll għaliex huwa sinjal tal-maturità kulturali tagħna, u tal-interess li għandna lkoll li naraw lil dan il-wirt ikompli jkun attrazzjoni dinjija. |
| It-tempji qodma tagħna huma parti mill-kredenzjali | nazzjonali tagħna. Dawn it-tempji huma fost l-aqwa dokumenti li għandna biex insaħħu l-immaġni tagħna kemm bħala nazzjon kif ukoll bħala post turistiku. Għalhekk dan il-proġett huwa pass ieħor importanti fil-proċess tagħna ta’ għarfien akbar tal-patrimonju kulturali tagħna. Huwa wkoll eżempju ieħor tal-impenn kostanti tagħna li nagħtu l-akbar importanza lil dan il-patrimonju bil-modi possibbli kollha, qabelxejn biex ikun imħares għalina llum u għada għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, u wkoll biex it-tempji qodma ta’ Malta jkomplu jkunu attrazzjoni internazzjonali. |
| Dan | il-proġett ta’ konservazzjoni, għalhekk, hu parti mill-proġett ġenerali kollu li jrid jarana nagħmlu kulma nistgħu biex nagħrfu dejjem aktar min aħna. Aħna ... Poplu kburi bi ġrajjietu u ħidmietu. Nazzjon b’identità. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990